Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sa Maison — Yacht marina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-yacht marina proposta u mibdija mill-Gvern Nazzjonalista f’Sa Maison?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għall-iżvilupp ta’ yacht marina f’Sa Maison tħaffef, billi fil-preżent Transport Malta qegħda fil-proċess li tikkummisjona studji iktar speċjalizzati, hekk kif ġie mitlub mill-MEPA, b’konessjoni ma’ din il-marina.

Outer Coal Wharf — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-moll fil-Port il-Kbir magħruf bħala Outer Coal Wharf li sa ftit xhur ilu kien operat mill-privat? Jista’ jikkonferma illi dan l-aħħar il-moll inkera minn Transport Malta lil kumpanija privata għal xogħol ta’ tiswijiet fuq yacht lussuż? Jekk dan hu l-każ, ma jaħsibx il-Ministru illi b’hekk l-Awtorità tat-Trasport tista’ toħloq distortion fis-suq tat-tiswijiet tal-yachts?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tevalwa numru ta’ alternattivi għall-użu u żvilupp ta’ Outer Coal Wharf. Deċiżjoni tittieħed wara li dawn l-alternattivi jiġu evalwati kollha. Fil-preżent, dan il-moll jintuża għall-irmiġġ ta’ opri tal-baħar fuq bażi first come first serve minn terzi persuni / operaturi, u dan bi ħlas skont tariffi applikabbli. Għaldaqstant, u kif isir minn multipurpose terminals oħra taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta, dan il-moll ikun ta’ spiss użat minn opri tal-baħar lokali kif ukoll minn dawk barranin, mingħajr ebda restrizzjoni fuq it-tip ta’ dawn l-istess opri tal-baħar, wara li ovvjament jiġu kkunsidrati fatturi bħas-sigurta’ u faċilita’ għan-navigazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li mis-17 ta’ Settembru 2013 sat-18 t’Ottubru 2013 (liema arranġament jista’ jiġi estiż ġimgħa b’ġimgħa minn wara din id-data) dan il-moll qed jakkomoda superyacht li skont informazzjoni li ngħatat lil Transport Malta jinsab Malta għal skopijiet ta’ surveys. L-Awtorità mhux infurmata li qed isir xi tip ta’ xogħol ieħor, ħlief għal surveys u xogħlijiet relatati ta’ rutina li normalment isiru, u għaldaqstant m’hu qed ikun hemm l-ebda distortion tas-suq kif allegat mill-Onor. Interpellant.

Enemalta — sussidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet mingħand il-Gvern, sena b’sena f’dawn l-aħħar ħames snin, sussidju u/jew pagamenti oħra l-Korporazzjoni Enemalta biex tagħmel tajjeb għat-tariffi imposti mill-Gvern u għas-sussidji għall-każijiet soċjali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Enemalta – gas terminal

Question

Minħabba li kien irrapurtat li hemm xi delays fil-proġett tal-gas terminal tal-Korporazzjoni Enemalta, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li dan jibda jopera?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett miexi kif ippjanat.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma — traħħis

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-data preċiża ta’ meta t-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jidħol fis-seħħ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Gvern se jżomm mal-wegħda elettorali li jraħħas il-kontijiet residenzjali f'Marzu 2014 u dawk kummerċjali f'Marzu 2015.

Energy Benefit li se jidħlu fis-seħħ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li t-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li se jidħol fis-seħħ se jkun apparti l-benefiċċji li diġà għandhom illum dawk il-familji li jibbenefikaw mill-energy benefit u sussidju anċillari?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhux se jitneħħew benefiċċji lill-familji Maltin u Għawdxin.

Proġett tal-Gas Terminal

Question

Minħabba li l-Gvern ikkonferma kemm-il darba li se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma qabel ma jlesti l-proġett tal-gas terminal, jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġi jiswa dan is-sussidju, min se jħallsu (jekk hux il-Gvern jew l-Enemalta) u kif se jiġi ffinanzjat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Delimara 2 – fuel oil

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha neċessarja li turi kemm jiswa l-proċess biex Delimara 2 (magħrufa bħala BWSC) tinqaleb mill-fuel oil għall-gasoil (diesel) u kemm hu stmat li dan il-proċess jieħu żmien?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Rapporti lill-Pulizija dwar moħqrija ta’ annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati każijiet ta’ moħqrija fuq l-annimali lill-Pulizija f'dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm tressqu nies il-Qorti fuq l-istess akkużi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif gej: 2009 2010 2011 2012 2013 Rapporti dwar mohqrija ta’ annimali 108 94 98 104 59 Persuni mressq l-Qorti 20 16 19 13 10

Malta Government Technology Investments – Tnaqqis fil-Budget

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-budget tal-Malta Government Technology Investments approvat f’April li għadda ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk il-budget ġie mnaqqas, b’kemm tnaqqas u x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (CARDONA, CHRIS)

Id-dettalji dwar il-budget ikunu magħrufa aktar tard mill-Ministru tal-Finanzi.

MITA – MITA Awards Night

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali biex ittellgħet il-MITA Awards Night? Minn din l-ispiża kemm kienet in-nefqa fuq l-ikel u x-xorb? Għal kull spiża, lil min ingħata s-servizz u jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dan ġiex mogħti permezz ta’ direct order?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-ispiża biex ittellgħet il-MITA Awards for Excellence se tilħaq madwar €19,800. Il-Budget allokat għal din l-okkazzjoni kien ta’ €20,000. Minn dan l-ammont in-nefqa fuq ikel u xorb kienet ta’ €11,800. Ta’ min isemmi ukoll li din is-sena kien hemm rekord ta’ attendenza ta’ impjegati kif ukoll numru rekord ta’ awards mogħtija. Qed inpoggi rendikont tad-dettalji kollha mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Infakkar ukoll lil Onor. Interpellant li bejn 2008 u 2011, l-ispiza fuq din l-attività dejjem qabżet il-budget allokat. Speċifikament fl-2011, l-ispiża totali laħqet €30,646 jew aktar minn €10,600 tal-budget li kien allokat.

Banek — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ impjegati fil-banek lokali, separatament f’kull bank fl-2011 u fl-2012?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ in-numru ta' impjegati fil-banek lokali f'kull bank f'Diċembru 2011 u 2012 kien kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Bank Ċentrali mhux inkluż għax huwa regolatur u mhux bank kummerċjali.
Leg 12 PQ #5261 Sitting 69 2013-10-30 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — Highly Qualified Schemes – applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) dwar il-Highly Qualified Schemes fl-2012 u minn Jannar għal Settembru 2013? Għal kull perijodu jista’ jgħid x’kien l-impjieg ta’ kull applikant rispettivament?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Transport Malta — Highly Qualified Schemes – applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċeviet Transport Malta dwar il-Highly Qualified Schemes fl-2012 u minn Jannar għal Settembru 2013? Għal kull perijodu jista’ jgħid x’kien l-impjieg ta’ kull applikant rispettivament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-Highly Qualified Schemes, fl-2012 Transport Malta ma rċeviet l-ebda applikazzjoni filwaqt illi minn Jannar sa Settembru 2013 Transport Malta rċeviet sitt applikazzjonijiet. L-impjieg ta’ kull applikant minn Jannar sa Settembru 2013 huwa kif jidher hawn taħt: Flight-Ops Manager (x2) Chief Executive Officer Chief Technology Officer Line Training Captain (x2)

Żibrun tal-Merkanti — ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat bil-ħsara li hemm fl-hekk imsejjaħ Żibrun tal-Merkanti li hemm fuq is-sikka quddiem il-Casino tad-Dragonara? Jista’ jara li l-awtoritajiet jieħdu azzjoni immedjata minħabba li jista’ jkun ikkawżat inċident speċjalment għal min ma jafx iż-żona?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija nfurmati b’din il-ħsara, u diġà nħareġ Avviż għall-Baħħara (Notice to Mariners) f’dan ir-rigward. Jekk it-it-temp jippermetti, huwa mistenni li din il-ħsara tissewwa fil-ġranet li ġejjin.

strateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti li qed jaħdmu fuq l-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali? Kemm qed jitħallsu biex jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Yana Mintoff Bland hija l-persuna li qed taħdem bħalha konsulenta fuq l-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Bħalha ħlas qed titħallas skala tas-salarju 3 pro-rata skond in-numru ta’ sigħat u linja tal-mowbajl u ADSL residenzjali sa massimu ta €815.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — impjegata

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġiet impjegata fil-Ministeru tagħha? Jekk iva, tista' tgħid x'inhuma r-rwol u r-responsabiltajiet li għandha? X’inhuma l-kwalifiċi u l-esperjenza li għandha biex taqdi din il-funzjoni? X’pakkett ta’ salarju u perkaċċi għandha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-persuna kkonċernata huwa li tikkordina attivitajiet marbuta mal-qasam soċjali organizzati mill-Ministeru jew l-entitajiet li jaqghu tahtu. Ir-responsabiltajiet tagħha huma li tippjana, torganizza u tassisti fil-ħidma organizattiva ta’ dawn l-attivitajiet.. Il-persuna msemmiija għandha esperjenza organizzattiva biżżejjed biex tkun fdata bix-xogħol li qed jingħatala minn dan il-Ministeru.

Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali – ingaġġ ta’ ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dettalji tal-impjegati ġodda kollha li daħlu fil-Fondazzjoni tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) inklużi dawk li jaħdmu fi tliet aġenziji li huma s-Sapport, l-Appoġġ u s-Sedqa, mid-9 ta Marzu ’l hawn? Tista' tgħid x'inhu l-grad tagħhom, il-kwalifiċi tagħhom u kemm qed jirċievu remunerazzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni f’riskju ta’ faqar — miżuri

Question

Tista' l-Ministru telenka l-miżuri monetarji li ħadet kemm ilha Ministru sabiex itejjeb id-dħul finanzjarju tal-persuni li huma f'riskju tal-faqar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

strateġija kontra l-faqar — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm intefqu flus s’issa fuq l-istrateġija kontra l-faqar inkluż il-ħlas ta’ konsulenti, loġistika għall-attivitajiet, ħlas lill-orkestri u nfiq ieħor? Tista’ tagħti breakdown tan-nefqa kif saret?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.