Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise — investiment u promozzjoni ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma jew kienu, mit-12 ta Marzu 2013 sa meta tiġi risposta din id-domanda, il-persuni (Maltin u barranin) magħżula mill-Malta Enterprise li kienu jew huma responsabbli, b’xi mod jew ieħor, għall-investiment u promozzjoni ta’ Malta fiċ-Ċina, il-Lvant Nofsani u fl-Asja tax-Xlokk? Kemm kien jew hu l-ħlas ta’ kull persuna? Minn liema uffiċċju taħdem kull persuna? X’tip ta’ investiment inġieb minn Marzu sal-lum minn kull persuna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #5100 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar – ħażna ta’ materjal li ttella’ mill-Qawra

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4813, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-imsemmi ramel għadux fis-sit imsemmi inkella ntradam b'xi materjal ieħor li twaddab fl-istess post? Jekk sar xogħol f'dan is-sit min wettaq dan l-istess xogħol, u taħt liema kundizzjonijiet? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fis-sit kienx hemm numru ta' siġar li spiċċaw bħal qasab jixxejjer mar-riħ minħabba l-mod ta' kif inqatgħu dawn l-istess siġar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onerovoli interpellant li l-MEPA m'ghandiex aktar informazzjoni xi zzid mar-risposta li nghatat ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4813. Dan ghaliex skont regolament 12 tal-Avviż Legali 184/2011 huwa obbligu tal-'waste holder' biex jimmaniġġja l-materjal skont il-proviżjonijiet tal-ligi. Il-MEPA lanqas ma rċeviet applikazzjonijiet li jikkonċernaw żbir ta' siġar fl-istess sit.

San Pawl il-Baħar — Triq ir-Rebbiegħa – reserved parking spaces

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4812, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew approvati kull waħda mit-talbiet imsemmija fir-risposta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar taħt liema wieħed mill-kriterji ta' Transport Malta ġew approvati, individwalment, kull waħda minn dawn il-kaxxi? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar jekk sarux spezzjonijiet fuq il-post minn uffiċjali ta' Trasport Malta qabel ġew approvati? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk l-applikanti għandhomx il-blue sticker ta' persuni b'diżabilità? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk fil-fatt ġewx verifikati ċ-ċertifikati li kienu ppreżentati jekk kienu ppreżentati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Inperpellant li ninsab infurmat li dawn l-applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat ġew approvati f’dawn id-dati: 6 ta’ Jannar 2009, 10 ta’ Settembru 2012 u 29 ta’ Lulju 2013. Dawn il-kaxxi ta’ parkeġġ riservat kienu kollha jissodisfaw il-kriterju ta’ nuqqas ta’ mobbiltà kif ukoll il-kriterji amministrattivi. Transport Malta ma kellha l-ebda indikazzjoni mill-kunsill lokali li kien hemm bżonn ta’ spezzjoni fuq il-post waqt il-proċess inizjali ta’ konsultazzjoni rigward dawn l-applikazzjonijiet. L-applikanti kollha għandhom il-Blue Badge tal-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll kull applikazzjoni kellha ċ-ċertifikati kollha meħtieġa ffirmati u ttimbrati mit-tobba rispettivi.

San Pawl il-Baħar — Triq Ġulju - Trasport Pubbliku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4805, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru t-talbiet biex id-devjazzjonijiet imsemmija jiġu fis-seħħ? Min talab il-permessi meħtieġa, min approva l-istess talbiet, u kif kien mgħarraf lill-pubbliku inġenerali li kien se jkun hemm dawn il-bidliet imsemmija fir-risposta? Fejn ħarġu l-avviżi neċessarji dwar dan it-tibdil, u meta, f'kull dehru l-avviżi (jekk kien hemm avviżi)? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istess avviżi? Jista' jagħti wkoll l-informazzjoni mitluba fid-domanda oriġinali, u dik mitluba f'din id-domanda, għax-xhur Ġunju sa Awwissu ta' din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tlett talbiet għall-għeluq ta’ Triq Ġulju saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar skont kif ġej: - “European Mobility Week” fejn it-talba saret nhar l-4 ta’ Settembru 2013 - “Festival Marittimu” fejn it-talba saret nhar is-17 ta’ Settembru 2013 - “Russian Cultural Event” fejn it-talba saret nhar is-26 ta’ Settembru 2013 Infurmat ukoll illi id-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art m’oġġezzjonax għat-talbiet li saru sabiex jinżammu l-attivitajiet, madanakollu l-permess tal-għeluq tat-triq ma’ nħariġx minn Transport Malta. Ir-responsabbilta’ li tavża lill-pubbliku in ġenerali b’għeluq ta’ triq hija ta’ min qed jagħmel it-talba, jiġifieri f’dan il-każ tal-Kunsill Lokali ta’ San Paw il-Baħar. Għaldaqstant, Transport Malta m’għandhiex għad-disposizzjoni tagħha kopja ta’ xi avviż li seta’ nħareġ f’dan ir-rigward. Infurmat ukoll li bejn Ġunju u Awissu ta’ din is-sena kien hemm żewġ okkażjonijiet fejn ġie affetwat it-traffiku li jgħaddi minn Dawret il-Gżejjer u li t-talbiet tagħhom saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar: - Fit-2 ta’ Lulju għall-“Community Chest Fund” fejn fid-9 t’ Awissu l-karozzi tal-linja ġew devjati minn Triq il-Qawra; - Fit-23 ta’ Lulju għall-“Karnival tas-Sajf” fejn fis-17 u t-18 t’Awissu l-karozzi tal-linja ġew devjati minn Triq il-Qawra. Infurmat ukoll illi fl-14 ta’ Lulju ġiet organizzata attivita’ mill-Korp tal-Pulizija fil-pjazza ta’ Buġibba u minħabba f’hekk, it-trasport pubbliku hu u dieħel lejn il-bus terminus ta’ Buġibba ġie devjat minn Triq il-Pijunieri għal Triq it-Turisti filwaqt illi l-ħruġ mit-terminus kien devjat minn Triq il-Ħallel għal Triq il-Pijunieri.
Leg 12 PQ #5103 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — talbiet għall-fondi għal wirt storiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti sottomessi minn kunsilli lokali differenti, mis-7 u t-12-il distrett elettorali, biex jingħataw għajnuna ħalli l-istess kunsilli lokali jkunu jistgħu jħarsu xi wirt storiku partikolari? F'kull każ liema huma t-talbiet li għadhom pendenti f'dan ir-rigward?

Response (VELLA, KARMENU)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-aħħar Skema ta’ Restawr ta’ Postijiet Storiċi Żgħar. Din l-iskema kienet deċiża u l-aġġudikazzjoni tagħha finalizzata. Għaldaqstant infurmat li ma hemmx talbiet pendenti.
Leg 12 PQ #5104 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Budget 2013 – tnaqqis fil-voti

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji kollha tal-voti li ġew imnaqqsa minn kif approvati fil-budget li ġie approvat minn din il-Kamra għas-sena 2013 u dan in vista tar-rapport sottomess minnu lill-Kummissjoni Ewropea fejn hemm indikat li l-ispiża kif approvata se titnaqqas b' €21 miljun? Jista' jagħti vot b'vot kemm kien it-tnaqqis u kemm f’punti perċentwali huwa dan it-tnaqqis mill-vot oriġinali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Stipendju lill-persuni li jirrepetu s-sena sabiex jidħlu l-università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wegħda li “jibda jingħata l-istipendju lil dawk l-istudenti tal-Junior College, Higher Secondary u MCAST li jkunu jixtiequ jerġgħu jirrepetu s-sena bil-għan li jidħlu l-Università” hix se tibda tingħata minn din is-sena akkademika? Jista’ jagħti spjegazzjoni ta’ kif se jkun jaf li dawn l-istudenti li se jirrepetu għandhom il-ħsieb li jidħlu l-Università?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inizjattivi finanzjarji bħal ma qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant jiġu mħabbra fil-budgets tal-Gvern.

Skejjel primarji – nefqa totali għal kull student

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3165, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda l-eżerċizzju li tindika b’mod ċar l-ammont tan-nefqa u dak li tinkludi n-nefqa tal-Gvern għal kull student? Min se jagħmlu dan l-eżerċizzju? Meta huwa fil-ħsieb li jkun lest?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-eżerċizzju se jsir għas-sena d-dieħla.

Kulleġġi – medja ta’ studenti fil- Klassijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3163, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ studenti f’kull klassi tal-kulleġġi tal-istat? Jista’ jgħid jekk iqisx din il-medja bħala waħda ideali? Jekk le, x’inhi l-medja ta’ popolazzjoni studenteska f’kull klassi li l-Ministru jqis ideali? Xi pjanijiet għandu biex jersaq aktar lejn din il-medja ideali? Sa meta fi ħsiebu jilħaq din il-medja ideali? Jista’ jikkonferma jekk hux beħsiebu li jbiddel il-kulleġġi sat-tmiem din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Numru ideali ta’ studenti fil-klassijiet — impatt

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3163 u 3164, jista’ l-Ministru jkun aktar speċifiku u jgħid jekk għandux pjanijiet u studju dwar l-impatt finanzjarju u loġistiku ta’ kieku tiġi applikata rata ideali ta’ studenti f’kull klassi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5108.

Introduzzjoni ta’ middle schools — studji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3157, jista’ l-Ministru jikkonferma li lanqas m’għandu studji dwar l-impatt finanzjarju u loġistiku li se jkollha d-deċiżjoni tal-introduzzjoni tal-middle schools fil-kulleġġi tal-istat? Jekk mhux il-każ, jista’ jqiegħed dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalina t-tfal jiġu l-ewwel. Skejjel żgħar li jifformaw komunita' umana huma l-aħjar għall-iżvilupp edukattiv. Qed nimmobilizzaw ir-riżorsi neċessarji biex ikollna skejjel medji u sekondarji ta' daqs uman.

e-learning — infiq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali f’investimenti kapitali mill-2008 sal-lum li saru sabiex titwettaq l-istrateġija tal-e-learning? Fiex tikkonsisti dan l-infiq? Kemm intużaw Fondi Ewropej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Kuntratt ta’ xogħol – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux jagħti s-servizzi lill-istess Ministeru u jekk fl-affermattiv jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol/servizz tiegħu filwaqt li jgħid minn meta beda jagħti s-servizz lil-Gvern Malti?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qiegħed jagħti servizz lill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Il-kuntratt eżistenti hu dak li kien ġie ffirmat f’Lulju 2009. Il-kuntratt ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #5139 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA – Preżentazzjoni ta’ Accounts

Question

Permezz tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji, jista’ l-Ministru jgħarraf meta ġiet irreġistrata l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk mit-twaqqif tagħha sal-lum hux dejjem ippreżentat l-accounts tagħha? Jekk le, ta’ liema sena ma ppreżentatx? Jista’ jgħid bħala proċedura x’miżuri jittieħdu kontra dawk il-kumpaniji li ma jippreżentawx l-accounts annwali kif suppost? F’dak il-każ, x’passi ttieħdu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatamentġiet irreġistrata fl-20 t’Awissu 2007. Il-kumpanija riċentement ikkonsenjat għar-reġistrazzjoni l-accounts abridged tagħha tal-2008. Sal-lum, il-kumpanija naqset milli tikkonsenja lir-Reġistratur għar-reġistrazzjoni l-accounts għas-snin 2009, 2010 u 2011. Għal dawn in-nuqqasijiet ir-Reġistratur impona diversi multi skond il-liġi.
Leg 12 PQ #5140 Sitting 64 2013-10-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali ta' Malta — Survey fost l-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar is-survey li l-Bank Ċentrali se jagħmel fost l-impjegati tiegħu mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk din il-kumpanija ntgħażlitx b’sejħa pubblika jew b’direct order? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-iskop ta’ dan is-survey, jekk hux se jsir mal-impjegati kollha klerikali jew le, u meta sar l-aħħar survey simili? Jista’ jgħid ukoll kif ġiet komunikata l-aħbar li se jsir dan is-survey mal-impjegati tal-Bank Ċentrali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, ġiet magħżula skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti li jirrikjedu li għal kuntratti sa €25,000 il-Bank joħroġ quotations lil tal-inqas ħames kumpaniji li jipprovdu dan is-servizz. Il-bord li għamel l-evalwazzjoi rrakkomanda li l-offerta tingħata lil kumpannija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament għall-prezz ta €3,894. L-iskop ta’ dan is- survey huwa li tinġabar informazzjoni mill-impjegati kollha tal-Bank (eżekuttivi, klerikali u nonklerikali) dwar kif dawn jaħsbuha fuq l-impjieg tagħhom, kif iħossuhom dwar l-impjieg tagħhom u x’inhi l-perċezzjoni tagħhom fuq dan l-impjieg. Għal dan il-għan, is- survey kien jikkonsisti f’mistoqsijiet dwar il-moral tal-impjegati tal-Bank; is-sodisfazzjon fuq il-post tax-xogħol; il-benefiċċji; ir-relazzjonijiet u l-komunikazzjoni fil-Bank; l-opportunitajiet ta’ żvilupp u taħriġ; l-i staff retention u s-sistema ta’ rappurtaġġ fuq il-livell ta’ performance tal-impjegati. Dan huwa l-ewwel survey ta’ dan it-tip fost l-impjegati tal-Bank Ċentrali. L-aħbar ġiet komunikata permezz ta’ ittra mibgħuta mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali lil kull impjegat tal-Bank bil-posta interna fit-23 ta’ Settembru 2013.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – baġit approvat

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li l-baġit li ġie approvat għal din is-sena għall-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali ġie mnaqqas b’xi mod jew ieħor? X’kienet ir-raġuni għal dan it-tnaqqis? B’kemm tnaqqas il-baġit, bħala ammont totali u bħala persentaġġ? Liema huma (numru u isem) l-line items li tnaqqsu? X’konsegwenzi se jkollu dan it-tnaqqis?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija Parlamentari numru 5104 lill-Ministru tal-Finanzi.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha persuni jaħdmu fis-segretarjat tagħha llum, min huma dawn il-persuni u x’karigi jokkupaw? Kemm minnhom ġejjin mis-servizz u mis-settur pubbliku u kemm minnhom ġejjin mill-privat? Liema huma dawk il-karigi li fihom kien hemm bidla ta’ persuni li jikkupawhom minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma u min kienu l-konsulenti tagħha u tas-Segretarju Parlamentari mill-bidu tal-leġiżlatura sal-lum? Fuq liema settur tingħata din il-konsulenza? Xi proċedura ntużat fl-ingaġġ tagħhom? Tista’ tippreżenta kopja tal-kuntratt ta' ingaġġ tal-istess konsulenti u, f'każ li kien hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, kopja tal-korrispondenza fuq l-istess bejn il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali (inkluż is-Segretarjat Parlamentari) u l-Ministeru tal-Finanzi? X’pakkett ta’ salarju u kundizzjonijiet għandhom jew kellhom dawn il-konsulenti?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

bordijiet, kummissjonijiet u kumitati fil-qasam soċjali, tal-anzjani u tad-diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista tal-bordijiet, kummissjonijiet u kumitati eżistenti sat-8 ta' Marzu 2013 fil-qasam soċjali, tal-anzjani u tad-diżabilità u tagħti l-lista tal-persuni kollha maħtura fuq l-istess bordijiet, kummissjonijiet u kumitati mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sal-lum? Tista’ telenka l-kwalitajiet u l-esperjenzi tal-persuni li qed iservu fuq dawn il-bordijiet, kummissjonijiet u kumitati? X’remunerazzjoni hemm marbuta ma’ dawn il-ħatriet?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat ħarsien tal-abbużi u l-frodi — riżultati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienu r-riżultati miksuba mid-Direttorat responsabbli mill-ħarsien tal-abbużi u l-frodi mis-servizzi soċjali matul l-2012, bejn Jannar u Frar 2013 u matul din il-leġiżlatura?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji kiseb dawn ir-riżultati mill-operat tiegħu matul il-perjodi mitluba. Perjodu Każijiet li nstabu li kienu bi ksur tal-Liġi * Każijiet li ma nstabux li kienu bi ksur tal-Liġi Stima ta’ flus iffrankati * Jannar – Diċembru 2012 548 585 €2,827,459 Jannar – Frar 2013 78 98 €342,849 Marzu – Settembru 2013 326 385 €1,980,425 * Din l-informazzjoni hija miġbura mill-feedback li d-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji kiseb mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fuq każijiet li kienu riferuti għall-azzjoni min-naħa tiegħu skont l-Att Dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).