Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti li qed jistennew is-servizz tal-handyman? Tista’ tgħid minn fejn huma l-applikanti lokalità b’lokalità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għadd ta’ applikazzjonijiet pendenti għas-servizz tal-Handyman jammontaw għal 34. Qiegħda npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tal-applikazzjonijiet pendenti skont il-lokalità.
Jista’ l-Ministru jgħid eżattament x’inhi d-definizzjoni ta’ suġġetti vokazzjonali li se jibdew jiġu offruti fl-iskejjel sekondarji? Jista’ jgħid minn meta dawn is-suġġetti vokazzjonali se jibdew ikunu offruti fl-iskejjel sekondarji? Jista’ jgħid jekk hemmx qbil mal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti dwar it-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li suġġett vokazzjonali huwa suġġett li huwa relatat mad-dinja tax-xogħol u mfassal b’mod li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ hiliet u kompetenzi vokazzjonali fl-istudenti. It-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali jirrikjedi metodi ta’ tagħlim li jimxu lilhinn mill-metodi tradizzjonali ffukati fuq it-tagħlim tal-kontenut u l- eżamijiet lejn proċessi ta’ tagħlim mibnija fuq biċċiet ta’ xogħol prattiku, proġetti, riċerka, kitba ta’ rapprot u preżentazzjonijiet, żjarat fuq postijet ta’ xogħol, żamma ta’ portafoll tax-xogħol. Il-proċedura tal-assessjar tinbena fuq tliet proċessi: l-assessjar li jsir mill-għalliema bejniethom, l-assessjar tax-xogħol tal-istudenti u l-għalliema minn assessuri esterni għall-iskola, u assessjar ieħor li jsir minn assessuri esterni oħra li jassiguraw il-kwalita’ fl-amministrazzjoni u l-immaniġjar tat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti vokazzjonali. It-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel sekondarji joffri toroq oħra lill istudenti li, barra dawk strettament akkademiċi, biex ikomplu jimxu ‘l quddiem u jkollhom suċċess fis-sistema edukattiva. Huwa mod ta’ tagħlim applikat f’kuntest vokazzjonali li jibni l-kunfidenza, l-motivazzjoni u l-kompetenzi tal-istudenti.
Bħalissa għaddej proġett pilota – li beda fis-sena skolastika 2011-12 – f’għaxar skejjel sekondarji, sitta minnhom tal-istat, tnejn tal-Knisja, u tnejn oħra indipendenti. F’dawn l-iskejjel qed jiġu mgħallma erba’ suġġetti vokazzjonali li jwasslu għal kwalifiċi tal-BTEC (li huma kwalifiċi tal-Edexcel, kumpanija ta’ kwalifiċi Ingliżi li titmexxa mill-University of London Examinations and Assessment Council). Dawn l-iskejjel huma:
Skejjel tal-Istat
Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Benedittu, Ħal Kirkop (BTEC Information Technology Extended Certificate course)
Sekondarja Subien fil-Kulleġġ San Injazju, tal-Ħandaq (BTEC Engineering Extended Certificate course)
Sekondarja Subien fil-Kulleġġ Santa Margerita, Verdala (BTEC Hospitality Extended Certificate course)
Sekondarja Subien fil-Kulleġġ Maria Regina, Mosta (BTEC Hospitality Extended Certificate course)
Sekondarja Subien fil-Kulleġġ t’Għawdex (BTEC Engineering Extended Certificate course)
Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ t’Għawdex (BTEC Health &Social Care Extended Certificate course)
Skejjel tal-Knisja
Sekondarja Subien Stella Maris, Gżira (BTEC Engineering Extended Certificate course)
Sekondarja Bniet, St Dorothy, Żebbuġ (BTEC Hospitality Extended Certificate course)
Skejjel Indipendenti
San Anton Senior School (BTEC Health &Social Care Extended Certificate course)
Sekondarja Subien fil-Kulleġġ St Edward’s, Vittoriosa (BTEC Information Technology Extended Certificate course)
Dawn l-erba’ suġġetti vokazzjonli ntgħazlu għaliex jagħmlu parti mill-oqsma ta’ prijoriiajiet ekonomiċi u strateġiċi ta’ Malta.
L-iskop ewlieni tal-proġett pilota huwa li jwassal għal programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u kwalifiċi għall-iskejjel sekondarji mfasslin lokalment.
Qbil mal-Iskejjel tal-Knisja u Skejjel Indipendenti
Fuq il-kumitat imwaqqaf mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Familja, Żgħażagħ u Sport, biex imexxi ‘l quddiem dan il-proġett pilota, sa mill-bidu nett kien hemm rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u tal-Iskejjel Indipendenti. F’laqgħat li saru mal-kapijiet ta’ dawn l-iskejjel, intweriet xewqa kkbira li jkunu parti minn dan il-proġett pilota.
Jista’ l-Ministru jispjega l-kwalifiki li se jkollhom l-għalliema li se jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm taħriġ speċjalizzat għal għalliema fis-suġġetti vokazzjonali? Jekk iva, jista’ jagħti informazzjoni dwar dan it-taħriġ? B’liema kriterji se jintgħażlu l-għalliema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-għalliema li ntgħażlu biex jipparteċipaw fil-proġett pilota ntgħażlu mill-iskejjel stess li qed jipparteċipaw fil-proġett pilota (irreferi għar-risposta mogħtija għal PQ 5112). F’dawn l-iskejjel, saret sejħa għall-għalliema li jgħallmu suġġetti relatati mas-suġġett vokazzjonli li kien ser jiġi mgħallem hemmhekk. Intalbu żewġ għalliema għal kull suġġett. F’kull skola kien hemm iżjed għalliema li applikaw biex jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali u allura kellha ssir l-għażla b’intervista f’kull skola. L-għalliema li ntgħazlu ħadu t-taħriġ li ġej:
Minn Frar sa Lulju 2011:
Tliet programmi ta’ taħriġ, bl-ewwel programm ikun ġimgħa sħiħa ta’ taħriġ għand l-
Edexcel
, f’Londra. Imbagħad, kellhom żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ f’Malta ma’
teacher trainers
mill-Edexcel.
Bħala parti mit-taħriġ, l-għalliema ingħataw kopja ta’
Teacher’s Pack
u
Student’s Handbook
.
Minn Settembru 2012 sa Lulju 2013:
F’Ottubru 2012 l-iskejjel kollha mdaħħla fil-proġett pilota kellhom l-ewwel Quality Review and Development visit minn assessuri tal-
Edexcel
.
L-għalliema reġa’ kellhom żewġ żjarat ta’ assessjar minn experti fis-suġġetti vokazzjonali tagħhom mill-Edexcel, żeweg programmi oħra ta’ taħriġ u INSET course mat
-teacher trainers
mill-Edexcel.
Minn Settembru 2013 sa Lulju 2014:
F’Ottubru 2013 l-iskejjel kollha mdaħħla fil-proġett pilota qed jerġa’ jkollhom it-tieni Quality Review and Development visit minn assessuri tal-
Edexcel
.
L-għalliema ser jerġa’ jkollhom żewġ żjarat ta’ assessjar minn experti fis-suġġetti vokazzjonali tagħhom mill-Edexcel, u programm ieħro ta’ INSET course mat
-teacher trainers
mill-Edexcel.
F’April 2014 ser jaslu għall-kwalifika tal- BTEC l-ewwel grupp ta’ studenti li qegħdin fil-ħames sena tal-iskola sekondarja u li ilhom jitgħallmu suġġett vokazzjonali għad dawn l-aħħar tliet snin.
Jista’ l-Ministru jgħid min se jiddisinja s-sillabu tas-suġġetti vokazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-programmi ta’ tagħlim vokazzjonali u kwalifiċi għall-iskejjel sekondarji qed jitfasslu lokalment mill-MCAST u l-ITS b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta. Is-sillabi ser jitfasslu matul din is-sena skolastika bis-sehem sħiħ ukoll tal-għalliema li bħalissa qed jgħallmu s-suġġetti vokazzjonali li jwasslu għall-kwalifiċi tal-BTEC bħala parti mill-proġett pilota.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riżorsi se jintużaw u jekk hemmx flus allokati għat-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali? Jista’ jagħti d-dettalji dwar l-ispejjeż kapitali fl-iskejjel għall-bini ta’ laboratorji jew workshops għat-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti? X’għajnuna se tingħata lill-iskejjel tal-Knisja u indipendenti biex ikunu jistgħu jinvestu fit-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Suġġetti vokazzjonali — konsiderazzjonijiet ta' saħħa u sigurtà
Question
Rigward it-tagħlim fis-suġġetti vokazzjonali, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-konsiderazzjonijiet ta' saħħa u sigurtà li qegħdin jittieħdu fl-iskejjel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali fil-proġett pilota qed isir fil-laboratorji tas-suġġetti tat-Teknoloġija, tal-Home Economics, tal-Ikel, u fil-kassijiet. Għalhekk jaqgħu taħt il-konsiderazzjonijiet ta’ saħħa u sigurta’ li hemm fis-seħħ fl-iskejjel. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-uffiċjali tal-Edexcel li kienu żaru l-iskejjel qabel inbeda t-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali biex jiċċertifikawhom bħala ċentri approvati li għandhom ir-rekwiżiti kollha – fosthom provvedimenti ta’ saħħa u sigurtà – biex fihom jista’ jsir it-tagħlim tas-suġġetti vokazzjonali tal-BTEC – li l-erbgħa li huma għandhom unitsobbligatorji ta’ tagħlim fuq is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ma kien hemm l-ebda tweġiba mill-Ministeru dwar rapport li deher f'ġurnal lokali u l-allegazzjonijiet li saru dwar il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Stante li l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta' Għada ma rċeviet l-ebda allegazzjoni ta' irregolarità direttament, dwar l-artiklu li deher fil-ġurnali lokali, f'dan l-istadju l-Fondazzjoni ma ħassitx li kellha bżonn tagħmel stqarrija.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – line votes
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa stmat li hu meħtieġ bħala allokazzjoni finanzjarja addizzjonali taħt il-line votes tal-personal emoluments tal-vot tal-Ministeru u tal-vot tad-Dipartiment sabiex jitħallsu r-renumerazzjonijiet kollha tal-ħaddiema sal-aħħar tas-sena?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – ingaġġ ta’ persuni
Question
Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji kollha, inkluż it-tip ta’ xogħol, karigi, esperjenza u kwalifiki, salarji u perkaċċi, ta' dawk il-persuni li mid-9 ta' Marzu 'l hawn ġew ingaġġati mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, inkluż is-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħala persons of trust? Tista' l-Ministru tqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista' tghid x’inhu t-total ta’ pagi tagħhom fis-sena b’mod kumulattiv?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – contract for service
Question
Tista' l-Ministru tgħid min huma dawk il-persuni li ngħataw contract for service mid-9 ta' Marzu 'l hawn? Tista' tgħid kemm tħallsu s'issa? Tista' tqiegħed kopja tal-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali – management accounts
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-management accounts l-aktar riċenti għal din is-sena tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS), tal-Aġenzija Sapport, tal-Aġenzija Sedqa u tal-Aġenzija Appoġġ?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-management accounts l-aktar riċenti għal din is-sena li gew approvati mill-Board tal-Fondazzjoni għall-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li jinkludu il-Fondazzjoni, l-Aġenzija Sapport, l-Aġenzija Sedqa u l-Aġenzija Appoġġ jinsabu fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali – allokazzjonijiet finanzjarji
Question
Tista' l-Ministru tiċċara jekk l-allokazzjoni finanzjarja li ġiet allokata għal din is-sena hux se tkun biżżejjed sabiex jitħallas fuq accrual basis l-operat kollu tal-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali għal din is-sena?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli biex jinżabar il-palm fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar (jiġifieri min qata' l-weraq niexef jew żejjed)? Meta sar dan ix-xogħol, u minn min? Taħt is-superviżjoni ta' liema persuna li tifhem fis-siġar sar dan ix-xogħol? Liema inġenji ntużaw waqt il-qtugħ li kien neċessarju? Taħt liema kuntratt sar dan l-istess użu ta' makkinarju?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-żbir tal-palm li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien responsabbli minnu l-istess Kunsill Lokali. Dan iż-żbir sar mill-kuntrattur, imqabbad mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, il-ġimgħa l-oħra. Iż-żbir sar b’mutur adegwat (grass cutter) bix-xogħol kollu sar taħt is-superviżjoni tal-kuntrattur innifsu.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ u-bends li għandu mwaħħla l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fil-lokalità tiegħu? Fejn jinsabu dawn l-istess bends? Kemm minn dawn il-bends għandhom reklami fuqhom, u kemm ġabar flus il-kunsill lokali matul din is-sena minn dawn il-bends? Kemm hemm bends oħra li saru iżda s’issa mhux użati?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li hemm 109 u-bends mwaħħla fil-lokalità. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ġabar €10,164.14 minn dawn il-bends għall-perjodu li jkopri bejn Jannar u tmiem Settembru 2013.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti li juru fejn jinsabu dawn l-istess bends u dawk li għandhom reklami fuqhom.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ bus shelters li twaħħlu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 18-il xahar? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew Transport Malta li talabhom l-istess kunsill matul l-istess perijodu? F’kull każ, kemm ilhom biex jiġu deċiżi dawn l-istess talbiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ma twaħħal ebda bus shelter fil-lokalità matul dawn l-aħħar tmintax (18)-il xahar. Infurmat ukoll li hemm sitt (6) applikazzjonijiet pendenti għal bus shelters. Dawn l-applikazzjonijiet saru f’Diċembru 2012 lil Transport Malta.
San Pawl il-Baħar – il-Menqa – spazju għad-dgħajjes
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’pożizzjoni qed jieħu l-Ministeru għal dak li jikkonċerna l-użu ta’ parti mill-ispazju li hemm ħdejn il-Menqa ta’ San Pawl il-Baħar, li kienet ġiet irranġata biex fiha jitqiegħdu dgħajjes tradizzjonali tas-sajjieda u oħrajn u li f’dawn l-aħħar ġimgħat hemm theddida mill-Pulizija li jekk l-istess dgħajjes ma jitneħħewx, se jitneħħew mill-Pulizija? Jista’ jassigura li dan l-ispazju jibqa’ jintuża għad-dgħajjes, proprju fil-qofol ta’ fejn hemm il-Menqa u li ilha użata għal dan l-iskop minn meta saret?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħi huwa li l-ispazju inkwistjoni għandu jintuża biex jitqegħdu fih dgħajjes tas-sajjieda. Ninsab infurmat ukoll li fuq dan hemm qbil ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa jew oħrajn li talbu li jibdew jagħmlu użu mill-farmers’ markets tal-Birgu? Meta bdew f’kull każ joperaw minn dan is-suq u kemm-il darba fetaħ dan is-suq? Kemm hemm talbiet pendenti biex bdiewa jibdew jarmaw f’dan il-post? Minn liema lokalitajiet, separatament, huma dawk li għandhom applikazzjoni pendenti, u dawk li diġà qed jarmaw, lokal b’lokal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li b’kollox kien hemm 22 applikazzjonijiet. Minn dawn 12 ġew aċċettati, 4 ġew rifjutati u 6 għadhom pendenti. Minn dawk li ġew aċċetati, 5 huma mis-Siġġiewi u l-oħrajn mill-Gudja, mill-Fgura, minn Ħaż-Żabbar, mir-Rabat, minn Ħad-Dingli, mill-Marsa u mill-Imġarr. Dawn kollha bdew joperaw fl-aħħar t’ Awwissu li għadda.
Ninsab infurmat ukoll li s-6 applikazzjonijiet pendenti huma mill-Qrendi, mill-Imġarr, tnejn mir-Rabat u tnejn minn Ħaż-Żebbug.