Jista’ l-Ministru jekk kemm hawn dgħajjes liċenzjati għas-sajd, kemm minnhom huma liċenzjati għas-sajd tat-tonn u kemm ġie esportat tonn din is-sena u fis-sena 2012?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament fir-Reġistru tal-Bastiment tas-Sajd hemm 1026 bastiment professjonali reġistrat għas-sajd kummerċjali. Fost dawn il-bastimenti hemm 63 li għandhom liċenzja għas-sajd tat-tonn.
Ninsab infurmat ukoll li sal-20 ta' Ġunju ta’ din is-sena kienu esportati 62,053 kilogrammi ta' tonn filwaqt li għas-sena 2012 l-esportazzjoni kienet total ta’ 98,087 il-kilogramm.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3759 u jgħid kemm kien hemm taxpayers fil-brackets t’hawn taħt, sena b’sena, mill-2008 sal-2012? Jista’ jagħti l-informazzjoni maqsuma bejn tax payers individwali u kumpaniji għall- a) Anqas minn €8,500; b) bejn €8,501 u €14,500; ċ) bejn €14,501 u €19,500; d) bejn €19,501 u €25,000; e) bejn €25,001 u €35,000; f) bejn €35,001 u €45,000; g) bejn €45,001 u €60,000; h) bejn €60,001 u €75,000; i) bejn €75,001 u €100,000; j) bejn €100,001 u €125,000; k) bejn €125,001 u €150,000; l) bejn €150,001 u €200,000; m) bejn €200,001 u €250,000; n) bejn €250,001 u €350,000; o) bejn €350,001 u €500,000; u p) aktar minn €500,000?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3474 u jgħid kemm inġabret VAT skont il-lokalità tal-intrapriżi, lokalità b’lokalità, matul l-aħħar ħames snin?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3472 u jgħid kemm kellu dħul il-gvern mit-taxxi kollha (sisa, dazju eċċ.) fuq is-sigaretti u/jew tabakk, sena b’sena, matul dawn l-aħħar 15-il sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3471 u jgħid kif varjaw it-taxxi kollha (sisa, dazju eċċ.) fuq is-sigaretti u/jew tabakk matul dawn l-aħħar 15-il sena?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel sitt Tabelli juru r-rati tad-dazji tal-importazzjoni, tal-import levies, tas-sisa, u ETI jew VAT bejn is-snin 1997 u 2003. Is-seba’ Tabella turi r-rati tas-sisa bejn l-1995 u l-2013. Wieħed għandu jinnota li mill-1 ta’ Mejju 2004, it-tariffa doganali komuni (common external tariff [CET]) tal-Unjoni Ewropea kienet implimentata għad-dazji tal-importazzjoni fuq prodotti tat-tabakk li joriġinaw barra mill-Unjoni kif indikat fiż-żewġ dokumenti dwar is-CET li wkoll qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. It-taxxa tal-VAT żdiedet minn 15% għal 18% mill-1 ta’ Jannar 2004.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-inizjattivi, skemi u proġetti ġodda relatati mal-isport li nieda l-Gvern preżenti f’dawn l-aħħar xhur u li ma kinux elenkati jew imnedija mill-amministrazzjoni preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Ottubru li ġej il-Kunsill Malti għall-Isport se jkun qed itella' għall-ewwel darba l-European Move Week, inizjattiva li se tkun qed tidħol fil-kalendarju annwali ta' inizjattivi mill-Kunsill Malti għall-Isport bil-għan li tħeġġeġ aktar nies jagħmlu attivita' fiżika.
Għalkemm ma kien hemm ebda skemi ġodda imnedija minn din l-amministrazzjoni peress li, għal fini ta' stabbilita', dan il-Gvern għażel li jżomm il-baġit hekk kif propost mill-Gvern preċedenti, bħalissa qed issir analiżi ta' kull skema eżistenti biex jiġi evalwat jekk dawn l-iskemi hux qed iħallu l-effett mixtieq.
Il-Gvern se jkun qiegħed jelenka u jniedi skemi ġodda relatati mal-isport u li l-amministrazzjoni preċedenti ma kinitx qed tikkontempla li tintroduċi, fil-baġit li jmiss u oħrajn li jsegwu.
Inizjattivi, skemi u programmi relatati mal-isport
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-inizjattivi, skemi u programmi relatati mal-isport li kienu mnedija mill-Amministrazzjoni preċedenti u li dan il-Gvern reġa’ kkonfermahom, u liema huma dawk li ma ġewx ikkonfermati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern preżenti żamm il-qafas tal-baġit għall-2013 kif preżentat mill-amministrazzjoni preċedenti u sussegwentement ikkonferma l-inizjattivi mħabbra f'Novembru 2012.
Kunsill Malti għall-Isport u Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports – laqgħat ma’ għaqdiet sportivi
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports humiex jiltaqgħu separatament mal-għaqdiet sportivi? Jekk iva, jista’ jgħid ma’ liema għaqdiet sportivi saru laqgħat min-naħa tal-Kunsill Malti għall-Isport u min-naħa tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Le, il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports m'humiex jiltaqgħu separatament mal-għaqdiet sportivi.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti sa issa l-ħidma tal-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports u jekk hux previst li fil-ġimgħat li ġejjin jiġi ppreżentat rapport dwar il-ħidma mwettqa s’issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport iltaqgħet mhux inqas minn darba fil-ġimgħa (barra x-xahar ta' Awwissu). Il-Kummissjoni iddiskutiet suġġetti dwar l-isport li jinkludu l-KMS, ir-riċerka, il-finanzi, il-faċilitajiet, il-media, il-marketing u l-iżvilupp u l-edukazzjoni. Diġa tħejja l-ewwel rapport tal-Kummissjoni fuq is-suġġetti msemmija.
Kunsill Malti għall-Isport u Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports — laqgħat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isports bejn Mejju u Awwissu 2013, x’kien l-eżitu ta’ dawn il-laqgħat u x’kienu s-suġġetti diskussi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda laqgħa ta' diskussjoni bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport bejn Mejju u Awwissu 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi raġuni għall-fatt li kontra l-prassi kif sar fil-passat, rappreżentanti taż-żgħażagħ fi ħdan il-partiti politiċi ma ġewx nominati/mistiedna biex ikunu parti mill-kumitat konsultattiv biex jaħdem fuq it-tfassil ta’ politika nazzjonali ġdida għaż-żgħażagħ wara li din tiġi fi tmiemha fl-aħħar ta’ din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Jien infurmat li l-Kumitat konsultattiv imwaqqaf biex ifassal il-politika nazzjonali ġdida għandu l-funzjoni biex jagħmel l-ewwel qafas għal konsultazzjoni. Dan ifisser li ż-żgħażagħ fi ħdan il-partiti politiċi se jiġu mistiedna fix-xhur li ġejjin biex jagħtu l-kontribut tagħhom u huma wkoll ikollhom sehem fit-tfassil tal-politika taż-żgħażagħ. Barra minn hekk l-Aġenzija Żgħażagħ talbet, permezz ta' e-mail lil għaqdiet reġistrati magħha, jgħaddu l-ewwel proposti tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-applikazzjoni għall-fondi Ewropej ħalli tiġi studjata l-vijabilità tal-gas pipeline bejn Malta u Sqallija? Jista' jgħid ukoll fejn wasal ix-xogħol fuq l-aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti ħalli jsir l-istess studju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti biex isir l-istudju ingħalqet.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1791 u jgħid jekk il-kiosks li hemm tul il-promenade ta’ Tas-Sliema humiex josservaw l-ispazju mogħti lilhom mill-Gvern u humiex konformi mal-permessi maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għal daqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Tal-Għallis – Impjant tat-Trattament għall-Iskart – Bord ta’ Evalwazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-Bord li twaqqaf biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, liema impjant ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Meta hu mistenni li dan il-bord ilesti l-evalwazzjoni tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Bord tal-Evalwazzjoni li twaqqaf biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, issottometta r-rapport tekniku tal-evalwazzjoni lid-Dipartiment tal-Kuntratti. Dawn min-naħa tagħhom qegħdin fill-proċess normali li jsaqsu għal ċerti kjarifiki mill-WasteServ. Sa kemm ma jkunx hemm dewmien f’dan il-proċess, jew konsegwenza ta’ xi appell, huwa mistenni li l-Bord tal-Evalwazzjoni jlesti xogħlu sal-aħħar t’Ottubru 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-WasteServ minn Mejju 2013 ’l hawn? F’kull każ x’inhi l-pożizzjoni li qed tokkupa? Jista’ jgħid ukoll meta saru s-sejħiet pubbliċi għal dawn il-karigi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn Mejju 2013 ’l hawn il-WasteServ impjegat 3 persuni ġodda. Il-pożizzjoni li qed jokkupaw u d-data meta saret s-sejħa pubblika huwa kif ġej:
·
R & D Executive
– Is-sejħa pubblika saret fit-28 ta’ Novembru 2012
·
Project Leader
– Is-sejħa pubblika saret fl-24 ta’ Diċembru 2012
·
Chief Executive Officer
– ma kienx hemm sejħa pubblika minħabba li ġejna iffaċjati bir-riżenja taċ-
Chief Executive Officer
ta’ qabel
Ta’ min jinnota li fil-preżent il-WasteServ għanda total ta’ 408 il-persuna li minnhom 298 huma impjegati tal-JF Services, li jinkludu 33 f’livell amministrativ, minkejja li kien intqal mill-Gvern preċedenti li nies tal-JF Services kellhom jingħataw biss xogħol verament sekondarju.
Minn Jannar 2012 sad-9 ta’ Marzu 2013, ġew impjegati 30 persuna mill-WasteServ u 116 ġew impjegati mill-JF Services biex jaħdmu fil-WasteServ u dan minkejja rapport li kien ikkummissjona l-Gvern preċedenti li kien irrikmanda li l-għadd ta’ ħaddiema tal-WasteServ kellu jonqos u mhux jiżdied. Il-fatti juru li ġara bil-maqlub speċjalment meta bdiet toqrob l-aħħar elezzjoni ġenerali.
programm ta’ informazzjoni dwar in-nitrati — Kuntratt tal-koordinatur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid ġiex mitmum il-kuntratt tal-koordinatur tal-programm ta’ informazzjoni lill-bdiewa fuq it-tnaqqis ta’ nitrati? Jekk iva meta ġie mitmum u għaliex? Kemm fadal żmien biex jintemm dan il-programm?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-kuntratt tal-koordinatur tal-programm ta’ informazzjoni lill-bdiewa fuq it-tnaqqis ta’ nitrati skada fl-aħħar ta’ Awwissu 2013. Dan jikkonferma li ma ġiex mitmum. Il-programm huwa maħsub li jintemm fl-aħħar ta’ Diċembru 2013.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3115, jista’ l-Ministru jgħid ġiex ikkostitwit il-Warranting Board tal-Periti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà saret laqgħa mal-Kamra tal-Periti f’dan ir-rigward. Fil-jiem li ġejjin għandu jinħatar dan il-Bord wara li reġa fetaħ il-Parlament wara il-waqfa tas-Sajf.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li mid-9 ta’ Marzu ‘l hawn attendejt għat-tliet Kunsilli tal-Ministri li tlaqqaw mill-Unjoni Ewropea, fl-14 u 15 ta’ Marzu, fit-22 ta’ Mejju u fis-27 u t-28 ta’ Ġunju.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li d-Deputat Prim Ministru attenda l-laqgħat kollha tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali minn mindu sar Deputat Prim Ministru ħlief għal-laqgħa waħda li attenda għaliha l-Ministru tal-Affarjiet Barranin, minħabba li f’dik il-ġurnata tlaqqa’ wkoll il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Jekk kemm-il darba m’attendiex għal xi laqgħa/laqgħat, x’kienu r-raġunijiet? Attenda xi ħadd ieħor minfloku?
Response (VELLA, GEORGE)
Bejn id-9 ta' Marzu w id-data tal-lum, saru sitt laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea (Marzu, April, Mejju, Gunju, Lulju w Awwissu). Dik ta' Awwissu kienet Sessjoni Straordinarja tal-Kunsill, li ma kinitx oriġinarjament prevista iżda tlaqqgħet minħabba żviluppi li kienu qed jiġru ġewwa l-Eġittu.
Minn dawn il-laqgħat, ma stajtx nattendi il-Kunsilli tal-Affarijiet Barranin ta' Marzu u Ġunju w is-Sessjoni Straordinarja f'Awwissu.
Fir-rigward tal-Kunsill ta' Marzu, kienet attendiet ir-Rappreżentanta Permanenti tagħna għall-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li l-Kabinet kien għadu ma ġiex iffurmat. F'Ġunju, ma stajtx nattendi minħabba l-fatt li kont parti mid-delegazzjoni tal-Prim Ministru waqt żjara uffiċjali lejn il-Vatikan, li ħabtet mad-dati tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Ir-Rappreżentanta Permanenti attendiet għal dan il-Kunsill minfloki.
Fir-rigward tas-Sessjoni Straordinarja f'Awissu, (kif kont iċċarajt fi stqarrija għall-istampa ppublikata fid-29 ta' Awwissu 2013,) jiena kont imsiefer fuq vakanza privata meta kienet imsejħa l-laqgħa. Ippruvajt nagħmel kull arranġament għat-titjira sabiex inkun nista' nattendi iżda minkejja kull sforz ma setgħax jinstab mezz kif dan ikun possibbli.
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill li kienu se jiġu adottati kienu qrib ħafna fis-sustanza lejn il-posizzjoni tal-Gvern Malti, hekk kif espressa ftit ta' ġranet qabel fi stqarrija għall-istampa. Ir-Rappreżentanta Permanenti għalhekk ġiet mitluba tattendi għal dil il-laqgħa f'ismi.
Ta' min wieħed jinnota li jiena bqajt f'kuntatt kontinwu mar-Rappreżentanta Permanenti matul il-laqgħa biex tingħata direzzjoni kif u meta meħtieġa.