Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jingħataw telephone cards tal-mobile l-ispetturi tal-pulizija? Ta' liema valur qed tkun din il-card?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi l-ispetturi tal-Pulizija m’għadhomx jingħataw top up cards tal-mobile phone, peress li dan is-servizz qiegħed jingħata permezz ta’ kuntratt li jipprovdi sa €15 fix-xahar, flimkien ma' diversi konċessjonijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta hu mistenni li jibda kors ieħor għal spetturi?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi nbdew proċeduri amministrattvi sabiex jiġu ngaġġati numru ta' Spetturi tal-Pulizija fil-Korp. Il-kors ta' dan ir-rekluttaġġ hu mistenni li jibda aktar tard din is-sena.
Korp tal-Pulizija — Taqsima Administrative Law Enforcement - membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm fiha membri t-taqsima tal-Administrative Law Enforcement tal-Korp tal-Pulizija? Kif inhuma mqassma dawn il-membri fi gradi differenti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi t-tqassim tal-membri fid-diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija jsir skont l-esiġenzi u n-neċċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn tal-Korp. Għar-raġunijiet ta’ sigurtà, mhux desiderabbli li jiġi ppublikat tagħrif dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn outdoor gyms immexxija mill-Kunsill Malti għall-Isport? Fejn qegħdin u meta saru? Kemm qam kull wieħed minnhom? Minn min sar u kif ingħata x-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport imexxi żewġ outdoor gyms, f'Ta' Qali u f'Ħal Qormi.
L-outdoor gym f'Ta' Qali sar wara sejħa għall-offerti u fih ħadmu Leather Centre, JGC Limited, Map Trans, J Sammut Limited, B. Grima & Sons Limited, Żrar Limited, Philip Agius & Sons Limited, Masco Security Services Limited u Anthony Cassar Landscaping. Il-magni f'dan il-gym inxtraw b'direct order minn għand il-kumpanija barranija The Great Outdoors Co. Limited wara li ntalab permess lill-Ministeru tal-Finanzi. L-outdoor gym f'Ta' Qali nfetaħ fl-2010 u b'kollox ġie jiswa €128,015.99.
L-outdoor gym f'Ħal Qormi jifforma parti minn proġett ħolistiku magħruf bħala l-Qormi Sports and Fitness Park. Ix-xogħol li sar f'dan il-park sar wara sejħa għall-offerti u fih ħadmu Andrew Vassallo, Anthony Zarb, Calamatta Landscapes Limited, Ceramax International Limited, Gomez Blanco Bros., Halmann Vella, JGC Limited, Joseph Sammut Co. Limited, Albert Zaffarese Signs and Display Limited, Aleppo, CV Woodworks u Logografix. Il-Qormi Sports and Fitness Park infetaħ fl-2013 u b'kollox ġie jiswa €391,773.15.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-kumpless ta' Ħal Kirkop, u min huma? X'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom u x'inhu xogħol kull wieħed minnhom? Kemm ilhom jagħmlu parti mill-Kunsill Malti għall-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiem fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u min huma? X'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom u x'inhu xogħol kull wieħed minnhom? Kemm ilhom jagħmlu parti mill-Kunsill Malti għall-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Affarijiet Barrini — Servizzi klerikali minn kuntratturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Membru illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħareġ żewġ kuntratti ta’ servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana bejn Jannar 2012 u 8 ta’ Marzu 2013.
Iż-żewġ kumpanniji ġew mitluba jħallsu lill-iskrivana r-rata ta’ Skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ skrivan).
Wieħed miż-żewġ kuntratti kien effettiv mis-27 t’Awwissu 2012 u ġie estiż darbtejn, għal perjodi ta’ tliet xhur, sal-31ta’ Mejju 2013.
It-tieni kuntratt kien effettiv mill-14 ta’ Novembru 2012 u għadu effettiv sallum.
Ir-rata’ ta’ kull siegħa li tħallset lill-kuntratturi hija ta’ €8.90 (mingħajr VAT) u €9.44 (VAT inkluża) rispettivament.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-pjan li jibdel il-mira stabbilita mal-Unjoni Ewropea ta’ 10% ta’ early school leavers, mill-amministrazzjoni preċedenti, ma’ mira anqas jew aktar ambizzjuża?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li hemm pjan biex il-mira tal-early school leavers tkun ta' 10%.
strateġija dwar l-early school leavers — konsultazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema fażi qiegħda l-konsultazzjoni tal-istrateġija dwar l-early school leavers? Xi jmiss issa? Sa meta huwa ppjanat li jkunu hemm il-verżjoni finali? Sa meta huwa fil-ħsieb li l-istrateġija tibda tiġi implimentata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li saru żewġ konferenzi ta' konsultazzjoni dwar l-istrateġija, waħda f'Malta u oħra f'Għawdex. Barra minn hekk intbagħat feedback mingħand numru ta' stakeholders. Issa jmiss li dan il-feedback jiġi analizzat u tkompli l-konsultazzjoni biex tinkiteb l-istrateġija finali. Hu maħsub li din titlesta sa Diċembru 2013 u wara dan tibda tiġi implimentata.
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tinżamm il-wegħda elettorali li l-istudenti jibdew jieħdu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja fuq l-istipendju li se jgawdu llum?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Din il-miżura finanzjarja titħabbar f'wieħed mill-budgets tal-gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' in service courses offruti oriġinarjament lill-għalliema u LSAs matul dan is-sajf ? Minn dawn kemm se jiġu organizzati? Kien hemm xi korsijiet li ġew imħassra? Jekk iva għalfejn ġew imħassra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li matul is-sajf kien hemm dawn il-korsijiet offruti:
F'Lulju 2013 saru disa` korsijiet Compulsory f'diversi lokalitajiet, tlieta minnhom f'Għawdex. F'Lulju wkoll kien hemm offruti 46 kors Volontarju. Minn dawn 20 kors ġew organizzati f'diversi lokalitajiet filwaqt li 24 kors tħassru għax ma ntlaħaqx in-numru ta' parteċipanti li huwa dak ta' għaxar persuni kull kors. Żewġ korsijiet oħra kienu se jsiru u l-parteċipanti laħqu ġew infurmati b'dan permezz ta' ittra personali iżda tħassru jumejn qabel il-bidu tal-kors minħabba ċirkustanzi li ma kienx hemm kontroll fuqhom wara li d-Direttorat irċieva diversi kanċellazzjonijiet.
F'Settembru saru erba` korsijiet Compulsory. Infurmat ukoll li f'Settembru kien hemm offruti 28 kors Volontarju. Minnhom 13-il kors ġew organizzati filwaqt li 14-il kors kellhom jitħassru għax ma ntlaħaqx in-numru ta' parteċipanti li huwa dak ta' għaxar persuni. Kors ieħor tħassar minħabba ċirkustanzi li skont id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni ma kienx hemm kontroll fuqhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' għalliema u LSAs li ġew aċċettati biex isegwu wieħed mill-in service courses matul ix-xhur ta' Lulju u Settembru 2013? Minn dawk li ġew aċċtettati kemm minnhom ġejjin mis-settur tal-istat, tal-Knisja u dak indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Edukazzjoni u Sport — Experts goups tal-Kummissjoni Ewropea – rappreżentanti Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu attwalment in-numru ta' rappreżentanti Maltin fid-diversi expert groups imwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea u li huma relatati mas-setturi tal-edukazzjoni u l-isport? Kemm minn dawn ir-rappreżentanti ġew maħtura wara Marzu 2013 u fl-eventwalità li kien hemm tibdil fir-rappreżentanti x'wassal għal dan it-tibdil?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li hemm 45 rappreżentant Malti fl-expert groups relatati mal-edukazzjoni. F'dan is-settur, l-uniku tibdil li sar fir-rappreżentanti sar minħabba li numru żgħir minnhom inbiddlitilhom il-kariga tagħom wara li spiċċalhom il-kuntratt.
Hemm sitt rappreżentanti Maltin fl-expert groups relatati mal-isport. Dawn ir-rappreżentanti ġew maħtura wara li seħħet bidla fl-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-iSport.
Il-persuni li ġew maħtura huma lkoll esperti fil-qasam partikolari tagħhom u huma responsabbli li jaraw li Malta tkun qed tagħmel il-progress mistenni f'dak il-qasam.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kunsill lokali li jorganizza laqgħat għal xi settur jew sezzjoni tar-residenti fil-lokalità hux mistenni li jinforma lill-membri kollha tal-kunsill li laqgħa bħal dik tkun se tiġi organizzata, biex jiġi assigurat li l-membri kollha tal-kunsill lokali jkunu jistgħu jattendu għal tali attività? Kif inhu maħsub li l-kunsilliera jiġu infurmati b’laqgħat bħal dawn?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-membri kollha ta’ Kunsill Lokali għandhom ikunu avżati b’kull attivita’ li ssir f’isem il-Kunsill Lokali. Kull Kunsillier għandu email account fis-sistema elettronika tal-Gvern u allura għandu jirċievi kull avviż permezz tal-posta elettronika. Dan kif stipulat f’Artiklu 32(3) tal-Liġi dwar il-Kunsilli Lokali.
Il-Kunsilliera jingħataw email personali u għaldaqstant hija fir-responsabilta’ tas-Segretarju Eżekuttiv li jinforma lill-Kunsilliera bl-attivitajiet.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 995, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar f’kemm mit-3,003 applikazzjoni pendenti saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar matul l-aħħar erba’ xhur? F’liema lokalitajiet saru dawn l-ispezzjonijiet, bl-informazzjoni lokalità b’lokalità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 995, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema huma l-kategoriji ta’ applikazzjonijiet li taħthom huma maqsuma t-3,003 applikazzjoni indikati? Tista’ tagħti tagħrif dwar kif, skont il-kategorija tal-applikazzjoni, huma maqsuma l-applikanti, raħal b’raħal?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sallum l-Awtorità tad-Djar għandha 3,186 applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri l-applikazzjonijiet u l-kategoriji kif inhuma mqassmin raħal b’raħal.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3511, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’kienu l-istqarrijiet li saru s’issa biex l-anzjani jkollhom 300 sodda oħra, provduti mill-privat, biex ikunu jistgħu jinqdew il-ħtiġijiet tal-anzjani?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru ta’ referenza 1575, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra..
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3514, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’kien il-kontenut ta’ stqarrija pubblika dwar dan is-suġġett? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif kienet segwita din l-istqarrija? X’kuntatt sar mill-Ministeru mal-organizzazzjoni, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ħarġet l-istqarrija oriġinali dwar l-istudju li sar?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx aktar x’inżid mal-istqarrija pubblika għaliex l-informazzjoni qiegħda kollha hemm. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija u kif weġibt għall-mistoqsija nru. 3514, din ukoll għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Erba’ Mwieżeb – Applikazzjoni għal monument
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta saret l-applikazzjoni għat-tqegħid ta’ monument fid-daħla ta’ San Pawl il-Baħar fir-roundabout ta’ Erba’ Mwieżeb? Min għamel din l-applikazzjoni? Meta ħareġ il-permess biex ix-xogħol ikun jista’ jinbeda?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari Nru 3767, l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, DN 568/11, ġiet sottomessa fit-8 ta' Ġunju 2011 mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar. In-notifika ħarġet fl-4 ta' Lulju 2011.