Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta – xogħol ta’ pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ix-xogħol ta' pavimentar ta' toroq fil-Belt Valletta li kien ippjanat li jsir qabel il-V18 hux se jsir jew le? Jista’ jagħti lista ta' toroq li se jiġu pavimentati fil-Belt Valletta minn issa sal-V18, inkluż l-istima ta' kemm se tiġi tiswa kull triq u meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun diskuss u ppjanat il-programm li jmiss ta’ pavimentar ta’ toroq fil-Belt Valletta in konnessjoni mal-okkażjoni tal-V18.

Il-Belt Valletta – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti infrastrutturali li se jsiru fil-Belt Valletta għall-okkażjoni tal-V18? Jista’ jgħid kemm ġej jiswa kull proġett, kif se jiġi ffinanzjat u meta hu ppjanat li jibda u jispiċċa x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Il-Belt Valletta – karozzini rotot

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ir-rotta preżenti li jagħmlu użu minnha tal-karozzini, jiġifieri dik illi jduru mad-dawra tal-Belt Valletta, hux se tinbidel u minflok jibdew jidħlu fiċ-ċentru tal-Belt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jeżistux pjanijiet sabiex il-karozzini ikunu jistgħu jibdew jiċċirkolaw fiċ-ċentru tal-Belt Valletta.

Transport Malta – laqgħat tal-bord – overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jinżammu nies bl-overtime meta jkun se jiltaqa’ l-bord ta' Transport Malta? Min huma dawn in-nies u xi jkun xogħolhom waqt li tkun għaddejja l-laqgħa tal-bord?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies li jinżammu wara l-ħin meta jkun se jiltaqa’ l-bord ta’ Transport Malta ġeneralment huwa ta’ tnejn. Dawn huma fil-gradi ta’ executive, li tipprovdi sapport amministrattiv kif ikun hemm bżonn, u cleaner/maid.

reserved parking — Bord dwar applikazzjonijiet – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kostitwit il-bord li jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reserved parking? Xi kwalifiċi għandhom dawn il-persuni? Fuq liema kriterji ġew magħżula dawn il-persuni biex iservu fuq dan il-bord?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

reserved parking­ – policy għall-permessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-permess għal reserved parking ħareġ, lokalità lokalità, mit-12 ta' Marzu 2013? Dawn il-permessi għal reserved parking ħarġu skont il-policies eżistenti jew ħarġu skont policies ġodda? F'każ li dawn ir-reserved parkings ħarġu skont policies ġodda, jista’ jpoġġi kopja ta' dawn il-policies fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont rekords li għandha Transport Malta, il-permessi maħruġa għall-parkeġġi riservati, lokalita’ b’lokalita’, mit-12 ta’ Marzu 2013, huma skont kif indikat fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-permessi għall-parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabbilta’ ħarġu skont il-polza eżistenti li kellha biss emendi minuri bi qbil u fuq rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’.

reserved parking — persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy dwar il-personalizzazzjoni tar-reserved parking għal persuni b'diżabilità għadhiex tiġi applikata jew ġietx sospiża?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa għaddej eżerċizzju b’mod komplessiv biex jitjiebu il-faċilitajiet tal-parking.

Arriva – vetturi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-operatur tat-trasport pubbliku, jiġifieri l-Arriva, biex jiżdiedu l-vetturi fuq diversi rotot? X'inhuma l-qisien tal-vetturi li se jiżdiedu? Il-bendy buses se jitneħħew jew se jibqgħu? Hemm xi ditta partikolari ta' vetturi li qed tintalab mill-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ Arriva Malta Ltd u jkun prematur li nippubblikaw dettalji f’dan il-mument.

Xogħlijiet fuq toroq – għażla ta’ kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura qed tintuża biex jiġi deċiż liema kuntratturi tat-toroq jitħallsu tax-xogħol li jkunu għamlu, u f'liema sekwenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tat-Toroq u Infrastruttura jħallas lill-kuntratturi għax-xogħlijiet li jkunu saru fuq it-toroq wara li x-xogħol tagħhom jiġi ċċertifikat u awtorizzat. Normalment il-pagamenti jsiru hekk kif dan il-proċess kollu jiġi konkluż.

Il-Għargħur – xogħol fuq water culvert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' water culvert fil-Għargħur, xogħol li se jsir bi sħab bejn il-Kunsill Lokali tal-Għargħur u d-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jiena ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Servizzi għamel applikazzjoni għal permess għal żvilupp sħiħ mal-MEPA rigward dan ix-xogħol. Għadu prematur li wieħed jagħti data ta’ meta ser jibda dan ix-xogħol għax dan jiddependi mill-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni min-naħa tal- MEPA.
Leg 12 PQ #63 Sitting 54 2013-07-17 Written · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Għargħur – restawr tal-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata tal-Knisja tal-Għargħur?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li l-Ministeru qatt kellu talba għal xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur.

Il-Għargħur – Triq Caravaggio — stages

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga jekk hemmx bżonn taż-żewġ stages li jinstabu fi Triq Caravaggio, fil-Għargħur? Jekk ma hemmx bżonnhom it-tnejn, jista’ l-Ministru jieħu dawk il-passi kollha meħtieġa biex wieħed minnhom jitneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat illi Transport Malta vverifikat fuq iż-żewġ bus stops imsemmija u rriżulta li dawn ġew imwaħħla fl-istess post fejn kien hemm żewg bus stops preċedenti li kienu jintużaw fis-servizz l-antik operat mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minkejja dan, Transport Malta ser tkun qiegħda tevalwa u tiddiskuti l-ħtieġa ta’ dawn iż-żewġ bus stops mal-Kunsill Lokali kkonċernat.

Kunsill Malti għall-Isport – HR Audit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta rċieva l-HR Audit li kien ikkummissjonat dwar il-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadni ma rċevejt ebda HR Audit dwar il-Kunsill Malti Għall-Isport.

Kunsill Malti għall-Isport – HR Audit

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tal-HR Audit tal-Kunsill Malti għall-Isport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W65.

Kunsill Malti għall-Isport – karigi aboliti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema karigi qed jiġu aboliti fil-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa din id-data m'hemm l-ebda post li qed jiġi abolit.

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu full-time u part-time mal-Kunsill Malti għall-Isport? F’liema karigi qegħdin? F’liema skali qegħdin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nies ġodda full-time u part-time bdew jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-Isport mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn kien hemm erba' (4) persuni ġodda full-time u erbgħa u sittin (64) persuna part-time li bdew jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-iSport, pero' l-istaff complement ma żdiedx anzi naqas.

Kunsill Malti għall-Isport – trasferiment ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew trasferiti mill-Kunsill Malti għall-Isport biex jaħdmu f’dipartimenti governattivi oħra mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Liema karigi kienu okkupaw dawn il-persuni? F’liema dipartimenti ntbagħtu? Min qiegħed jagħmel ix-xogħol li kellhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda persuna li ġiet trasferita mill-Kunsill Malti Għall-Isport biex jaħdem f'dipartiment governattiv ieħor mid-09 ta' Marzu 2013 'l hawn.

Kunsill Malti għall-Isport – trasferiment ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew trasferiti minn dipartimenti governattivi għal mal-Kunsill Malti għall-Isport mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Liema karigi jokkupaw dawn il-persuni? Minn liema dipartimenti ġew? Minn liema studju jew audit irriżulta li kien hemm bżonnhom dawn il-ħaddiema? Saret xi sejħa interna għas-settur u s-servizz pubbliku biex dawn il-persuni ġew trasferiti mal-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport – karigi ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karigi li okkupaw il-persuni, li d-detailing tagħhom mal-Kunsill Malti għall-Isport ġie revokat mill-Prim Ministru fuq suġġeriment tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, biex wara jiġu trasferiti biex jaħdmu f’dipartimenti governattivi oħra mid-9 ta’ Marzu ’l hawn, humiex se jiġu aboliti jew ħaddiema ġodda se jissostitwixxu lil dawn il-ħaddiema fil-karigi rispettivi? Kif se jintgħażlu dawn il-ħaddiema l-ġodda? Se jiġu mis-servizz pubbliku jew minn barra s-servizz pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.