Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bus lane sospiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma l-bus lane tal-Marsa ġiet sospiża, ikkonsultax mal-uffiċjali tat-Traffic Management Unit li kienu n-nies responsabbli mid-disinn u l-implimentazzjoni tagħha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant b’dawn l-arranġamenti hekk kif ġej: · Triq Aldo Moro Northbound Bus Lane : Din il- bus lane ser tiġi sospiża temporanjament sakemm jitlestew ix-xogħlijiet għall-kontroll tal-għargħar fuq pjan ta’ mmaniġġjar tat-traffiku temporanju li ġie ddisinjat mid-Dipartiment għall-Immaniġġjar tat-Traffiku b’konsultazzjoni mad-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art; · Triq Aldo Moro Southbound Bus Lane: Din il-bus lane, li hija ppjanata bħala parti mill-proġett tal-Modus u li tinsab eżattament fejn ser isiru x-xogħlijiet tal-kontroll tal-għargħar, għadha ma nbnietx u din ser tinbena meta jitlestew dawn ix-xogħlijiet. Għaldaqstant, din il-bus lane għadha mhix kompluta.

Proġett MODUS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-MODUS?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tall-MODUS reġa’ qabad ir-ritmu mistenni wara d-dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-iskeda tax-xogħlijiet.

skemi ta’ parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ħa d-deċiżjoni li jissospendi r-residential parking schemes kollha, ikkonsultax mal-uffiċjali fi ħdan Transport Malta li kienu responsabbli mit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom? Jista’ jgħid jekk dawn l-uffiċjali qablux mad-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-iskemi ta’ parkeġġ residenzjali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Controlled Residential Parking Schemes kienu jiġu evalwati minn uffiċċjali tal-Awtorita’ dwar it-Trasport (ADT) fuq polza li kienet approvata mill-Bord tal-istess Awtorita’ fis-sena 2004 u li l-evalwazzjoni kienet issir fuq il-kriterji tal-istess polza. Bħalissa din il-polza qed tiġi riveduta bil-għan li tirrifletti aħjar il-bżonnijiet tal-parkeġġ fiċ-ċirkustanzi tal-lum il-ġurnata minħabba li d-domanda għall-parkeġġ fiż-żoni residenzjali evolviet f’dawn l-aħħar 9 snin. Din ir-reviżjoni tal-polza qed issir mill-uffiċċjali li kienu responsabbli mill-evalwazzjoni ta’ talbiet għal tali skemi.

skemi ta’ parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bis-sospensjoni tal-skemi ta’ parkeġġ residenzjali ta vot ta’ sfiduċja fix-xogħol li jagħmlu l-uffiċjali fi ħdan Transport Malta li sal-ġurnata tal-lum għadhom jassessjaw it-tfassil ta’ traffic management policies u xogħol ieħor relatat?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm Steering Committee, b’membri mill-Awtorita dwar it-Trasport, li kien nieda l-ewwel skema għall-Parkeġġ ikkontrollat għar-Residenti fejn tali skema kienet regolata b’Avviż Legali 293 tal-2001. Sussegwentament, din it-tip ta’ skema ta’ parkeġġ ikkontrollat ġiet implimentata f’diversi lokalitajiet fuq l-istess prinċipji imfasslin f’Avviż Legali 293 tal-2001 u fuq polza tal-istess Awtorita’ li tnediet fis-sena 2004. Dawk il-membri mill-Awtorita’ dwar it-Trasport li kienu parti minn dan l-iSteering Committee oriġinali m’għadhomx jaħdmu fuq tali skemi u lanqas fuq traffic management policies u xogħol ieħor relatat.

Karozzi tal-linja — żieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar x'se jkun l-impatt fuq it-traffiku minħabba ż-żieda fin-numru addizzjonali ta’ karozzi tal-linja jekk l-articulated buses jiġu imwaqqfa milli jkomplu jiġu użati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għadhom għaddejjin it-taħdidiet mal-kumpanija Arriva u biex ma jiġux preġudikati id-diskussjonijiet li qed isiru, informazzjoni aktar minn dik li diġà ngħatat lill-pubbliku, tingħata fil-mument opportun.

Arriva — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħda tagħmel Transport Malta biex jiġi infurzat il-kuntratt li għandha mal-Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta għandha sezzjoni ta’ mpjegati li xogħlhom huwa li jinfurzaw il-kuntratt iffirmat bejn Arriva Malta Limited u Transport Malta. Dan l-infurzar jinkludi spezzjonijiet ta’ kuljum fuq: · Vetturi fejn fost l-oħrajn tiġi ċċekkjata l-indafa, l-apparat li juri d-destinazzjoni, apparat ta’ sigurta’ u t-temperatura ambjentali ġewwa x-xarabank; · L-infrastruttura, fejn fost oħrajn jiġi ċċekjat li hemm l-iskedi mwaħħla fuq il-bus stop kif ukoll l-indafa f’dawk il-vened immaniġġjati mill-operatur; · Xufiera u mpjegati oħra tal-operatur li jkollhom kuntatt mal-passiġġieri fejn fost oħrajn jiċċekkjaw li jkunu libsin tag uffiċjali u l-uniformi kif suppost; · Moniteraġġ tas-servizzi li jkunu qegħdin jaħdmu skont l-iskeda u li jaċċertaw li l-vjaġġi ma jkunux qed isegwu devjazzjonijiet li m’humiex approvati. F’każ li jiġu identifikati nuqqasijiet, Transport Malta timponi l-penali applikabbli skont kif stipulat fil-kuntratt.
Leg 12 PQ #5027 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Delimara 2 – operat bil-fuel oil

Question

Peress li l-powerstation Delimara 2 (magħrufa bħala BWSC) kienet tissejjaħ fabbrika tal-kanċer, jista’ l-Ministru jgħid jekk hu kienx ikkonsultat dwar id-deċiżjoni li din tibqa’ topera bil-fuel oil? Jekk ġie kkonsultat, jista’ jgħid x’kienet il-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li peress ma kien hemm l-ebda bidla fl-istatistika jew evidenza f’dan l-aħħar xhur ma nħassetx il-ħtieġa li ssir il-konsultazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru.

Sptar Mater Dei – qtugħ ta’ pensjoni ta’ persuni li jdumu fl-Isptar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma ċ-ċirkostanzi li fihom pazjent li jkun rikoverat fl-Isptar Mater Dei għal perijodu taż-żmien, tibda tinqatagħlu parti mill-pensjoni tiegħu/tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru tas-Saħħa.
Leg 12 PQ #5029 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – terms of reference tal-konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4158, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li hemm referenza għalihom u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-terms of reference tagħhom?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-konsulenti u t-terms of reference tagħhom.
Leg 12 PQ #5030 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – lista ta’ membri tal-kumitati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4158, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-Membri ta’ dawk il-kumitati li diġà ħatar minn Marzu tal-2013 ’l hawn, kemm qed jitħallsu u x’servizzi ntalbu jagħtu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Membri ta’ dawk il-Kumitati li diġà nħatru minn Marzu tal-2013.
Leg 12 PQ #5031 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – lista ta’ impjegati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4160, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta’ impjegati f’kull grad, imqassma skont kull dipartiment u/jew entità fid-dekasteru tiegħu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #5032 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Prodotti out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4161 u ċjoè jagħti lista dettaljata ta’: 1.mediċini (f’kull forma u/jew doża); 2.prodotti farmaċewtiċi (f’kull forma u/jew doża); 3. apparat mediku; u 4. disposables jew consumables li huma out of stock f’kull entità tas-saħħa fid-dekasteru tiegħu kif ukoll fl-ispiżċeriji tal-POYC? X’inhi r-raġuni li huma out of stock, kemm ilhom out of stock u meta se jerġgħu jkunu għad-dispożizzjoni tas-servizz tas-saħħa u tal-pazjenti?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #5264 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bejgħ jew kera ta’ postijiet storiċi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti d-dettalji u x-xogħol li sar s’issa fuq l-iskema tal-bejgħ jew kera ta’ proprjetajiet storiċi pubbliċi lill-privat? Jista’ jgħid meta se tkun imnedija din l-iskema?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpallant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda ħjiel dwar skemi ta’ din ix-xorta.

Meals on wheels – lista' ta' stennija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4962 u tgħid jekk hemmx lista ta’ stennija għall-meals on wheels? Jekk iva kemm hemm nies fuq il-lista ta’ stennija?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għall-mistoqsija Parlamentari 5092 f’seduta 66.

Il-Mosta – Qtil ta’ qtates

Question

B’referenza għall-qtates u klieb li nstabu msallba f’dawn l-aħħar sentejn fil-Mosta, ġie stabbilit jekk dawn l-annimali ssalbux waqt li kienu għadhom ħajjin? Jista’ jaċċerta li l-Pulizija qed jagħmlu minn kollox biex isolvu dan il-każ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Naċċerta lill-Onorevoli Membru illi l-Pulizija għaddejja b’investigazzjoni meħtiega sabiex isir magħruf kull minn hu involut f’dawn ir-reati u jitressaq quddiem il-Qorti skont il-ligi. Però ma nħossx illi f’dan l-istadju ta’ l-investigazzjoni għandu jingħata tagħrif aktar dettaljat.

Każijiet ta’ moħqrija fuq annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena 2000 sal-lum il-Pulizija kemm irċeviet rapporti jew ġiet mitluba tinvestiga jew investigat fuq inizjattiva tagħha, każijiet ta’ moħqrija fuq annimali? Kemm kienu l-każijiet li ssolvew u kemm minnhom tressqu l-Qorti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Anzjani – trasferiment ta’ social assistants

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk mill-elezzjoni ’l hawn ġewx trasferiti social assistants li kienu jaħdmu mad-Dipartiment tal-Anzjani? Jekk iva, tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn it-trasferimenti? Tista’ tgħid ukoll jew dawn talbux huma dan it-trasferiment?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #5358 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli — social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk minn Marzu 'l hawn telqux social workers mill-Isptar Monte Karmeli? Jekk iva, rreżenjaw? Dawn ġew trasferiti x'inkien ieħor?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #5371 Sitting 70 2013-11-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Lukandi li se jagħlqu għax-xitwa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' lukandi li avżaw li se jagħlqu matul il-perijodu tax-xitwa din is-sena fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kategorija ta' lukanda huma dawn il-lukandi li avżaw li se jagħlqu għal perijodu ta' żmien? Meta hu mistenni li jagħlqu dawn il-lukandi u meta hu mistenni li jerġgħu jiftħu mill-ġdid?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn total ta’ disgħa u tletin (39) lukanda, fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, se jkunu sitta (6) li avżaw lill-Awtoritá tat-Turiżmu li ser jagħlqu għal perjodu ta’ żmien. Dan huwa fost l-inqas numru fl-aħħar snin. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra aktar dettalji għall-informazzjoni mitluba.

Biċċeriji Awtorizzati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm biċċeriji awtorizzati biex joqtlu t-tjur f’Malta u Għawdex? Fejn jinsabu dawn il-biċċeriji?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm 4 biċċeriji approvati biex joqtlu t-tjur li jinsabu kollha Malta. Dawn qegħdin waħda fil-Qrendi, tnejn f’Burmarrad u waħda fis-Siġġiewi.