Peress li minkejja li fil-Qorti t’Għawdex perjodikament ikun hemm il-bżonn li jinħatru probation officers, peress li dan is-servizz ma jingħatax f’Għawdex, u peress li hemm persuni kwalifikati bħala probation officers, allura ma jaħsibx il-Prim Ministru li wasal iż-żmien li f’Għawdex ukoll ikollna dan is-servizz?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nissuġġerixxu lill-Onorevoli Interpellant biex jidderiġi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat , responsabbli mill-“Probation and Parol.
Il-Qawra – Triq is-Sajjied – rapporti ta’ atti kriminali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed tieħu l-Pulizija fuq rapporti ta’ atti kriminali li saru ripetutament fi Triq is-Sajjied, il-Qawra? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn minkejja dawn ir-rapporti, ir-residenti ta’ din it-triq qatt ma raw pulizija tant li spiċċaw jaqtgħu qalbhom mill-ġustizzja?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi il-Pulizija dejjem investigat u aġġixxiet fuq kull rapport li kellha, kemm dawk ta’ natura kriminali kif ukoll oħrajn, fi Triq is-Sajjied, il-Qawra. Jirriżulta ukoll illi l-pulizija tagħmel ronda b’mod regolari fl-istess triq.
Billi skont il-mistoqsija parlamentari 5369 jirriżulta li hemm sitt zebra crossings li ġew approvati minn Transport Malta, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, u li dawn iridu jinżebgħu mill-kunsill lokali nnifsu, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawn il-crossings inżebgħux? Fejn, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, jinsabu dawn il-crossings?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li ż-zebra crossings li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk fi:
¨ Triq San Pawl (ħdejn il-Kappella tal-Karmnu);
¨ Triq it-Turisti (ħdejn il-Bandli tal-Veċċ);
¨ Triq il-Qawra (bejn Triq il-Porzjunkula u Triq il-Frejgatina);
¨ Triq il-Qawra (bejn Triq ir-Rizzi u Triq l-Arzell); u
¨ oħra fi Triq il-Qawra.
Minn dawn saret waħda fi Triq il-Qawra, bejn Triq il-Porzjunkula u Triq il-Frejgatina. L-oħrajn ser isiru fil-futur.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5353, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-possibbiltajiet li qed jevalwa l-Gvern, preżentement, għal dak li jikkonċerna l-biċċeriji tal-fniek?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fiż-żmien qrib ħierġa espressjoni t'interess għall-iżvilupp u mmaniġġar ta’ biċċerija oħra għall-qatla tal-fniek u skont l-offerti li jiġu sottomessi tittieħed deċizjoni finali.
Billi qed jingħad li l-Gvern għandu l-ħsieb li jagħmel investiment sostanzjali għal dak li jikkonċerna l-biċċerija fil-Marsa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' investiment hu mistenni li jsir, matul is-sena d-dieħla fl-istess biċċerija? Minn fejn se jiġu l-finanzi għal dan ix-xogħol? Kemm mistenni li jiġi jiswa, meta se jinbeda, u meta se jitlesta x-xogħol?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol li hemm ipprogrammat li jitlesta s-sena d-dieħla fil-Biċċerija jikkonsisti f’ tiswija fis-soqfa u partijiet oħra tal-bini, immodernizzar taż-żoni fejn jiġu skarnati l-annimali (bleeding areas), immodernizzar ta’ makkinarju u mekkaniżmu li tmexxi l-linja ta’ produzzjoni, xogħol fuq is-sistema elettrika u xogħol fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma, msieħen u pajpijiet oħra tal-arja. Ninsab infurmat ukoll illi x-xogħol li jkun jista` jintlaħaq li jsir fis-sena 2014 huwa kkalkulat li jiswa s-somma ta’ €750,000 li ser titħallas minn fondi lokali. Dan ix-xogħol huwa parti minn programm itwal ta’ xogħol li għandu jitkompla fis-snin ta’ wara.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidliet għal dak li jikkonċerna għajnuna mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa, f'Malta u f'Għawdex? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm bdiewa li kellhom it-talbiet tagħhom approvati, u kemm minnhom għadhom ma ħadux dak li kien approvat lilhom? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm bidliet fl-ordni li biha kellhom jingħataw l-għajnuna l-istess bdiewa? Jekk iva, x'bidliet seħħew?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għal dak li jirrigwarda liema skemi ta’ għajnuna għall-bdiewa mill-Unjoni Ewropea u għal liema sena qed jirreferi.
Billi fid-diskors tal-budget qed jingħad li se jkun hemm bidla fil-mod kif titmexxa l-Pitkalija, u billi qed jingħad li hemm diskussjonijiet mal-privat dwar dan, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min mis-settur privat qed jiġi diskuss miegħu l-andament tat-tmexxija tal-Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-għaqdiet tal-bdiewa kenux ikkonsultati dwar din il-proposta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhux prassi li jingħataw dettalji dwar taħdidiet li jkunu għadhom għaddejjin mas-settur privat. Inżid ngħid li jien infurmat li d-diskussjonijiet u l-laqgħat qegħdin isiru ma’ kull stakeholder u ma’ kull min qed juri xi interess fir-riforma u t-tmexxija tal-Pitkalija. Ninsab infurmat ukoll li fil-futur qrib ser toħroġ sejħa għall-espressjoni t’ interess għal dan il-għan.
Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea — preparamenti
Question
Jista’d-Deputat Prim Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti għall-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea fl-2017 u fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir?
Response (GRECH, LOUIS)
Il-Preparamenti għall-presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropeja 2017 diġà bdew. Ix-xogħol li sar s’issa jikkonsisti f’laqgħat ma’ diversi Ministeri biex jiġi diskuss ix-xogħol li se jkunu involuti fih tul il-Presidenza Maltija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk twaqqfitx struttura li taħdem fuq il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017 u jekk iva, fiex tikkonsisti din l-istruttura (apparti l-Ministru u s-Segretarju Parlamentari nfushom)?
Response (GRECH, LOUIS)
L-istruttura formali li se taħdem fuq il-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja 2017 għadha ma twaqqfitx.
Presidenza tal-Unjoni Ewropea – proċess ta’ konsultazzjoni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni bi preparazzjoni għall-Presidenza? Jekk iva, fiex se jkun qed jikkonsisti?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li hemm il-ħsieb li jsiru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni bi preparazzjoni għall-Presidenza biex din tkun organizzata fuq bażi by-partisan kif imwiegħed fil-manifest elettorali. Dettalji dwar meta u fiex se jkunu jikkonsistu dawn il-laqgħat jingħataw fil-ħin opportun.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallas għat-tinda li ntramat fi Pjazza San Ġorġ u li minnha saret il-konferenza tal-aħbarijiet mill-Gvern hekk kif intemm id-diskors tal-Baġit nhar it-Tnejn 4 ta’ Novembru? Jista’ jgħid liema kumpanija pprovdiet din it-tinda u l-armar tagħha, u jekk ħarġitx sejħa għall-kwotazzjonijiet jew tender biex inxtara dan is-servizz?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kirja tal-billboards u l-posters li twaħħlu fuqhom li kellhom messaġġi marbutin mal-Baġit 2014? Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kumpanija pprovdiet din it-tinda u l-armar tagħha u jekk ħarġitx sejħa għall-kwotazzjonijiet jew tender biex inxtara dan is-servizz?
Diskors tal-Baġit 2014 — roħs fil-Kontijiet tad-dawl u ilma
Question
Peress li fid-diskors tal-Baġit tal-2014 f'paġna 15 qal li f'Marzu 2014 se titwettaq il-wegħda elettorali li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u ilma b'medja ta' 25% u 5% rispettivament għall-familji, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan it-tnaqqis hux se jingħata fl-1 ta' Jannar 2014 jew l-1 ta' Marzu 2014 jew inkella l-1 ta' April 2014?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern se jwettaq dak li wiegħed li f’Marzu 2014 se jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u f’Marzu 2015 għan-negozji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' konsumaturi domestiċi li jieħdu l-enerġija elettrika mill-Korporazzjoni Enemalta fl-aħħar tas-sena 2012 kif ukoll kemm minn dawn il-konsumaturi kienu fuq single phase u kemm kienu fuq three phase? Jista’ jgħid kemm kien il-valur tas-service charge kemm tas-single phase supply u tat-three phase supply fl-istess data indikata?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kulleġġi t'Għawdex — Higher Secondary Sir M.A. Refalo
Question
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex il-Higher Secondary ta' Għawdex Sir M.A. Refalo, minn din is-sena ġiet taħt il-kulleġġ ta' Għawdex meta skejjel simili f'Malta mhumiex taħt kulleġġi f'Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Għall-ko-ordinazzjoni aħjar tas-sistema edukattiva f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi restawrat embankment storiku tal-ferrovija li hemm wara l-lukanda Corinthia Palace f'Ħ'Attard peress li jinstab fi stat ta' detorjorazzjoni kbira?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minkejja li m’hemmx xogħol ta’ restawr ippjanat fuq l-imsemmi sit għas-sena 2014, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kultura u Kunsilli Lokali, b’kollaborazzjoni mal-Aġenziji responsabbli mir-Restawr u mal-Kunsilli Lokali għandu l- ħsieb li jfassal pjan ħolistiku ta’ prijoritajiet ta’ interventi ta’ restawr għas-snin li ġejjin.
Tista' l-Ministru tara li jsir manutenzjoni fir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li mill-aperturi jidħol ħafna ilma tax-xita bil-konsegwenza li l-aperturi tal-injam qed jiterrew?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f'seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4979, jista' l-Prim Ministru jirrispondi b'referenza għas-site plan li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-propjeta li tidher fuq is-site-plan li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament hija propjeta tal-Gvern. Id-dipartiment qiegħed jikkunsidra l-possibilità li jiddisponi minn din il-propjeta permezz ta’sejħa għall-offerti.
Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema rigward il-pensjoni tagħha?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntatjata personalment bit-telefon mis-sezzjoni kkonċernata dwar il-każ tagħha.