Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #5517 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: MICHAEL GONZI To: Ministeru għas-Saħħa

Foot scan

Question

Jista’ l-Ministru jinforma din il-Kamra meta l-foot scan li tintuża mill-podoloġija se tiġi mibdula jew imsewwija? Kemm ilha bil-ħsara u għaliex dan id-dewmin kollu? Kemm hawn foot scans available fiċ-ċentri tas-saħħa u sptarijiet governattivi għall-użu tal-poplu Malti u Għawdxi?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li hawn magna tal-footscan waħda li tisntab fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara. Din ilha bil-ħsara minn April ta’ din is-sena. Il-wiċċ fejn titpoġġa s-sieq tal-pażjenti sabiex tiġi skanjata mis-sistema, tmermer kompletament bl-użu. Għaldaqstant, dan il-wiċċ ġie mibgħut l-Amerika biex jiġi rranġat u upgraded bis-software ukoll. Dan il-proċess ħa erba’ xhur. Fil-fatt kollox wasal lura Malta f’Awwissu ta’ din is-sena. Meta ġie stallat s-software upgrade fuq il-kompjuter l-antik, dan ma setax jaħdem sew. Fil-frattemp is-sezzjoni tal-Kura Primarja se tibda l-proċess biex tinxtara magna ġdida. Ukoll se jinbidel il-kompjuter u b’hekk is-sistema antika tibqa’ taħdem sakemm tasal il-magna l-ġdida. Ninsab infurmat ukoll li din it-tiswija tas-sistema preżenti tkun lesta sa tmiem l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru.
Leg 12 PQ #5518 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kawżi kriminali – noticeboard list

Question

Peress li l-listi tal-kawżi ċivili jkunu fuq il-website tal-gvern u saħansitra hemm in-noticeboard list iżda in kwantu għall-kawżi tal-kriminal ma hemm ebda servizz ta' dan it-tip, jista’ l-Prim Ministru jikkonsidra li din in-noticeboard list fil-website tal-gvern ikollha wkoll il-kawżi tal-kriminal?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab mgħarraf li minħabba l-volum kbir ta’ kawżi fil-kamp penali (bħalma huma kawżi tad-distrett, kawżi tal-VAT, kawżi tas-Sanità etc) kienet ittieħdet deċiżjoni fil-passat li mhux il-kawżi kriminali kollha jiddaħħlu fis-sistema komputerizzata tal-Qorti imma jiddahhlu biss il-kumpilazzjonijiet. Terga’, kienet ittieħdet ukoll deċiżjoni fil-passat li l-kumpilazzjonijiet (għad li jkunu ddahhlu fis-sistema kompjuterizzata) xorta waħda ma jkunux fuq il-website peress li ħafna drabi il-listi tas-seduti quddiem il-Qrati tal-Maġistrati ma jkunux kumpilazzjonijiet biss imma jkunu jinkludu ukoll kawżi oħra. Ir-raġunament kien li jekk dan is-servizz jingħata fil-kamp penali, ikun aktar ta’ tfixkil għal pubbliku milli ta’ gwida, peress li l-maġġoranza tal-kawżi ma jkunux jidhru. Madankollu l-Gvern qed jikkonsidra li fil-gejjieni dan is-servizz jibda jingħata ukoll fil-kamp kriminali u dan wara li jsir studju tax-xogħol involut flimkien mad-dipartiment tal-Pulizija sabiex kull kawża kriminali tibda tiddaħħal fis-sistema komputerizzata tal-Qorti.
Leg 12 PQ #5519 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qorti ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Prim ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess li skatta permezz ta' mozzjoni 222 tal-interpellant innifisha fil-leġiżlatura li għaddiet biex il-Qorti ta' Għawdex tingħata d-dinjità li tixirqilha u l-Għawdxin jinqdew aħjar f'Għawdex stess?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi għar-risposta li kienet ingħatat għad-domanda parlamentari 1038. Inżid li hekk kif ir-rapport finali jiġi ppubblikat il-Gvern jgħaddi biex jieħu d-deċiżjonijiet fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 12 PQ #5520 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?

Response (REFALO, ANTON)

Jiena nfurmat li m'hemm l-ebda impjegat tal-Ministeru għal Għawdex li huwa impjegat ma' kuntrattur.
Leg 12 PQ #5521 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Biċċerija ta’ Għawdex — manutenzjoni

Question

Peress li qed isiru diversi lmenti dwar nuqqasijiet fil-biċċerija ta' Għawdex senjatament dwar apparat u tagħmir ta' saħħa u sigurtà għall-impjegati, jista’ l-Ministru jara li dawn jiġu indirizzati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li d-direttorat konċernat qed jieħu ħsieb jipprovdi lbies protettiv għall-impjegati il-biċċerija ta' Għawdex skont in-natura tax-xogħol tagħhom.
Leg 12 PQ #5522 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'Għawdex li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'Għawdex li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qiegħed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #5527 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ingħatatx xi kuntratt ta' xogħol mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, f'xi ministeru ieħor jew ma' xi entità pubblika? Jekk iva, jista' jgħid x'inhu rwol tagħha? X'inhu l-pakkett finanzjarju tagħha?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-persuna li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, m’ghandha ebda kuntratt ta' xogħol mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, f'xi ministeru ieħor jew ma' xi entità pubblika.

Kunsill tal-Konsumatur – ħatra ta’ segretarju

Question

Tista' l-Ministru tgħid min ġie maħtur segretarju tal-Kunsill tal-Konsumatur, fuq liema bażi ġie maħtur u jekk huwiex qed jirċievi xi forma ta’ onorarja jew remunerazzjoni? F'każ li qed isir xi ħlas, tista' l-Ministru tgħid kemm hi din l-onorarja jew remunerazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi għall-Mistoqsija tal-Onor. Interpellant u ninformaha li din il-pożizzjoni se timtela’ minn skrivan/a u għalhekk ma jkunx hemm rinumerazzjoni addizzjonali għal dan ix-xogħol.

Tribunal tal-Komsumatur — każijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-każijiet ġodda li ġew imressqa quddiem it-Tribunal tal-Komsumatur minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata li minn Marzu 2013 ġew imressqa 207 każijiet ġodda quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur. Minn dawn għad hemm 125 każ pendenti.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5325, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport preliminari li ġà ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-bord tal-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal raġunijiet ta’ data protection mhux se titpoġġa kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' impjegati li kienu fuq kuntratt ta' impjieg definit mal-Korporazzjoni Enemalta u li ngħataw kuntratt indefinit mal-istess korporazzjoni bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-1 ta' April 2013? F'kull każ, jista' jagħti l-grad u d-dipartiment/sezzjoni tal-impjegat/a, id-data ta' meta ġie ffirmat il-kuntratt definit oriġinali, it-tul tal-kuntratt definit, is-salarju u benefiċċji oħrajn tal-kuntratt definit, id-data ta' meta l-kuntratt definit inbidel f'wieħed indefinit u s-salarju u benefiċċji oħrajn tal-kuntratt indefinit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #5540 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn allegatament qed issofri inġustizzja?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar se tagħmel kuntatt ma' dan l-individwu u tara l-każ tiegħu.

Binja tal-Gvern – Bieb tal-Komun

Question

Tista’ l-Ministru tara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji u jinbidel il-bieb tal-komun tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilu iktar minn 40 sena u jinsab fi stat ħażin ħafna tant li ma jistax jingħalaq?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar overtime mill-ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-bidu ta’ Mejju 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li overtime li sar mill-ħaddiema tal-facilita korretiva ta' Kordin min Mejju 2013 sa Settembru 2013 hu kif ġej: (May 2013) - € 134,609.94 (June 2013) - € 133,397.51 (July 2013) - € 134,808.39 (August 2013) - € 128,467.93 (September 2013) - € 128,954.37

Enforcement procedures

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il enforcement procedure hemm bħalissa fuq Malta? Jekk iva, fuqiex?

Response (GRECH, LOUIS)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qegħda tirreferi għal infringement proceedings u mhux għal enforcement procedure kif kkwotat fil-mistoqsija parlamentari. Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 22 infringement proceedings. Ta’ min jinnota li fl-aħħar ta’ Diċembru 2012 kien hemm 26 infringement proceedings u 36 infringement procee dings f’Diċembru 2011.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettoriali — Tnaqqis mill-budget

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jikkonferma li ma kien hemm l-ebda tnaqqis, fl-ebda dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-budget li kien ġie approvat f’April 2013? Jekk kien hemm xi varjazzjoni, jista’ jgħid minn liema dipartimenti sar dan u b’kemm?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tnaqqis mill-baġit approvat lill-MEAIM f’April ta’ din is-sena sar f’dawn il-line items: 5571 – Malta Security Officers – Minn €10,000 (April 2013) għal xejn; 6002 – State Aid Monitoring Board – Minn €30,000 (April 2013) għal €25,000; 73307001 – ICT – Minn €300,000 (April 2013) għal €200,000. Tajjeb wieħed isemmi li fir-rigward tal-Malta Security Officers dan kien fond li għalkemm kien hemm provediment għaliħ fil-baġits preċedenti qatt ma kien utilizzat. It-tnaqqis li kien hemm għall-Istate Aid Monitoring Board kien marġinali u bl-ebda mod ma affetwa l-operat tal-Bord għal-2013. It-tnaqqis fl-ispiża kapitali ta’ l-ICT kienet tirrifletti stima aġġornata ta’ l-esiġenżi tal-Ministeru f’dan il-qasam għal din is-sena.

Segretarjat tal-Presidenza u l-Fondi Ewropej – Tnaqqis mill-budget

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jikkonferma li ma kien hemm l-ebda tnaqqis fl-ebda dipartiment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarjat responsabbli mill-Presidenza u l-Fondi Ewropej mill-budget li kien ġie approvat f’April 2013? Jekk kien hemm xi varjazzjoni, jista’ jgħid minn liema dipartiment sar dan u b’kemm?

Response (GRECH, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5546.