Jista’ l-Ministru jara li jitnadedaf il-ġibjun li hemm fit-Triq tal-Barrani inti u sejjer lejn Bulebell peress li qed jintefa’ ż-żibel fih b’mod li qiegħed ikerrah l-ambjent?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tindif tal-ġibjun ser isir mis-sezzjoni tal-Valley Management Unit. Għalkemm l-iskart li hemm imxerred fiż-żona tal-madwar, huwa fir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali Żejtun xorta waħda ser naraw li jittieħdu il-passi neċessarji biex isir dan it-tindif.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bħalissa jistudjaw il-mediċina? Kemm hemm Maltin u kemm hemm barranin?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li studenti jistudjaw il-mediċina jifformaw parti mill-Università ta’ Malta, u għaldaqstant nistieden l-Onorevoli Membru biex jqiegħed il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tobba impjegati mal-Gvern Malti u kemm hawn tobba jaħdmu Malta, inkluż fil-privat? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li mal-Gvern ta’ Malta hemm 1038-il tabib jaħdem. Minn dawn, 132 huma barranin, u 906 huma Maltin. Barra minn hekk, 615 huma rġiel u 423 huma nisa. M’għandniex informazzjoni dwar kemm hemm tobba jaħdmu mal-Privat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn studenti bħalissa jistudjaw id-dentistrija?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li studenti jistudjaw id-dentistrija jifformaw parti mill-Università ta’ Malta, u għaldaqstant nistieden l-Onorevoli Membru biex jqiegħed il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn dentisti impjegati mal-Gvern Malti u kemm hawn dentisti jaħdmu Malta inkluż fil-privat? Kemm minn dawn huma Maltin u kemm minnhom huma barranin? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li mal-Gvern ta’ Malta hemm 37-il dentist jaħdem. Dawn huma kollha Maltin. Barra minn hekk, 23 huma rġiel u 14 huma nisa. M’għandniex informazzjoni dwar kemm hemm dentisti jaħdmu mal-Privat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella li turi kemm hawn nisa u rġiel ipejpu? Jista’ jgħid x’piż huma fuq id-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm hemm fondi allokati kull sena għal kampanji kontra t-tipjip sabiex individwu jieqaf ipejjep? Xi previżjonijiet u/jew allokazzjonijiet hemm għas-snin li ġejjin? Kemm jiswa lid-Dipartiment tas-Saħħa pazjent li jpejjep?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-aħjar sors ta’ nformazzjoni dwar it-tipjip f’dawk li għandhom 15-il sena u‘l fuq li għandu d-Dipartiment għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka huwa stħarriġ Ewropew li jsir darba kull ħames snin fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni adulta ta’ Malta.
L-aħħar stħarriġ sar fil-2008. Rigward l-istħarriġ li jmiss, fil-fatt dan huwa ppjanat għall-ħarifa ta' l-2014. Id-dewmien kien l-aktar minħabba li l-EUROSTAT għażlet is-sena 2014 sabiex issib triq tan-nofs u tippermetti l-pajjizi kollha ta' l-Ewropa jagħmlu dan l-istħarriġ flimkien, kif mitlub skond ir-Regolament 141/2013 maħruġ mill-Kummissjoni Ewropeja. Wieħed irid jifhem li kull pajjiż kellhom kalendarji differenti għall-istħarriġ tagħhom dwar is-saħħa u l-maġġoranza kien imisshom jagħmluh fl-2014.
Fil-figura li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra,wieħed jista’ jara il-proporzjon ta’ irgiel u nisa li jirraportaw li jpejpu kuljum, hemm ukoll informazzjoni li ġiet mitluba mill-Onorevoli Membru.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3465 u jgħid fiex wasal il-proġett tal-Fibre to the Home (FTTH) u x’inhi r-roadmap tal-Gvern għal dan il-proġett?
Response (CARDONA, CHRIS)
Il-Gvern bħalissa qiegħed jevalwa dan il-proġett sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-proċess li ser insegwi biex jiġu implimentati servizzi ta’broadband b’veloċita' qawwija ħafna.
Id-deċiżjoni finali dwar kif għandha titwettaq il-wegħda li għamel dan il-Gvern dwar il-
Fibre-to-the-Home
se tittieħed aktar ‘il quddiem wara konsultazzjoni wiesgħa.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3266 u ċjoè: Minħabba li l-Belt Valletta hija waħda mil-lokalitajiet li għandha l-aktar talbiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet jew proġetti intiżi biex tiġi indirizzata din il-problema?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament qiegħed isir eżerċizzju fuq fondi tal-Gvern li jinsabu vojta għal xi raġuni.
Dan l-eżerċizzju qed isir sabiex appartamenti mhux utilizzati jerġgħu jaqgħu f’idejn l-Awtorita’ u jintużaw sabiex nagħtu assistenza soċjali lil ħaddieħor.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 623 u jgħid kemm kien hemm persuni li użaw is-servizzi taċ-ċentri tad-Detox li għandu l-Gvern, sena b’sena bejn l-2003 u l-2013 (l-ewwel tliet xhur)? Jista' jindika l-lokalità minn fejn kienu l-persuni rispettivi u x’età kellhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali t’Għawdex – każijiet ta’ overdose
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari mistoqsija parlamentari 367 u jgħid kemm kien hemm persuni li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei jew l-Isptar Ġenerali t'Għawdex isofru minn overdose ta' droga, sena b'sena bejn l-2003 u l-2013 (l-ewwel tliet xhur)? Jista' jindika l-lokalità minn fejn kienu l-persuni rispettivi u x'età kellhom meta ddaħħlu l-Isptar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Caritas – għajnuna għar-riabilitazzjoni ta’ persuni bi problemi tad-droga
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 365 u jgħid x'għajnuna se jkun qed jagħti l-Gvern lill-organizzazzjoni Caritas biex jgħinha fil-ħidma tagħha fir-riabilitazzjoni ta' persuni li jkollhom problema ta' droga?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara il-laqgħat li kellu ma’ diversi kunsilli lokali, ġewx identifikati dawk it-toroq residenzjali li fihom hemm bżonn ta' intervent immedjat? Liema huma dawn it-toroq, lokalità b’lokalità, li fihom hemm bżonn ta' intervent immedjat? X’baġit se jalloka il-gvern biex isir dan ix-xogħol? Meta se jibda ix-xogħol fuq dawn it-toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara dawn il-laqgħat li kelli mal-Kunsilli Lokali qiegħda tiġi mħejjija lista ta’ toroq residenzjali li għadhom qatt ma ġew mibnija.
Din il-lista tikkonsisti f’persentaġġ ta’ bini residenzjali mat-triq u stimi tat-triq, b’preċedenza tingħata lit-toroq li huma l-aktar żviluppati.
Bħalissa qed jitfassal programm ta’ xogħol għal ħames snin li gejjin biex dan ix-xogħol isir bi pjan dettaljat.
Ix-xogħol fuq dawn it-toroq għandu jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq maġġuri (main roads) li għalkemm jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-kunsilli lokali se jsiru mill-Gvern wara talba li saret mill-kunsilli lokali rispettivi? X'baġit se jalloka l-Gvern biex isir dan ix-xogħol? Meta se jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant illi skont kif intqal fil- PQ stess, il- Main Roads li mhumiex taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta jibqgħu responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali. Filwaqt li matul din iż-żjara fl-ebda ħin ma ġie mwiegħed li dawn it-toroq sejrin effettivament isiru minn Transport Malta, bħalissa qed tinġabar din l-informazzjoni u tiġi analizzata sabiex tkun tista tiġi definita il-problema.
B’din l-informazzjoni il-Gvern ikollu stampa ċara ta’ xi pjanijiet futuri irid ifassal.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-programm ta' major patching li kien inbeda taħt il-Gvern preċedenti? Meta hemm il-ħsieb illi dan il-programm ta' major patching ikun komplut? Kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm ta’ major patching huwa wieħed kontinwu u jitbiddel skont il-kundizzjoni u l-prijorita’ tat-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-proġett ta' Bormla mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn din in-nefqa, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm:
(a) pagi tal-ħaddiema tal-Gvern li huma involuti f'dan il-proġett;
(b) overtime u/jew shift allowance lil ħaddiema tal-Gvern li huma involuti f'dan il-proġett; u
(ċ) xiri ta' materjal u kiri ta' makkinarju mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li sal- 1 t’April 2013 kienet intefqet is-somma ta’ € 4,866,395 fil-proġett kif ukoll €1,529,572 bħala ħlas lill-periti inkarigati mid-disinn fuq Dock 1. Madanakollu l-proġett kien għadu fi stat ta’ telqa. Taħt l-amministrazzjoni preżenti il-proġett miexi tajjeb ħafna. Kull min jgħaddi minn ħdejn il-Baċir wieħed jista’ jara li f’sitt xhur sar ħafna iktar progress milli sar f’sitt snin grazzi għall-Gvern preżenti li qed jieħu dan il-proġett bis-serjeta’.
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 3883 tat- 30 ta’ Settembru fejn apparti it-tweġibiet mogħtija hawn taħt għandu jsib aktar informazzjoni relatata ma’ dan il-Proġett.
In-nefqa fuq il-proġett ta’ Bormla bejn l- 1 t’April u 19 ta’ Settembru 2013 hija maqsuma kif ġej :-
(a) L-ispiża tal-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern fuq dan il-proġett hija stmata li tammonta għal madwar €310,000.
(b) L-ispiża tal-overtime ta’ ħaddiema tal-Gvern kienet tammonta għal €114,710.
(c) Nefqa ta’ materjal u kiri ta’ nġenji kienet tammonta għal €169,967 inkluż il- VAT.
Fuq dawn l-ammonti mogħtija hawn fuq għad trid issir verifikazzjoni uffiċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-coast road ta' Baħar iċ-Ċagħaq meta diġà għaddew aktar min sitt xhur min meta nħarġet it-tender biex isir dan ix-xogħol, aktar u aktar fil-kuntest illi l-Gvern preżenti qed jgħid illi se jintilfu l-flus tal-Unjoni Ewropea għal dawn it-tip ta' proġetti li qed jaqgħu lura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward dan il-proġett, Transport Malta qiegħda fil-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi awarded it-tender ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun? X'inhi r-raġuni li dan ix-xogħol għadu ma bediex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ta' Triq Joe Gasan, il-Ħamrun diġa’ ġie awarded. Madankollu, biex ikun jista’ jibda x-xogħol f’din it-triq, Transport Malta qed tistenna li jitlesta xi xogħol mill-Water Services Corporation.
Ta’ min jgħid li din it-triq kienet imsemmija mill-Eks Ministru Austin Gatt fid-diskors tiegħu tas-Seduta Parlamentari Numru 420 ta’ nhar il-Ħamis l- 1 ta’ Diċembru 2011, bħala waħda mit-toroq li għalihom kienu ġew allokati €4 miljuni sabiex il-Gvern ikun jista’ jintervjeni f’każ li l-Kunsill Lokali ma jkunx irid jagħmel xi triq partikolari li jkollha importanza strateġika. Madankollu, jidher li din it-triq xorta waħda baqgħet ma saretx.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-curriculum vitae tal-impjegat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, filwaqt li b'mod dettaljat jgħid xi kwalifiċi akkademiċi għandu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed ngħaddi l-informazzjoni mitluba direttament lill-Onor. Interpellant.