Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #3817 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Settur tas-Saħħa — Impjegati barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati barranin jaħdmu fis-settur tas-saħħa f’kull professjoni?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li hemm 562-il impjegat barrani jaħdem mal-Ministeru għas-Saħħa: 266 fil-professjonijiet tal-infermera u qwiebel, 262 fil-professjoni medika, 16 fil-professjonijiet alleati mal-kura tas-saħħa, 8 fi gradi xjentifiċi, 6 paramedic aides, 2 dental technicians u 2 medical physicists.
Leg 12 PQ #3818 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Kunsill tal-Infermiera — Applikazzjonijiet pendenti minn nurses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn nurses barranin u Maltin quddiem il-Kunsill tal-Infermiera sabiex tinħarġilhom il-liċenzja professjonali? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħalissa quddiem il-Kunsill għall-Infermiera u Qwiebel hemm pendenti 11-il applikazzjoni, sottomessa minn applikanti Maltin u 29 applikazzjoni, sottomessi minn applikanti barranin. Numru minn dawn l-applikazzjonijiet diġa ġew proċessati. Il-Kunsill qed jistenna aktar informazzjoni mingħand dawk l-applikanti, li ma’tawx l-informazzjoni kollha meħtieġa biex anki l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ tiġi proċessata. L-aktar applikazzjoni pendenti Maltin tmur lura għal April 2013, filwaqt li fost dawk barranin tmur lura għal Mejju 2013.
Leg 12 PQ #3820 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – xogħlijiet fuq ġonna u spazji pubbliċi

Question

B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 1842, 2178, 2620, 2626 u 2795, jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xogħol ieħor li sar minn dak iż-żmien sal-lum? Jista' jaġġorna l-Kamra dwar x'kien ix-xogħol li sar minn meta saru dawn id-domandi u minn min sar, sal-lum?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – speed humps

Question

B'referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 171, 172, 390, 391, 430 431, 440 u 450 jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’passi ħadet Transport Malta biex tassigura li d-deċiżjonijiet tagħha jiġu rispettati, u x'passi ħadet l-istess Transport Malta biex tassigura li ma twaħħlux sinjali u tabelli li mhumiex awtorizzati minn l-istess Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta Transport Malta tinġibdilha l-attenzjoni li jkunu twaħħlu xi tabelli li jkunu twaħħlu mingħajr l-awtorizazzjoni tagħha, l-istess Transport Malta tieħu l-passi meħtieġa bħal ma ġara fil-każijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossings

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena u nofs? Liema kienu dawn it-talbiet jekk saru, meta saru l-istess talbiet talba talba, u għal liema parti tal-lokalità ntalbu dawn l-istess domandi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Proġett tas-Salini – faċilitajiet ta’ catering

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-faċilitajiet li qed jiġu mibnija mill-ġdid fil-proġett tas-salini, (riabilitazzjoni u bini ta' huts u salini) hux se jkun hemm faċilitajiet ta' catering biex jaqdu lil dawk li jmorru jżuru s-sit? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk ħarġux it-tenders għal dak li hu management ta’ dawn l-istess faċilitajiet? Jekk ħarġu t-tenders meta ħarġu, u min ħa l-istess tenders? Jekk ma ħarġux meta hu mistenni li joħorġu t-tenders għal dawn il-faċilitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-intenzjoni hi li ġewwa Hut B li ser jintuża bhala Mużew fuq il-Melh ikun hemm cafeteria li tipprovdi 'lights snacks'. Bħalissa għadna fil-proċess li napplikaw il-MEPA għal 'change of use' minħabba li il-permess originali ma kienx jieħu ħsieb dan. Ninfurmah ukoll li ma inħarġu ebda tenders għal management.

Malta Enterprise — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu impjegati ġodda mal-Malta Enterprise taħt it-tmexxija tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Min kienu dawk l-impjegati? Saru interviews? Min għamilhom? Xi rwol ingħataw dawn il-ħaddiema ġodda? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tagħhom flimkien ma’ rendikont tas-salarju tagħhom u l-grad li ngħataw minn dan l-individwu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Enterprise — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iddaħħlux jaħdmu mal-Malta Enterprise persuni li huma relatati, ossija jiġu mill-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fl-istess żmien li hu kien Chairman tal-Malta Enterprise ? Min kienu? Xi rwol ingħataw? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tagħhom? Jista’ jgħid jekk f’tali proċeduri kenitx iddikjarata l-parentela?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Privatisation Unit – direct order

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Privatisation Unit mis-sena 1998 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid x’kienu dawn id-direct orders, lil min ingħataw u kemm swew? Jista’ jgħid ukoll fuq liema bażi ngħataw u għaliex intgħażlet il-proċedura ta’ direct order?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ħatra ta’ Ambaxxaturi ġodda

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 197, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji qed jinħatru l-ambaxxaturi l-ġodda ta’ Malta?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-kriterji prinċipali huma dawk ta' fiduċja, lealtà, kompetenza u disponibiltà li jaqdu lill-pajjiż.

Bidla ta’ Ambaxxaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ambaxxaturi li se jinbidlilhom il-posting fejn huma bħalissa u fejn se jintbagħtu?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill Onor Membru illi l-Ambaxxaturi li ġew infurmati li se jinbidel il-posting tagħhom għall-Ambaxxata oħra huma: Isem Mill-Ambaxxata Fejn Intbgħatu Pierre Clive Agius Pariġi Warsaw Carmel Inguanez Ruma Tunis Vanessa Frazier Brussel Ruma Raymond Sarsero Moska Ministeru għal Affarijiet Barranin Theresa Cutajar New Delhi Ministeru għal Affarijiet Barranin Charles Sultana Kuwait Ministeru għal Affarijiet Barranin Joseph Cole Washington Ministeru għal Affarijiet Barranin Stephen Borg Rijadh Ministeru għal Affarijiet Barranin

Korpi Diplomatiku – bidla f’postings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-diplomatiċi /jew staff fil-Korp Diplomatiku u/jew ambaxxati li se jinbidlilhom il-posting, fejn huma bħalissa u fejn se jintbagħtu?

Response (VELLA, GEORGE)

L-Uffiċċjali tal-Klassi Diplomatika tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li inbidlilhom il-posting mill-Ambaxxata fejn kienu u ntbagħtu f’Ambaxxata oħra huma s-segwenti: Isem Mill-Ambaxxata Fejn intbagħtu Ambaxxata ta’ Malta / Tmiem ta’ kariga / Ministeru għall-Affarijiet Barranin Hanan El Khatib Londra Madrid Albert Grech Beijing Cairo Melvyn Mangion Dublin Dipartiment tal-Pulizija Carmel Mifsud Melbourne Antoinette Cutajar Madrid Ministeru għall-Affarijiet Barranin Patrick Mifsud Brussels (PREU) Ministeru għall-Affarijiet Barranin Rigward l-Ambaxxaturi li ser jinbidlilhom il-posting, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 3903.
Leg 12 PQ #3905 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Spiża kurrenti għal kura tal-ażma

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1065 u 2549, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża kurrenti fis-sena li jonfoq il-Ministeru għas-Saħħa għal kura tal-ażma? Jista’ jagħti breakdown ta’ din in-nefqa?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-ispiża għall-kura tal-ażma għall-perjodu Jannar sa Diċembru 2012 kienet tlaħħaq is-somma ta’miljun, seba mija ħamsa u sebgħajn elf, sitt mija u erbgħa u sittien ewro (€1,757,664). Pagi Sptar Mater Dei €291,244 Mediċina Sptar Mater Dei €1,391,420 Konsulenti Sptar Mater Dei €75,000 Total €1,757,664
Leg 12 PQ #3906 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa u l-Isptar Mater Dei – rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-operat tal-Isptar Mater Dei u/jew fil-Ministeru għas-Saħħa?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija mhuwiex impjegat tal-Isptar Mater Dei u għaldaqstant l-Isptar mhux f’pożizzjoni li jagħti l-kummenti tiegħu.
Leg 12 PQ #3907 Sitting 56 2013-10-01 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Advanced Pharmacy Practitioners — appointments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-appointments tal-Advanced Pharmacy Practitioners li r-riżultat tal-interviews għalihom ħareġ fit-22 ta’ Frar 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li minħabba l-approvazzjoni tal-ħatriet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, għaldaqstant il-mistqosija trid issir lill-Prim Ministru.

Ħsarat fl-Arloġġ tad-Dawl – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li jidher li hemm xi ħsara fl-arloġġ tad-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar kuntatt bejn uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta u uffiċjali tal-ARMS Ltd mal-klijent imsemmi.

Kontijiet tad-Dawl u ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li m’għadhiex tirċevihom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Servizz tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jingħata s-servizz tad-dawl u l-ilma fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi l-persuna kkonċernata ngħatat is-servizzi mitluba.

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif baqa’ l-każ tal-individwi li dettalji tiegħu qed jintbagħtu sepratament li kien ressaq ilment l-ARMS rigward kont eċċessiv li rċieva f’Marzu 2013 peress li l-ARMS ikkonfermat li kien hemm żball però xorta baqa’ ma sar xej?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li sar meter test mhux biss tal-individwu iżda tal-area kollha. Infurmat ukoll li l-prassi hija li ma jinħariġx kont mill-ewwel iżda wara żewg actual readings biex tiġi kkalkulata l-average consumption.

Arloġġ tal-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni fil-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li għandu problema bl-arloġġ tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ARMS Ltd ikkuntatjat lill-konsumatur fid-9 t'Awwissu 2013.