Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsamxett — sinjali ttat-traffiku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5460, jista' l-Ministru jara li allura jitneħħa l-periklu li hawn b'karozzi telgħin minn Triq il-Lanċa u ħerġin lejn Marsamxett u karozzi deħlin minn Marsamxett lejn Triq San Mark għax bħalissa m'hemmx minn fejn joħorġu l-vetturi lejn Marsamxett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li uffiċċjali minn Transport Malta għamlu spezzjoni fuq il-post u bħalma jsir dejjem jekk ikun il-każ jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi indirizzata din il-problema.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Gvern sponsorja l-konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? X’kien jinvolvi l-isponsorship?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li għandu hija waħda skorretta u li l-Gvern Malti ma għadda l-ebda sponsorship favur is-summit/konferenza msemmija.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — sponsorship

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min iddeċieda li l-Gvern Malti jisponsorja l-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? Meta saret tali deċiżjoni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġaladarba ma kienx hemm sponsor, ħadd ma seta' jiddeċiedi.

Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 – background checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’background checks saru dwar il-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? Min għamilhom? X’kien ir-riżultat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti kien mistieden jattendi għal din il-konferenza minn entità privata.

Akkademja tal-Pulizija — Director of Studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk hux minnu li se jkun hemm Director of Studies fi ħdan l-Akkademja tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat Permanenti fi hdan il-Ministeru għamel talba lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex tinħoloq vakanza fil-pożizzjoni ta’ Direttur li jkun ikopri, fost doveri oħra, l-istudji fi ħdan l-Akkademja tal-Pulizija, liema talba ġiet approvata. Issa jmiss li toħroġ is-sejħa permezz ta’ ċirkolari min-naħa tal-Uffiċju tal-Prim Ministru biex issir l-għażla.

Akkademja tal-Pulizija – Director of Studies – call for application

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm call for applications biex jintgħażel id-Director of Studies fl-Akkademja tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 5716.

Akkademja tal-Pulizija – Director of Studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Director of Studies il-ġdid hux se jkun impjegat full-time mal-Akkademja tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-pożizzjoni ta’ direttur li jkun responsabli, fost affarijiet oħra, tal-Akkademja tal-Pulizja, se tkun fuq bazi full-time.

Akkademja tal-Pulizija – Director of Studies – kuntratt ta’ ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ tad-Director of Studies il-ġdid tal-Akkademja tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Billi kif diġà spejgajt fi twegibiet preċedenti dan il-post għadu vakanti, m’inhix f’pożizzjoni li nagħmel dak mitlub mill-Onor.Interpellant.

San Pawl il-Baħar – bini ta’ triq ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar rapport li deher fuq The Times tal-4 ta’ Novembru 2013 b’rabta ma’ bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad San Pawl il-Baħar mal-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll minn fejn se tiġi ffinanzjata din it-triq jekk kemm-il darba ssir?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5641.
Leg 12 PQ #5722 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Foss tal-Imdina – dawl mitfi

Question

Jaf il-Ministru li parti sostanzjali mill-Foss tal-Imdina qiegħda tkun mitfija? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni wara dan?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura, li taħtu taqa’ r-responsabiltà tal-Foss tal-Imdina.
Leg 12 PQ #5723 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Tignè — Ġnien Bonello du Puis – ġnien mifti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ġnien Bonello du Puis, f’Tignè, qed jitħalla mitfi anke wara s-sitta ta’ filgħaxija?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema li l-ġnien li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant mhux qed jitħalla mitfi iżda bi żvista t-timers li jixgħelu d-dwal ma kienux aġġustati fil-ħin mill-electrician hekk kif daret is-siegħa. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema se jieħu ħsieb jirrimedja s-sitwazzjoni.

L-Imtarfa – triq ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx u jekk jafx hix deċiżjoni tiegħu li d-dawl qiegħed ikun mitfi f’parti sostanzjali fit-triq ta’ bejn iċ-ċimiterju tal-Imtarfa u r-roundabout tar-Rabat li tagħti għal Ħaż-Żebbuġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hi konxja li hemm problema bid-dawl fit-triq imsemmija. Id-dwal f’din it-triq ġie ċċekkjat u nvestigat diversi drabi minħabba li nstab li għandu difett intermittenti, fil-fatt kull meta daħal rapport, kemm internament kif ukoll mill-pubbliku, din it-triq ġiet mixgħula immedjatament mingħajr problem. Tlabt lil Transport Malta biex tinvestiga l-problema iktar fil-fond billi żżarma u tispezzjona kull parti mis-sistema bl-iskop li tinstab il-parti li qed tagħti l-problemi.
Leg 12 PQ #5725 Sitting 75 2013-11-08 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ġnien ta’ Pembroke – stat ta’ telqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni dwar l-istat ta’ telqa li jinsab fih il-ġnien ta’ Pembroke ta’ quddiem il-post li huwa indikat separatament?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Ġnien Pembroke għandu r-riżorsi kollha neċessarji għal tindif, sigurtà u manutenzjoni. Bħal kull post ieħor pubbliku l-ġnien hu espost għal vandaliżmu li però qegħdin jiġu ndirizzati mill-ewwel min-nies responsabbli.

L-Imtarfa – triq ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx u jekk jaf hijhex deċiżjoni tiegħu li d-dawl f’parti sostanzjali fit-triq ta’ bejn iċ-ċimiterju tal-Imtarfa u r-roundabout tar-Rabat li tagħti għal Ħaż-Żebbuġ qiegħed ikun mitfi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq li qed tirreferi għaliha taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta.

Global Residence Scheme – applikazzjonijiet proċessati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċieva u kemm ġew proċessati u milqugħa fil-Global Residence Scheme sa mit-tnedija ta’ din l-iskema?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li taħt il-Global Residence Programme ġja’ hemm tmien applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati. It-tnegħdija ta’ dan il-programm bdiet lejn l-aħħar ta’ Ġunju 2013, fejn aktar riżultati pożittivi huma mistennija fix-xhur ‘peak’ meta tinbiegħ il-proprjeta’ u meta jibdew il-fieri internazzjonali dwar ix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjeta’. Sadanittant, żewġ applikanti li kienu applikaw taħt il- High Net Worth Individuals – Non-EU/EEA/Swiss Nationals Rules , talbu lill-Kummissarju sabiex l-applikazzjoni tagħhom tiġi kkunsidrata li tkun saret taħt il- Global Residence Programme . F’dawn iż-żewg każijiet, il-Kummissarju ħareġ id-determinazzjoni bil-miktub skont il- Global Residence Programme.

Wiri tal-prezz ta’ oġġetti għall-bejgħ

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ ħwiebet u l-indirizz tagħhom li mhumiex eżentati mil-liġi u li jridu juru kemm-il prezz tal-prodott kif ukoll l-unit price?

Response (DALLI, HELENA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ħwienet, li mhumiex eżentati mil-liġi u li jridu juru kemm-il prezz tal-prodott kif ukoll l-unit price. Din il-lista inġabbret wara eżerċizzju li kien sar mill-Awtorità fil-bidu ta’ din is-sena u li qed tiġi aġġornata minn żmien għal żmien.