Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qatt kellu uffiċċju temporanju f'xi bini pubbliku? Jekk iva, jista’ jispjega fejn? Meta beda l-kuntatt? Jikkonferma jekk kienx qabel jew wara l-Elezzjoni Ġenerali tat-8 ta' Marzu 2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — ingaġġ ta' għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati għalliema mad-dipartiment tal-Edukazzjoni mill-1 ta' Settembru sat-22 ta' Settembru 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’għalliema li ġew impjegati mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi mill-01 ta’ Settembru sat-22 ta’ Settembru 2013 huwa ta' mija u ħmistax (115) .

Dipartiment tal-Edukazzjoni — għalliema li għad iridu jiġu impjegati

Question

Jista' l Ministru jgħid jekk għadx fadal għalliema li għad iridu jiġu impjegati mid-dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jgħallmu f'din is-sena skolastika 2013/2014 u jekk fl-affermattiv kemm hemm u għal liema suġġetti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa l-vakanzi li jeżistu huma tlieta - fl-Ispanjol, Taljan u Studji Soċjali u huma kollha ta' natura temporanja. Għaldaqstant, dawn se jimtlew minn għalliema supply.
Leg 12 PQ #4917 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: BEPPE FENECH ADAMI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delegazzjoni Maltija fi New York — spejjeż

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min kienet komposta id-delegazzjoni Maltija li akkumpanjatu fi New York għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2013? Jista' jgħid kemm kienet l-ispijża tal-flights tiegħu u tad-delegazzjoni kollha li akkumpanjatu? Jista' jgħid kemm kienet l-ispijża tal-akkomodazzjoni tiegħu u tad-delegazzjoni kollha li akkumpanjatu u fejn kienu alloġġjati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Birkirkara — dar għall-anzjani

Question

Peress li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara kien diġà lesta l-pjanti biex tinbena dar għall-anzjani fi Triq Ġanu f’Birkirkara, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tal-Ministeru f’dan ir-rigward u jekk hemmx il-ħsieb li din id-dar tinbena kif kien pjanat?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-onorevoli interpellant li bħalissa qiegħda tiġi proċessata l-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern biex investituri fis-settur privat jipprovdu faċilitajiet għal anzjani li jkunu jeħtieġu kura fit-tul. Dan il-proċess għadu għaddej u għandu jwassal biex jintgħażlu dawk il-proposti li joffru l-aqwa servizz lill-anzjani li jkunu jeħtieġu din il-kura, bl-aħjar prezzijiet u fl-iqsar żmien possibbli.

Night shelters għall-anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-Gvern rigward in-night shelters għall-anzjani?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-politika soċjali tal-Gvern hi li jkompli jsaħħaħ il-qafas tan-night shelters għall-anzjani kif ukoll li jiżgura li iżjed lokalitajiet igawdu minn dan is-servizz.

Birkirkara — night shelter

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemm il-ħsieb li jinfetaħ night shelter għall-anzjani f'Birkirkara jew fil-viċinanzi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern qiegħed jevalwa għadd ta’ proposti dwar night shelters minn lokalitajiet differenti għall-anzjani. Iċ-ċentru ta’ Malta hija żona fejn għal raġunijiet ovji ilha tinħass il-ħtieġa ta’ iżjed servizzi b’saħħithom għall-anzjani.
Leg 12 PQ #4930 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

konsulent — letter of engagement

Question

Jista l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-‘letter of engagement’ tal-konsulent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, bid-dettalji marbuta max-xogħol li kien mitlub jagħmel mill-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-letter of engagement. Kif diġà għidt pubblikament, ma hemm ebda tip ta’ kuntratt bejn il-persuna li qed jirreferi ghaliħa u l-Gvern Malti. Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant qatt ma tħallset mill-Gvern Malti.
Leg 12 PQ #4931 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħa fil-Qatar — organizzatur

Question

Jista l-Prim Ministru jispjega għaliex il-Gvern ippermetta lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jorganizza u jattendi laqgħa tal-Ministru Konrad Mizzi ma’ awtoritajiet għolja fil-Qatar mingħajr ma kellu rabta formali mal-Gvern Malti?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-twegiba għall-mistoqsija 4934.
Leg 12 PQ #4932 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulent

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra min iċċekkja (għamel id-due diligence) dwar il-konsulent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra CV dettaljata tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija 4934.
Leg 12 PQ #4933 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

black listing — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Prim MInistru jispjega kif informazzjoni dwar il-black-listing tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ma kienx jaf biha meta din l-informazzjoni hija faċilment aċċessibbli għal kulħadd minn fuq l-internet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija 4934.
Leg 12 PQ #4934 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SIMON BUSUTTIL To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

black listing — każ ta' individwu

Question

Peress li l-Prim Ministru qal li l-Gvern tiegħu mhux se jaħdem ma' min huwa black listed, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk ir-rabta kuntrattwali jew non-kuntrattwali li l-Gvern għandu mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament issa ntemmet b'mod definittiv?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif diġa għidt pubblikament, ma hemm ebda tip ta’ kuntratt bejn il-persuna li qed jirreferi ghaliħa u l-ġvern Malti. Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant qatt ma tħallset mill-Gvern Malti. Il-ġvern Malti ma kienx informat li din il-persuna kienet blacklisted u bħal issa qed jistenna konferma dwar dan minn għand l-awtoritajiet internazzjonali. Il-ġvern Malti mhux se jkollu lill-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant jaħdem f'ismu.
Leg 12 PQ #4935 Sitting 61 2013-10-14 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Is-Siġġiewi — Triq Dun Manuel Zammit - żamm ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jwettaq ix-xogħlijiet neċessarji fi Triq Dun Manuel Zammit is-Siggiewi peress li hemm problema ta' żamm ta' ilma f’din it-triq b’konsegwenza li qiegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti kull meta tagħmel ix-xita?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li wara li talab il-parir tal-Perit tal-Kunsill, kien stabbilixxa li Triq Dun Manwel Zammit għandha diffett fl-istruttura tagħha li ġej minn meta din inbniet mill-ġdid. Il-parir tal-Perit ingħata wara li sar survey tal-livelli tal-parti tat-triq fejn iżomm l-ilma. Il-Kunsill Lokali ma setax jipproċedi bix-xogħlijiet minħabba li ngħata l-parir li huwa ferm diffiċli li tiġi mplimentata b’suċċess bidla minima fil-livelli tat-triq u li x’aktarx ix-xogħlijiet ikunu saru għalxejn. Infurmat li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl-aħħar snin ġibed l-attenzjoni ta’ Transport Malta bosta drabi rigward l-inkonvenjent f’din it-triq bil-ħsieb li titranġa.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Taqsima tal-Klieb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li beda jmexxi t-taqsima tal-klieb tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara l-11 ta’ Marzu 2013? Il-fatt li matul il-kampanja elettorali l-individwu kien ta’ spiss jidher mal-Mexxej tal-Partit Laburista bħala bodyguard kien fattur li wassal biex jingħata dan l-inkarigu ġdid?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija ma bdietx tieħu ħsieb is-sezzjoni tal-klieb fil-11 ta’ Marzu 2013 hekk kif mistoqsi iżda wara 12 ta’ April 2013 fuq struzzjonijiet tad-direttur preċedenti. Il-persuna msemmija għandha l-kwalifiki u l-esperjenza kollha neċessarja biex tmexxi is-sezzjoni tas-salvataġġ speċjalment dik tat-tiftix u salvataġġ ta’ persuni maqbuda taħt it-tifrik. Is-sezzjoni tal-klieb hija parti żgħira minn dawn ir-reponsabbiltajiet mogħtija lilu.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Taqsima tal-Klieb — responsabbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala min hu responsabbli mit-taqsima tal-klieb tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma ħax passi biex jevita l-ġlieda bejn il-klieb tas-salvataġġ u tiftix tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li seħħet il-Ħadd filgħodu fil-bidu ta’ Mejju (2013) u mhux talli hekk, talli meta intervjenew spiċċaw isawtu b’lasta ta’ xkupa lil dawn il-klieb bil-konsegwenza li dawn il-klieb sofrew grieħi serji u issa mhumiex up to the mark għal ħidma ta’ tiftix u salvataġġ? X’serħan il-moħħ se jagħti l-Ministru lill-pubbliku li dawn il-klieb li inxtraw għal eluf kbar ta’ ewro kull wieħed se jibqgħu effettivi kif kienu fil-ħidma ta’ salvataġġ u tiftix?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili investiga l-inċident u ma’ rriżulta minn mkien dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant. Il-Klieb kienu ċ-ċertifikati u eżaminati minn veterinarju u wara li ngħataw trattament għal gdim li kellhom irritornaw lura fis-servizz wara li rkupraw u ntużaw ukoll fuq programmi televiżivi, inkluż Net TV.
Leg 12 PQ #2049 Sitting 60 2013-10-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – appuntamenti għal Dental Check Up

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif raġel anzjan fit-18 ta' April 2013 ingħata appuntament mad-Dental Checkup Clinic fl-Isptar Mater Dei għall-1 ta' April 2014, u ftit jiem wara, u ċjoè fit-8 ta' Mejju 2013, irċieva li l-appuntament issa ħa jkun fit-18 ta' Awwissu 2014? Jaf li qed jingħataw bosta appuntamenti mid-Dental Checkup Clinic għall-2014? Il-Gvern huwa kuntent b’dan il-livell ta’ servizz? Meta se jibda l-Gvern joffri lill-pazjenti f'każijiet bħal dawn li jinqdew mill-privat mill-ewwel a spejjeż tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru biex jagħti lid-Dipartiment tas-Saħħa, l-informazzjoni ħalli jkun jista jinvestiga l-kaz. Infurmat ukoll li hemm waiting list li writna mill-amministrazzjoni preċedenti li tmur lura b’sentejn bħal (check up ). Għalhekk bħalissa l-Ministeru tas-Saħħa għaddej b’analiżi biex jistabilixxi linji gwida ta’ stennija u studju l-fatturi li qed jikkontribwixxu għal tul ta’ stennija f’ċertu dipartimenti. Fil-każ tad-dentistrija, din il-problema ser tiġi tibda ndirizzata primarjament bl-ingaġġ ta’ aktar dentisti.
Leg 12 PQ #2176 Sitting 60 2013-10-09 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Provi tal-Prosekuzzjoni f’kawżi kriminali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar id-dritt tal-disclosure ta' provi tal-Prosekuzzjoni f’kawżi kriminali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġett huwa wieħed li l-Gvern qed jagħtih importanza massima. Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja ippreżentat rapport għad-diskussjoni b’numru ta’ proposti għal riformi fid-diversi kampi legali, inkluż il-kamp penali. Dan ir-rapport bħalissa qiegħed fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin. Il-Kummissjoni hija mistennija li tippreżenta r-rapport finali tagħha fil-31 ta’ Ottubru, 2013 u l-Gvern qiegħed iħalli lill-Kummissjoni taħdem f’liberta’ assoluta u mingħajr ebda forma ta’ indħil. Immedjatament wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali, il-Gvern se jieħu d-deċiżjonijiet meħtiega fuq id-diversi proposti finali għal riformi elenkati mill-Kummissjoni, inkluż fil-kamp penali u b’mod iktar speċifiku t-tema imsemmija mill-Onor Interpellant.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – kiri ta’ vetturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 382, jista’ l-Ministru jgħid b’liema rata u mingħand min qed jinkrew dawn il-vetturi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ vetturi qed jinkrew għall-ammonti ta' €20.72 (għoxrin ewro, tnejn u sebgħin ċenteżmu) u €50 (ħamsin ewro) rispettivament. L-aħħar vettura msemmija ħa tinbidel u l-ispiża tagħha se tinżel għal €25.42 (ħamsa u għoxrin ewro, tnejn u erbgħin ċenteżmu). Il-karozzi ezistenti qed jinkrew mingħand Merlin International Ltd u Meli Car Rentals.
Leg 12 PQ #3645 Sitting 60 2013-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid b’mod separat kemm kienet in-nefqa sħiħa għal kull safra (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru ta’ qablu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari fl-2012? Jista’ jgħid min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh, fejn kienet id-destinazzjoni u x’kienet ir-raġuni ta’ kull safra? Jista’ jgħid jekk għal kull safra l-biljetti inxtrawx mingħand l-Air Malta jew jekk hux mingħand il-privat? F’każ li nxtraw mill-privat jista’ jgħid minn fejn inxtraw u jagħti r-raġuni għaliex?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.