Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4432 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Mellieħa – pjanijiet għaż-żona tal-Għadira

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għaż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa? X’se jkun qed jagħmel il-Gvern biex jara li l-bajja tal-Għadira ma ssirilhiex ħsara u tiġi mħarsa f’eventwalità ta’ proġetti fiż-żona?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan Lokali għall-Majjistral ta' Malta tal-2006 jinkludi wkoll taqsima dwar iż-żona tal-Għadira u jagħmel proposti dwar kif għandu jitħares l-ambjent u jagħti gwida dwar kif jistgħu jsiru xi proġetti għar-rikrejazzjoni, turiżmu u trasport. Madanakollu, il-MEPA qiegħda tniedi proġett parzjalment iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li permezz tiegħu se jitħejjew pjanijiet għall-ġestjoni tas-siti Natura 2000 kollha ta' fuq l-art, inkluża ż-żona li tiġbor fiha l-Għadira u l-kampanja ta' madwarha. Dan il-pjan se jitlesta fis-sena 2014, u għandu jservi wkoll bħala qafas li jirregola l-interventi fl-inħawi. Proġetti u żviluppi individwali, b'mod partikolari dawk li jistgħu jkollhom effetti fuq l-ambjent, jeħtieġu valutazzjoni bir-reqqa skont il-merti tal-każ, sabiex ikunu evitati interventi li jħallu ħsara fuq l-istess ambjent. Inizjattivi oħra li jolqtu partikolarment il-bajja tal-Għadira jaqgħu bħala parti mill-obbligi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropeja tal-ilma (Water Framework Directive) Ii l-MEPA tagħmel monitoraġġ għall-kwalita’ tal-baħar madwar Malta u Għawdex, kemm kimika kif ukoll ekoloġika. Dan il-monitoraġġ jinkludi kampjuni li jinġabru miż-żona tal-Għadira. Dan il-programm ta’ monitoraġġ jiġi rrevedut kull sitt snin u jiġi nkluż fi pjan ta’ l-immaniġjar ta’ l-ilma. Il-pjan tal-ilma jinkludi diversi miżuri sabiex tiġi mħarsa l-kwalita’ ambjentali tal-baħar minn attivitajiet li jsiru fl-istess żona. Fost dawn il-mizuri qegħda tiġi mfassla sistema fejn bħala parti mill-permess tal-operat ambjentali, dawk l-operaturi li bl-operat tagħhom jwasslu għall-emissjonijiet fl-ilma baħar, għandhom l-obbligu li jagħmlu monitoraġġ ta’ dawn l-emissjonijiet skond linji gwida approvati mill-MEPA.

Il-Mellieħa – Għadira – Triq ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett ta’ triq ġdida fiż-żona tal-Għadira fil-Mellieħa għadux qed jiġi kkunsidrat mill-Gvern? Jekk le, hemm xi tip ta’ proġett ieħor li qed jiġi ppjanat mill-Gvern għaż-żona imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ diversi proġetti, fosthom dak imsemmi minnu.
Leg 12 PQ #4434 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – billboards — permessi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ kull billboard li għandu permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’pajjiżna u jindika l-post fuq site plan, id-data ta’ meta saret kull applikazzjoni u meta ngħata l-permess, flimkien mar-referenza ta’ kull applikazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista t'applikazzjonijiet li ġew approvati minn meta twaqqfet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sat-30 ta' Settembru 2013, li jirrigwardaw billboards. Wieħed irid jinnota li hemm ukoll diversi tipi ta' billboards li huma ezentati milli jkollhom permess ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar skont Artiklu 4 tal-Avviz Legali Numru 171 ta' 1993, Ordni ta' l-1993 dwar Reklami, anessa hawn ma' din ir-risposta. Għar-rigward tas-site plan, l-Awtorità tfakkar lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni tinsab kollha fuq il-Map Server fil-Web Site ta' l-istess Awtorità. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika ta' l-Awtorità fejn il-proposta għandha il-kelma "billboard" u l-applikazzjoni ġiet approvata sat-30/09/2013.

servizz tal-elettriku — sospensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il residenza u kemm-il azjenda kummerċjali kellhom is-servizz tal-elettriku sospiż jew maqtugħ mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saru 176 (mija sitta u sebgħin) sospensjoni tas-servizz tal-elettriku residenzjali u 179 (mija disgħa u sebgħin) sospensjoni tas-servizz tal-elettriku kummerċjali. Dan l-atteġjament huwa differenti minn dak tal-amministrazzjoni ta' qabel li waqfet is-sospensjonijiet f'Dicembru tas-sena l-ohra. Din l-amministrazzjoni sabet kwazi €160 miljun f'kontijiet mhux imħallsa u qed tieħu il-passi kollha biex dawn il-flus jinġabru. Dan il-Gvern qed jagħti ċans lil klijenti tal-ARMS jidħlu fi ftehim konvenjenti għalihom biex iħallsu l-ammonti dovuti. Madanakollu jkun hemm xi każi fejn dan il-ftehim ma jkunx rispettat u wara diversi tentattivi biex isir xi forma ta' ħlas, l-ARMS ma jkollhiex triq oħra ħlief li taqta' s-servizz bħala deterrent.

Transport Malta – lista ta’ billboards

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull billboard li għandu permess minn Transport Malta llum f’pajjiżna u jindika l-post fuq site plan, kif ukoll jagħti d-data meta saret kull applikazzjoni u meta ngħata l-permess flimkien mar-referenza ta’ kull applikazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Peress li qed tintalab ammont sostanzjali ta’ informazzjoni dettaljata, ninforma lill-Onor. Interpellant li kif din l-informazzjoni tinġabar inkun f’pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni kollha mitluba.

Tniġġis minn karozzi — Alert system

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti permezz tal-alert system kull xahar din is-sena fuq karozzi li allegatament kienu qed iniġġsu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ rapporti mibgħuta dwar emmissjonijiet ta’ vetturi bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena jammonta għal 9,664. L-ammont ta’ rapporti mibgħuta xahar b’xahar huwa hekk kif ġej: Xahar Ammont ta’ Rapporti Jannar 766 Frar 908 Marzu 1,224 April 1,251 Mejju 1,061 Ġunju 955 Lulju 1,196 Awissu 1,099 Settembru 1,204

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – reviżjoni tal-budget

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm reviżjoni fil-budget approvat għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? F’każ li kien hemm tnaqqis, jista’ jgħid f’liema cost centres kien hemm dan it-tnaqqis u b’kemm kien dan it-tnaqqis? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għal dan it-tnaqqis?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret reviżjoni min-naħa tal-Ministeru tal-Finanzi u kien allokat l-ammont ta' €10,500,000 (għaxar miljuni u nofs Ewro). Dan l-ammont jingħata permezz ta' subvention u mhux cost centre.

Enemalta – reviżjoni tal-budget

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm reviżjoni fil-budget approvat għall-Korporazzjoni Enemalta? F’każ li kien hemm tnaqqis, jista’ jgħid f’liema cost centres kien hemm dan it-tnaqqis u b’kemm kien dan it-tnaqqis? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan it-tnaqqis?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-budget approvat għall-Korporazzjoni Enemalta ma kienx hemm reviżjoni.
Leg 12 PQ #4452 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tenement li għadda għand terzi persuni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif tenement li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament għadda għand terzi persuni matul dawn l-aħħar tletin sena?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tenement li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament inqasam fl-2007, b’parti tgħaddi lil terzi persuni li ġew rikonoxxuti taħt l-Iskema mnedija fis-sena 2000, li tirregola l-għoti ta’ qbiela fuq art agrikola tal-Gvern, filwaqt li l-bqija tal-art ġiet imqabbla ‘in solidium’ lill-eredi tal-bidwi li kellu l-qbiela fuq l-art, skont id-dispossizzjoni tal-Att li jirregola t-Tiġdid tal-Kiri ta’ Raba ( Kap 199).
Leg 12 PQ #4453 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA — budget

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li m’hemm l-ebda flus imnaqqsin mill-budget tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu għal din is-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #4454 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta — privatizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jiddikjara u jikkonferma li l-Gvern preżenti m’għandux intenzjoni, la llum u lanqas għada, li jipprivatizza l-Air Malta, anke jekk parti żgħira, lil investitur privat?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern preżenti qed jistenna li jara r-riżultati li se jagħtu n-nies maħtura mill-Gvern preċedenti, fejn dawn qed jitħallew jaħdmu mingħajr indħil. Deċiżjonijiet strateġiċi jittieħdu kif ikun magħruf l-istat veru tal-kumpanija u tal-proċess li mbotta l-Gvern preċedenti.
Leg 12 PQ #4455 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS — korsijiet

Question

Fid-dawl ta’ korsijiet tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li qed isiru f’Għawdex għall-istudenti Maltin, jista’ l-Ministru jinforma kemm-il kors qed isir f’Għawdex, u kemm hemm studenti affettwati b’din id-deċiżjoni, u min qed iħallas għall-ispejjeż żejda li hemm?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx korsijiet tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li qed isiru f’Għawdex għal studenti Maltin. Hemm żewġ gruppi ta’ studenti, total ta’ wieħed u tletin (31) student/a, sebgħa (7) minnhom Għawdxin, li ser jattendu għal Module prattiku tal-Produzzjoni tal-Ikel u ta’ Servizz ta’ Ikel u Xorb, kull ġimgħa. Dan ser ikun fuq semester wieħed u l-istudenti ser jibdew jattendu Għawdex mit-tieni ġimgħa akkademika. Peress li l-istudenti ta’ l-I.T.S. huma provduti bi trasport meta jivvjaġġaw bejn kampus u ieħor, ser isir l-istess f’dan il-każ.
Leg 12 PQ #4456 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skema tal-bini — rationalisation exercise

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti update dwar liema areas iddaħlu fl-iskema tal-bini permezz tar-rationalisation exercise li sar fl-2007 sal-lum ġew approvati mill-Ministeru? B'liema zoning ġew approvati u meta ġew approvati? X'sar mill-area l-oħra sal-lum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #4459 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Medical Secretaries gradwati — impjieg

Question

Peress li f’Novembru 2012 iggradwaw 19-il student mill-MCAST bħala medical secretaries, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni meta hu intiż li jimpjega dawn il-gradwati fil-qasam tas-saħħa?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-ingaġġ ta’ medical secretaries isir skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku, dment li jkun hemm approvazzjoni mill-partijiet kollha kkonċernati. Infurmat ukoll li dawn kienu oriġinarjament ġew inklużi fil- Capacity Building tal-gvern preċedenti li sar mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u kura fil-Komunita fl-2012, u kienu tneħħew mill- Capacity Building tal-amministrazzjoni ta’qabel dan. Minħabba f’hekk il-gvern ta’qabel ma daħħalhomx bħala ( line item) fil-Budget 2013.
Leg 12 PQ #4462 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — devoluzzjoni ta' proprjetajiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3617, f’dak li jirrigwarda s-sit indikat għall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hu s-sit indikat fir-risposta? X'użu qed isir minn dan is-sit bħalissa, u kif mistenni jintuża l-istess sit matul iż-żmien li ġej?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li s-sit qed issirlu l-manutenzjoni meħtieġa. Parti minn dan is-sit ser jiġi użat bħala latrini pubbliċi, filwaqt li l-parti l-oħra ser tintuża bħala fergħa tal-uffiċini amministrattivi flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, suġġett għall-permessi meħtieġa.
Leg 12 PQ #4463 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Spezzjonijiet fuq latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi spezzjonijiet isiru mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għal dak li jirrigwarda l-latrini pubbliċi tal-lokalità? Kemm isiru spezzjonijiet kuljum, u minn min? Kemm-il nuqqas ġie rappurtat wara dawn l-istess spezzjonijiet matul ix-xhur Lulju sa Settembru 2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li jsiru żewġ spezzjonijiet kuljum mill-kuntrattur responsabbli mil-latrini pubbliċi tal-lokalità, kif ukoll minn persuna oħra impjegata taħt l-iskema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Infurmat ukoll li kien hemm diversi rapporti ta' nuqqasijiet li rriżultaw minn dawn l-ispezzjonijiet, uħud minuri u oħrajn riżultat ta’ vandaliżmu. Ir-rapporti għall-perjodu bejn Lulju u Settembru 2013 għadhom qed jiġu evalwati sabiex tittieħed azzjoni.
Leg 12 PQ #4464 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Ħasil ta’ bankini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba nħaslu l-bankini/toroq ta' San Pawl il-Baħar matul il-perijodu Ġunju - Settembru 2013? Min jaħsel dawn l-istess spazji u kemm ġie jiswa x-xogħol indikat? B'liema mod ingħata x-xogħol indikat?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li matul il-perjodu li jkopri minn Ġunju sa Settembru 2013, il-bankini u t-toroq max-Xatt ta’ Buġibba u l-Qawra inħaslu kuljum minn kuntrattur tal-Green MT u mid-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Tindif. Dan ix-xogħol ma sewa xejn finanzjarjament, wara ftehim bejn il-Kunsill Lokali u Green MT. Filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qiegħed jagħmel ġbir ta’ kartun sabiex jgħaddieh lil Green MT, il-kumpanija Green MT qiegħda tagħmel ix-xogħol tal-ħasil mingħajr ħlas.

Dgħajjes reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm dgħajjes luzzijiet tas-sajjieda jew privati, li huma reġistrati fir-reġistru bħala MFA, MFB u MFC rispettivament? Minn liema lokalitajiet huma dawk li għandhom tali opri tal-baħar reġistrati fuq isimhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Stamp Advisory Board — funzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3994 u jgħid minn meta beda jiffunzjona l-iStamp Advisory Board? Jista’ jgħid min huma n-nies li huma fil-Bord illum? X’funzjoni għandu dan il-Bord? Kemm-il darba jiltaqa’? X’deċiżjonijiet jieħu dan il-Bord? Kemm jitħallsu l-membri tal-Bord?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-iStamp Design Advisory Board ilu jiffunzjona mis-snin sebgħin. Illum il-Bord huwa kostitwit min 6 membri u segretarja - li huma: Chairman Dr Pascal Demajo Membri Ms Greta Apap Bologna Mr. Joseph Said Ms Martina Zammit Mr. Roger Strickland Mr. Kenneth Zammit Tabona Segretarja Ms Mary Grace Simpson Il-funzjoni tal-Bord hi li tevalwa d-disinn tal-bolli li jkunu sejrin jinħarġu u tirrakkomanda lill-Ministru konċernat liema disinn ta’ bolla għandu jiġi magħżul. Il-Bord jiltaqa' formalment madwar 5 jew 6 darbiet fis-sena barra li llum-il ġurnata jsiru wkoll diversi kollokwji tramite l-internet. Il-hlas annwali dovut liċ -Chairman tal-Bord huwa ta' €3494, filwaqt li l-ħlas annwali dovut lill-membri huwa ta' €698.81.
Leg 12 PQ #4611 Sitting 57 2013-10-02 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birkirkara – Proprjetà ta’ klabb tat-tennis

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min hu inkarigat jikkjarifika jekk il-Birkirkara Tennis Club fi Sqaq it-Tiġieġ, Triq Dun Karm, fil-bypass ta’ Birkirkara, Birkirkara hux proprjetà ta' terzi persuna jew entità privata, inkella meta ngħatat l-art biex tintuża għal dan il-kumpless ingħatatx għal skop preċiż, u ċjoè dak pubbliku/soċjali? B'liema kundizzjonijiet kienet ingħatat din l-art?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Birkirkara Tennis Club ġie trasferit lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz ta’ Avviż Legali 490/2010, u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.