B'referenza għall-avveniment li Heritage Malta organizzat fil-5 ta' Ottubru ġewwa l-Mużew tal-Arti fil-Belt, jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm żewġ ħaddiema ta' Heritage Malta jillitigaw fil-preżenza ta' xi mistednin? Jista' ukoll jgħid jekk dawn il-ħaddiema ngħatawx l-opportunità li jattendu għal taħriġ fil-customer care?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kien hemm diżgwid żgħir fuq proċedura amministrattiva, kif jista’ jiġri fiq kull post tax-xogħol, bejn impjegat ta’ Heritage Malta u impjegat ta’ kuntrattur privat. Il-kwistjoni mietet ftit minuti wara li twieldet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm fit-team tal-Mużew tal-Arti li hija fi grad D jew inqas tal-ftehim kollettiv? Jista' jgħid ukoll kemm din il-persuna/i għamlu sigħat ta’ overtime fis-snin 2014, 2015 u 2016?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-Mużew tal-Arti hemm persuna waħda fil-gradi msemmija, li jagħmel xogħlijiet anki f’postijiet oħra skont il-ħtieġa. F’dawn is-snin saru dawn is-sigħat ta’ overtime:
2014 – 306.25 sigħat
2015 – 261.5 sigħat
2016 – 367.45 sigħat
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura ta' kif Heritage Malta takkwista xogħlijiet tal-arti jew xogħlijiet ta’ valur skoriku minn irkanti, dealers jew individwi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kull kuratur huwa obbligat li jżomm għajnejh miftuħa għal xi okkażjonijiet li jistgħu jinqalgħu sabiex jiġu akkwistati oġġetti ta’ importanza għall-kollezzjonijiet rispettivi. Dan isir billi jsegwu x-xena tal-irkantijiet u dealers, u/jew inkella jiġu avviċinati minn individwi privati li jagħmlu l-offerta tagħhom.
Meta l-kuratur ikkonċernat jaħseb li għandu jinxtara xi oġġett partikolari jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu eċċ. kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28246.
B'referenza għall-pittura li Heritage Malta akkwistat għal €75,000, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-esperti li taw il-parir sabiex tiġi akkwistata din il-biċċa xogħol tal-arti? Jista' ukoll l-Ministru jgħid min kienu l-courier/s li akkumpanjaw din il-pittura f’triqitha lejn Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li originarjament kien l-Imħallef Dr Giovanni Bonello li għarraf lil Heritage Malta bil-possibbiltà li tinxtara din il-pittura. Saret ukoll ir-riċerka kollha meħtieġa mill-kuraturi ta’ Heritage Malta.
Il-pittura twasslet direttament fil-laboratorji tal-konservazzjoni ta’ Bighi minn kumpanija privata ta’
courier
.
Heritage Malta – school visits – bejgħ ta’ ikel li mhux tajjeb għas-saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li ma jinbiegħx ikel u xorb (li mhux meqjusa bħala ikel tajjeb għas-saħħa) lit-tfal tal-iskejjel waqt school visits fil-mużewijiet ta' Heritage Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-museum shops jipprovdu estensjoni tal-esperjenza lill-udjenza kollha, b’mod ġenerali, li żżur il-muzewijiet, u mhux lil udjenza waħda partikolari.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – impjieg ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qattx ġiet offruta impjieg minn kwalsijasi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Kultura?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kuntrarjament għas-settur privat, is-settur pubbliku jimxi bir-regoli stipulati dwar l-ingaġġ ta’ persuni. Il-persuna indikata ma għandha l-ebda impieg ma’ ebda entità.
Jista' l-Ministru jgħid kull meta ser ikun qiegħed jagħti ż-żidiet fil-pensjoni tad-diżabilità sabiex sal-2019 il-persuni b'diżabilità jkunu qed jirċievu l-istess daqs l-ammont nett li impjegat idaħħal mill-paga minima nazzjonali? Jista' jgħid jekk dawn iż-żidiet humiex ser ikunu qed isiru darba fis-sena għal kull sena sal-2019 jew perjodikament? Jekk perjodikament, jista' jagħti d-dati ta' meta ser ikunu qegħdin isiru dawn iż-żidiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, r-rata stabbilita għas-sena 2017 għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa hija ta’ €120 fil-ġimgħa.
Fid-diskors tal-baġit għal din is-sena kien intqal li l-ewwel livell se jikkonċerna lil dawk il-persuni b’diżabilità li assolutament ma jistgħux jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol skont il-Barthel Index.
Dawn se jkunu qed jirċievu l-ogħla rata ta’ benefiċċju li se tiżdied, bil-għan li, eventwalment u gradwalment, din ir-rata tkun ekwivalenti għall-ammont nett li persuna ddaħħal mill-Paga Minima.
Ir-rata kemm se tkun fis-snin li ġejjin tiġi stabbilita fil-baġits li jmiss, bi qbil mal-Ministeru tal-Finanzi.
Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — proposti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28674, jista’ l-Ministru jgħid, mill-proposti li ġew imressqa mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD għall-Baġit 2017, kemm minnhom ġew inkorporati fil-baġit u kemm minnhom tħallew barra?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
It-tagħrif li qed jitlob għalih l-Onor. Interpellant jinstab bejn id-dokument bl-isem Measures proposed by the Gozo Regional Committee of the MCESD for the 2017 Budget (September 2016) li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ftit jiem ilu mill-Onor Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u fid-Diskors tal-Baġit 2017 li jien għamilt f’din il-Kamra fis-17 ta’ Ottubru 2016.
Il-Ministeru ma jistax jagħmel l-eżerċizzju mitlub mill-Onorevoli Interpellant għaliex ikun soġġettiv ħafna li tiddikjara jekk kull waħda minn madwar tlett mitt proposta li ġew sottomessi ġewx inkorporati u, jekk iva, il-grad ta’ kemm ġew inkorporati.
Il-Bagit hu eżerċizzju ferm akbar minn sempliċi kullana ta’ miżuri. Huwa strument li fit-totalità tiegħu jistimola l-ekonomija biex tilħaq l-ogħla potenzjal possibbli u tara li l-ġid jitqassam mas-saffi kollha tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Learning Support Assistant Għawdxin – video conferencing
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Learning Support Assistants Għawdxin li qed jattendu kors organizzat mill-Università ta' Malta bdewx jingħataw il-faċilità matul din is-sena skolastika biex isegwu l-lectures permezz tal-video conferencing minn Għawdex? Jekk le, għaliex u meta hu maħsub li jingħataw din il-faċilità biex jitnaqqas bil-kbir l-inkonvenjent ta' dawn il-persuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li dan il-kors kien offrut Malta biss u meta l-istudenti applikaw dan kienu jafuh.
Madankollu, saru arranġamenti biex il-lectures fit-tieni semestru ta’ din is-sena jkunu organizzati permezz tal-video conferencing u jkunu jistgħu jiġu segwiti Għawdex permezz ta’ dan il-mezz mill-istudenti Għawdxin. L-Università bħalissa qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dan ikun possibbli u biex l-istudenti jkunu jistgħu jipparteċipaw attivament waqt dawn il-lectures, għall-benefiċċju tagħhom stess. F’xi każijiet, pero', minħabba n-natura ta’ xi ftit lectures li huma experiential, il-preżenza fiżika tal-istudenti kollha f’Malta se tkun meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali fuq pagi tal-ħaddiema u spejjeż oħra relatati mal-pagi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Ordinanza dwar id-Drittijiet ta’ Xhieda – tariffi riveduti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29067, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-raġuni li t-tariffi fl-iskeda kollha tal-Kap. 108 tal-Liġijiet ta' Malta (Ordinanza dwar Drittijiet ta' Xhieda) mhux qed jiġu applikati u ilhom ma jiġu applikati għaliex l-għola tariffa għal xhud hija ta' madwar 70 ċenteżmu għal xhud professjonist u li għaż-żminijiet tal-lum din hija redikola u ħadd mhu se jfittex biex jieħu 70 ċenteżmu jew anqas, talli jkun ħela nofstanhar jew aktar biex imur jagħti x-xhieda tiegħu meta jiġi mħarrek? Ma jaħsibx li jekk ikun hemm tariffa adegwata għax-xhieda dan iwassal biex ma jitħarrkux xhieda għalxejn u għalhekk jiġi ffrankat ħafna ħin prezzjuż lill-Qrati tagħna u fl-istess ħin xhud li jitlef sigħat ta' xogħol biex jagħti x-xhieda tiegħu, jingħata kumpens ġust?
Response (BONNICI, OWEN)
L-imsemmija tariffi japplikaw kemm għall-kawżi fil-Qrati Ċivili u kemm għall-kawżi quddiem il-Qrati Kriminali. Jekk kellu jkun hemm revizzjoni kif qed jiġi suġġerrit mill-Onor Membru, tista' tinħoloq sitwazzjoni fejn min ma jistax iħallas jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jressaq provi biex jiddefendi lilu nnifsu.
Ma hemm xejn x’jindika li jekk joghlew it-tariffi allura dan ifisser li jiġu mħarrka inqas xhieda. Illum il-Qorti diġà tirregola x-xhieda li jiġu mressqa għall-aħjar amministrazzjoni tal-ħin tagħha u tar-relevanza tal-provi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim maqbul bejn il-Gvern u d-Dar tal-Providenza b'rabta mad-djar residenzjali fil-komunità għall-persuni b'diżabilità li ġew inawgurati fl-2016, liema djar huma mmexxiha mid-Dar tal-Providenza?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kontenut tal-ftehim huwa ta' natura kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim maqbul bejn il-Gvern u Dar Arka b'rabta mad-dar residenzjali għall-persuni b'diżabilità li ġiet inawgurata f'Diċembru 2016 f'Għajnsielem Għawdex, liema dar hija mmexxiha minn Dar Arka stess?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kontenut tal-ftehim huwa ta' natura kummerċjalment sensittiva.
Dar tal-Anzjani tal-Mosta – użu ripetut ta’ frieket u skieken tal-plastik
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li għal numru ta' ġimgħat fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, minħabba ħsara fid-dish washer li effettivament din baqa' ma ssewwietx, qed jerġgħu jintużaw ripetutament, frieket u skieken tal-plastik (disposable) wara li dawn jinħaslu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalissa id-dishwasher fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta hija bil-ħsara. Wara li saret xi tiswija minn technician din reġgħet tħassret u nħarġilha ċertifikat mit-technician stess li hija unserviceable. B’hekk beda il-proċess biex tinxtara dishwasher oħra.
Għalissa, sakemm tasal
dishwasher
ġdida, qed jintużaw id-
disposables
. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-allegazjoni tieghu hi infondata u intenzjonata biss biex tallarma. Ninfurmah li dawn il-pużati
disposables
jiġu mormija wara li jintuzaw.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk din is-sena hux mistenni li jkun hemm estensjonijiet fit-Tourism Police Zones, wara l-esperiment tas-sena li għaddiet? Kemm hu n-numru ta' pulizija li fil-fatt daħlu biex jagħtu dan is-servizz, u kemm għad fadal minnhom li baqgħu jagħtu l-istess servizz?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru tat-Turiżmu rigward il-possibilità ta’ estensjonijiet fit-Tourism Police Zones. Infurmat ukoll ii segwew il-kors fit-Tourism Policing, (41) wieħed u erbgħin membru tal-Korp. Bħalissa, għaż-żona ta’ San Ġiljan u tas-Sliema hemm (11) ħdax-il membru tal-Korp li qegħdin jagħtu s-servizz ta’ Tourism Police Officer. Jekk iż-żoni jiġu estiżi, jistgħu jiġu miżjudin aktar membri kif ukoll utilizzati l-membri l-oħra li segwew il-kors ukoll.
San Pawl il-Baħar – laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija – grupp ta’ ħarsien ambjentali
Question
Billi fil-media soċjali dehru posts li jgħidu li kienu talbu laqgħa mal-Kumissarju tal-Pulizija biex jitwaqqaf grupp ta' ħarsien ambjentali fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt din il-laqgħa seħħitx u jekk iva x'kien l-eżitu tagħha?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ħadd ma talab li ssir din il-laqgħa mal-Kumissarju tal-Pulizija.
Toroq ġodda li mistenni li jsiru matul din is-sena
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq ġodda huma mistennija li jsiru matul din is-sena, u f'liema lokalitajiet, separatament? Għal liema minn dawn it-toroq diġà ħarġu t-tenders, u liema diġà ġew aġġudikati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq it-toroq isiru skont il-prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist.
Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħol ta’ trinek fit-toroq
Question
Billi ripetutament fir-risposti parlamentari jingħad li Transport Malta tibda tagħmel l-ispezzjonijiet fuq xogħol ta’ trinek fit-toroq Maltin, wara li tiġi notifikata mill-entitajiet li jagħmlu x-xogħol li l-istess xogħol hu lest, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li Transport Malta ma twettaqx spezzjonijiet, jekk kemm-il darba l-istess entitajiet ma jinfurmawhiex li x-xogħol ikun tlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li spezzjonijiet kemm waqt it-twettieq tax- xogħlijiet, kif ukoll wara li jitlestew ix-xogħlijiet, isiru mid-Direttorat tal-Infurzar sabiex jiġi aċċertat li x-xogħlijiet saru skont il-kundizzjonijiet tal-permess rispettiv. Id-Direttorat tat-Toroq imbagħad ikompli jagħmel spezzjonijiet matul is-sentejn garanzija, wara li jkun ġie sottomess ir-rapport ta’ konformita’ mill-perit tal-kuntrattur rispettiv. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 26798, 28066 u 28067 għal aktar tagħrif dwar il-proċess tas-sentejn garanzija .
Investigazzjonijiet dwar kitbiet li dehru madwar Malta
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija hux qed twettaq xi investigazzjonijiet partikolari għal dak li jikkonċerna l-bosta kitbiet li dehru madwar Malta, liema kitbiet jidher li għandhom tifsiriet partikolarment qawwija?
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każi ta’ ġlied fit-toroq li seħħ matul l-2016, u li rapporti dwarhom waslu għand il-pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn ir-rapporti fil-fatt kellhom l-investigazzjonijiet tagħhom konklużi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx din l-istatistika fil-forma mitluba