Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #5260 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Interim From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li għandu fil-Ministeru għal Għawdex jew ma’ xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu, il-kwalifiċi tal-istess konsulenti, u l-pakkett finanzjarju ta’ kull konsulent? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-konsulenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.

San Pawl il-Baħar – bini ta’ kumpless sportiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-art f’San Pawl il-Baħar li kienet identifikata mill-Kunsill Malti għall-Isport, kif ukoll mill-pjan lokali ta’ San Pawl il-Baħar, biex fuqha jinbena kumpless sportiv ġietx irritornata lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li l-Gvern abbanduna l-pjan li f’San Pawl il-Baħar jinbena kumpless sportiv, u jekk le fejn se jinbena jekk l-art indikata ngħatat lura? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi konsultazzjonijiet dwar dan mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk saret konsultazzjoni, x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill? Jekk ma saritx konsultazzjoni jista’ almenu l-Ministru jikkonferma jew le li l-Kunsill Lokali kien infurmat dwar din id-deċiżjoni? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-reazzjoni tal-Kunsill dwar dan? Jista’ jikkonferma li din id-deċiżjoni tfisser li l-Gvern abbanduna l-idea li jkun hemm kumpless fit-Tramuntana ta’ Malta? Jekk le, fejn hu mistenni li jinbena dan il-kumpless?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-art li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ġiet irritornata lit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern. Nikkonferma li l-Gvern ma abbandunax il-pjan li jinbena kumpless sportiv. Għadhom ser isiru konsultazzjonijiet f’dan ir-rigward.
Leg 12 PQ #5286 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali – skeda ta’ pagamenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iskeda tal-pagamenti kollha approvati mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskedi tal-pagamenti kollha approvati mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum, hekk kif provduti mill-Assoċjazzjoni. Nirrimarka li d-dettalji personali tal-impjegati tal-Assoċjazzjoni tneħħew mill-iskedi għal raġunijiet marbuta ma’ Protezzjoni tad-Data.

Grupp ta’ Azzjoni Lokali tax-Xlokk – kopja ta’ accounts u pagamenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti kopja tal-accounts u pagamenti kollha li saru mill-Grupp ta’ Azzjoni Lokali tax-Xlokk sa mit-twaqqif tagħhom sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Xlokk issottometta l-ammonti lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, sabiex jingħata rifużjoni tal-ispejjeż taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Il-Grupp ta’ Azzjoni Lokali Xlokk jirċievi tmenin fil-mija ta’ dawn l-ammonti mill-imsemmi fond; filwaqt li l-għoxrin fil-mija l-oħra jirċevihom mingħand id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #5288 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ Sannat – Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha ġie mneħħi s-Segretarju Eżekuttiv ta’ Sannat Għawdex? Jaf li ftit jiem qabel ma s-Sindku ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Segretarju Eżekuttiv, l-istess Segretarju Eżekuttiv kien mar għand il-Kummissarju tal-Pulizija u taħ recording li kien fih allegazzjoni ta’ ksur ta’ liġi mis-Sindku? Is-Segretarju Eżekuttiv ngħata l-opportunità li jispjega l-każ lilu bħala Ministru responsabbli qabel tneħħa kif huwa maħsub fil-liġi tal-Kunsilli Lokali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ex Segretarju Eżekuttiv ġie mneħħi wara Mozzjoni approvata mill-Kunsill Lokali tas-Sannat waqt Seduta tal-Kunsill li saret nhar il-15 ta’ Lulju 2013. Ninsab infurmat li l-ex Segretarju Eżekuttiv tas-Sannat għamel allegazzjonijiet u li dawn l-allegazzjonijiet għaddihom lill-Kummissarju tal-Pulizija. Kif spjega diġa’ s-Segretarju Parlamentari fl-ittra ta’ risposta li bagħat lis-Sur Arthur Bajada, qed nikkwota l-parti li tikkonċerna tneħħija ta’ Segretarju Eżekuttiv li toħroġ minn Taqsima V, Uffiċjali u Impjegati , Artiklu 49 (6) (c) mill-Att tal-Kunsilli Lokali: “I ż da f’kull ka ż il-Ministru JISTA’ jieħu dawk il-passi li jidhirlu xierqa biex kull parti tingħata l-opportunita’ li tressaq il-ka ż tagħha qabel jieħu d-deċi ż joni finali”. Quddiem din is-sitwazzjoni u peress li l-każ kien diġa’ qiegħed quddiem il-Kummissarju tal-Pulizija u sabiex ma tkunx preġudikata tali investigazzjoni, kien deċiż li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali jirrispettata id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tas-Sannat.
Leg 12 PQ #5298 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Budget 2013 – tnaqqis fil-voti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5104 u jagħti d-dettalji kollha tal-voti li ġew imnaqqsa minn kif approvati fil-budget li ġie approvat minn din il-Kamra għas-sena 2013 u dan invista tar-rapport sottomess minnu lill-Kummissjoni Ewropea fejn hemm indikat li l-ispiża kif approvata se titnaqqas b' €21 miljun? Jista' jagħti vot b'vot kemm kien it-tnaqqis u kemm f’punti perċentwali huwa dan it-tnaqqis mill-vot oriġinali? Jista’ jgħid għaliex ma weġibx il-mistoqsija meta din l-informazzjoni tinsab fil-pussess tiegħu għax għaddieha lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Proċess ta’ adozzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn liema pajjiżi barranin preżentement wieħed jista’ jimxi bi proċess ta’ adozzjoni? X’kuntatti għaddejjin u ma’ liema pajjiżi biex ġenituri prospettivi jkunu jistgħu jadottaw minn pajjiżi oħra?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’rigward ta’ adozzjoni tat-tfal bħalissa d-dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali għandu kuntatti mar-Russja, l-Albanija u l-Filippini. Id-dipartiment qed jaħdem ukoll sabiex jiffinaliżża kuntratt mas-Slovakkja u għamel kuntatti mal-Vjetnam, iċ-Ċina, Ċile u l-Polonja.

Envoy speċjali tal-gvern — uffiċċju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5086 u 4901 u jgħid x'inhu l-indirizz tal-uffiċċju li minnu qed taħdem l-envoy speċjali tal-Gvern, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kemm f'Malta kif ukoll fil-pajjiżi barranin li fihom taħdem għall-Gvern Malti bħal dak taċ-Ċina?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-indirizz tas-sinjura Sai Mizzi f' Malta huwa: Malta Enterprise Gwardamangia Hill, Pieta`, MEC 0001 Malta. L-email uffiċjali tagħha huwa sai.mizzi@maltaenterprise.com. Meta jinstab post addattat minn fejn Malta Enterprise tkun tista' topera fil-pajjiżi barranin li għalihom hija responsabbli, dan jew dawn l-indirizzi jiġu ppubblikati fuq il-website tal-Malta Enterprise.
Leg 12 PQ #5301 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - laqgħat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4912, liema domanda saret b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4694, billi hu evidenti li dawn ir-risposti jagħmlu referenzi għal laqgħat differenti minn xulxin u billi l-mistoqsija parlamentari 4912 saret għaliex it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4694 ma kenitx kompluta, u billi staqsejt dwar laqgħat pubbliċi, fejn mhux biss min ikollu proposta imma ukoll il-kunsilliera u r-residenti jkunu infurmati bil-laqgħa partikolari, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif in-nies involuti kienu infurmati bil-laqgħa u meta, fejn u x’ħin inżammet il-laqgħa? Billi mit-tieni risposta jidher li kienu l-entitajiet governattivi li kienu mistiedna għal-laqgħa, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk ir-residenti u l-kunsilliera tal-lokal kinux mistiedna jew le għal din il-laqgħa? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-email li qiegħda ssir referenza għaliha fir-risposta, kif ukoll lil min intbagħtet? Minbarra hekk, jista’ jagħti tagħrif dwar min kienu r-rappreżentanti tal-entitajiet li attendew? Jista’ jagħti ukoll tagħrif dwar kemm kien hemm residenti li attendew il-laqgħa?

Response (VELLA, KARMENU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 4694 u 4912. Intant ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-laqgħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret it-Tlieta 13 ta’ Awwissu 2013 fis-siegħa ta’ wara nofsinhar (1:00 pm), fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali stess. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-email li kienet intbgħatet dwar dan u li telenka l-persuni/entitajiet li kienu mistiedna. Ma kienx hemmx stediniet oħrajn apparti din il-lista fil-kopja tal-email li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #5302 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għas-Saħħa

Għaddasa – trattamenti urġenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw trattamenti urġenti lill-għaddasa f’Għawdex u f’Malta rispettivament minn Mejju sal-lum?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li minn Mejju 2013 sal-llum ingħataw 15 il-trattament f’Għawdex u 17 il-trattament f’Malta lill-għaddasa b’urġenza.
Leg 12 PQ #5303 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — drills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru drills mill-ħaddiema tal-Gozo Channel fl-aħħar sitt xhur u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #5304 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – bordijiet, kumitati u sottokumitati

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-bordijiet u kumitati u sottokumitati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u jgħid minn min huma komposti?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant ghar-risposta li nghatat ghall-Mistoqsija Parlementari numru 1201, u ninfurmaha li minn dakinhar li nghatat ir-risposta saru dawn it-tibdiliet: - Fil-Kumitat tat-tmexxija tac-Centru Ta' Matul il-Jum, wihed miz-zewg ufficjali nominati mill-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (is-Sur Anthony Formosa) ma accettax in-nomina. - Fil-Kumitat Celebrazzjonijiet Nazzjonali u Regjonali, l-Av. Grezzju Mercieca, is-Sur Joe Xuereb u s-Sur Joe Camilleri gew mibdula mis-Sur Clifford Galea, mis-Sinj. Rachel Galea u mis-Sur Charles Hili rispettivament. - Fil-Bord tal-Gozo Channel l-Av. Christian Zammitgie mibdul mill-Av. Lisa Brooke.
Leg 12 PQ #5305 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – xogħlijiet fuq uffiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x-xogħlijiet saru fl-aħħar sitt xhur f’kull uffiċċju li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu biex isiru aktar aċċessibbli?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li fl-ahhar sitt xhur ma sar ebda xoghol f'ufficcji li jaqghu taht il-Ministeru ghal Ghawdex fir-rigward ta' accessibilta'.

Malta Enterprise – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex ingaġġat mill-Ministeru tiegħu jew mill-Malta Enterprise bħala Executive Chairman, Major Projects Co-ordinating Agency? Jista’ jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra li ġie mogħti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Eta’ minn meta persuna tista’ tixrob l-alkohol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-età minn meta persuna tista’ tixrob l-alkoħol togħla minn 17-il għal 18-il sena?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

L-Imġarr (Malta) — Zuntier - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol ta' rinnovar taz-zuntier tal-Knisja tal-Imġarr (Malta) jitlesta peress li fadal biex it-taraġ il-wiesgħa ta' quddiem li jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-taraġ imsemmi qatt ma kien jifforma parti mill-proġett li wettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fiz-zuntier tal-Knisja Parrokjali tal-Imġarr. Madanakollu wieħed jikkonsidra din it-talba flimkien ma talbiet oħra.

Kumitat dwar is-Siġar — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min huma l-membri tal-kumitat dwar is-siġar li twaqqaf xi xhur ilu? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm persuni li rreżenjaw minn dan il-bord, fil-każ, meta? Kemm-il laqgħa saret? X'deċiżjonijiet ħa dan il-bord?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Kumitat Konsultattiv tas-Siġar huwa kompost mis-Sinjuri Alfred Baldacchino, Steve Borg, Charles Grech u Anna Spiteri. Rigward it-tieni mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 4399 fejn ir-riżenja seħħet fis-17 ta’ Lulju 2013. In-numru ta’ laqgħat li saru kien ta’ 14. Dan il-Bord kien wieħed purament konsultattiv.

Trobbija tan-Naħal — speċjalisti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni impjegati mal-Ministeru li huma persuni speċjalizzati fit-trobbija tan-naħal għall-produzzjoni tal-għasel? Kemm ilhom impjegati dawn il-persuni mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikultura?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi fis-sezzjoni tal-apikultura fl-Għammieri hemm Senior Agricultural Officer li hu speċjalizzat fit-trobbija tan-naħal. Dan ilu mpjegat f’din il-kariga mal-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura mis-sena 2011.

Trobbija tan-naħal — persuni reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li huma reġistrati biex iżommu n-naħal għal produzzjoni tal-għasel bħalissa? Kemm kien in-numru ta' dwn il-persuni li kienu qed irabbu n-naħal fl-2011 u l-2012 rispettivament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mis-sena 2010 hemm 229 raħħal irreġistrati li jrabbu n-naħal għal produzzjoni tal-għasel. Ninsab infurmat ukoll illi s-sistema kompjuterizzata ma tisseggregax informazzjoni sena b’sena.
Leg 12 PQ #5321 Sitting 66 2013-10-23 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Skema għal Turiżmu Sostenibbli

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tar-raba' sejħa għal fondi mill-iskema għat-turiżmu sostenibbli li skont il-Ministru stess kellha tiġi finalizzata sal-aħħar ta' Settembru, ġietx iffinalizzata? Jekk le, x'wassal għal dan it-tieni dewmien fl-evalwazzjoni li oriġinarjament kellu jintem f'Ġunju ta' din is-sena?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-marki ta’ l-aħħar fażi ta’ l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tar-raba’ sejħa għal fondi mill-iskema għat-turiżmu sostenibbli għadha kif ġiet iffinalizzata u ser jintbagħtu l-ittri bir-riżultat lill-applikanti. Wara dan il-proċess, tibda diskussjoni mal-benefiċċjarji fejn dawn ikunu jridu jikkonfermaw u jiffirmaw il-grant agreement li jinkludi fih id-dettalji ta’ inizjattivi li ser isiru u ż-żmien biex dawn jitwettqu. Il-proġetti jridu jitlestew sa Settembru tal-2014. Bħal ma ġara fl-iskemi preċedenti, l-applikanti kellhom ukoll l-għażla li jibdew il-proġett tagħhom, iżda ma jitlestiex qabel ma jinħarġu r-riżultati b’approvazzjoni tal-iskema.