Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — sponsorship
Question
Jista’ l- Prim Ministru jgħid min iddeċieda li l-Gvern Malti jisponsorja l-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013? Meta saret tali deċiżjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se tkun żgurata trasparenza fid-deċiżjoni dwar min se jingħata prijorità għat-trattament tal-IVF?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li se tibda tingħata prijorita’ għall-iscreening tal-IVF minn tim li se jinkludi speċjalisti mill-Ġinekoloġija u Ostetriċja flimkien ma' ġinekologu irtirat indipendenti biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa u ekwità f'dan il-proċess. Dan se jiżgura li l-iscreening jipproċedi skont l-eliġibilità tal-pazjent mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrjun (EPA) skont il-protokoll u linji gwida tal-istess Awtorità. (Dan il-protokoll u linji gwida ġew stabbiliti fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati nhar it-Tlieta 22 t’Ottubru 2013)
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-parks nazzjonali jew reġjonali li għadhom qed jiġu amministrati mill-Gvern? F’dawn il-parks, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bidliet dwar il-mod kif jitmexxew? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhuma l-bidliet li mistennija jidħlu fis-seħħ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-parks nazzjonali amministrati mil-Ministeru tiegħi huma: Ta' Qali National Park, Salina National Park, Buskett Woodlands, Buġibba Water Park, Majjistral Park, Marsascala Family Park, Xrobb l-Għaġin Park u Foresta 2000.
L-aħħar tnejn huma amministrati flimkien ma NGO’s filwaqt li t-tnejn ta’ qabilhom huma amministrati minn bord maħtur għal tal-apposta.
Għalkemm xejn mhu eskluż, fil-preżent m’hemm l-ebda pjan biex ikun hemm tibdil kif dawn jitmexxew.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ veterinarji li jaħdmu mal-Ministeru? Jista’ jagħti tagħrif dwar liema huma l-oqsma ta’ speċjalizzazzjoni li fihom huma mħarrġa dawn l-istess veterinarji?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent hemm 26 uffiċjali li għandhom il-professjoni ta’ veterinarji fi ħdan id-Dipartiment Veterinary and Animal Welfare. Dawn il-veterinarji huma mħarrġa f’attivitajiet regolatorji li jinkludu spezzjoni tal-karkassi u prodotti, spezzjoni tal-annimali, spezzjoni ta’ iġene u bio sigurta’ fuq l-irziezet, attivitajiet ta’ kummerċ bejn l-istati membri fi prodotti ta’ oriġini annimali u annimali ħajjin, importazzjoni u esportazzjoni ta’ prodotti ta’ oriġini annimali u annimali ħajjin lejn pajjiżi terzi, testijiet fil-laboratorju fuq kampjuni differenti li jwasslu għall-analiżi u kundizzjonijiet ta’ annimali singoli jew merħliet, identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-annimali differenti u trattament xieraq tal-annimali.
kunsilli lokali – 7 u 12-il distrett – bidliet aċċettati minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bidliet, proposti mill-Kunsilli Lokali tas-7 u 12-il distrett elettorali, kif imressqa lill-Transport Malta, li ġew aċċettati minn Transport Malta? Meta hu mistenni li dawn il-bidliet jidħlu fis-seħħ?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellantt sabiex ikun iktar ċar fil-mistoqsija tiegħu u jispeċifika għal xhiex qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed isir il-ħlas mill-passiġġieri li minflok il-karozzi pprovduti mill-Arriva, qed jagħmlu użu mill-karozzi provduti mill-Unscheduled Bus Service? Kif qed isir il-punching tal-biljetti fuq dawn il-vetturi, peress li m'għandhomx ticketing machines?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt illi l-coaches tal-Unscheduled Bus Service qed jintużaw fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku bħala miżura temporanja, dawn il-vetturi mhumiex mgħammra b’ticketing machines. Għaldaqstant, kif ġie mħabbar mill-operatur tat-trasport fuq il-mezzi tax-xandir, ix-xufiera ta’ dawn il-vetturi mhux ser ikunu qed ibiegħu biljetti u għalhekk il-passiġġieri għandhom jixtru l-biljetti minn ticketing machines li jinstabu f’vened madwar Malta, mingħand l-aġenti tal-Arriva Malta Limited u mingħand it-ticket sellers tal-Arriva.
Infurmat ukoll illi fuq il-biljetti normali li jintużaw fuq vetturi tal-Arriva Malta Limited ma’ jsirx punching. Dan bl-eċċezzjoni tas-Saver Card liema card tiġi skenjata fuq apparat apposta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li l-kunsilli lokali qed jirreġistraw il-korrispondenza kollha li jkun hemm, kemm korrispondenza minn awtoritajiet governattivi, kif ukoll minn persuni privati? Kull kemm żmien qed ikun hemm xi forma ta' spezzjoni biex jiġi assigurat li din ir-reġistrazzjoni qiegħda sseħħ? X'passi jittieħdu kontra min ma jagħmilx tali reġistrazzjoni? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet fejn inqabdu impjegati li ma rreġistrawx kull korrispondenza li daħlet? X'passi ttieħdu?
Response (VELLA, KARMENU)
Kif jaf ben sewwa l-Onor. Interpellant, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali huwa l-Kap Amministrattiv tal-Kunsill u allura għandu jassigura li ssir tali reġistrazzjoni. Fl-eventwalità li s-Segretarju Eżekuttiv isib xi problema dwar dan, huwa obbligat bħala Uffiċċjal Pubbliku, li jirrapporta minnufih lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Sa issa ma jirriżultalix li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qatt kellu xi rapport dwar dan, la mingħand Segretarji Eżekuttivi, la minn Membri ta’ Kunsilli Lokali u lanqas mill-pubbliku.
F’dan id-dawl nappella lill-Onor. Interpellant sabiex, jekk huwa konxju ta’ xi każ partikolari, nistiednu jagħti l-informazzjoni li għandu lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jew inkella lili sabiex ngħaddieha lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, għall-investigazzjoni tiegħu.
San Pawl il-Baħar – kunsill lokali — trażmissjoni ta’ laqgħat
Question
Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li t-trażmissjoni tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qiegħda verament issir, għaliex meta ppruvajt nisma’ l-laqgħa tat-23 ta' Ottubru ma rnexxilix nagħmel dan? Jista' jassigura li l-laqgħat qegħdin fil-fatt jiġu trażmessi?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li t-trażmissjoni tal-laqgħat kellhom jieqfu wara li nqalgħu xi problemi tekniċi relatati mas-sound. Intant jien infurmat ukoll li għaddej dak kollu li hu meħtieġ sabiex tinstab il-problema u l-aħjar soluzzjoni għaliha. L-Onor. Interpellant jifhem u jappreza li tali problemi tekniċi jistgħu jinqalgħu f’kull mezz ta’ komunikazzjoni u teknoloġija u għaldaqstant jifhem wkoll li ħadd, la l-Kunsill Lokali u wisq anqas il-Ministeru, is-Segretarjat Parlamentari jew id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, ma jista’ jkollu xi forma ta’ kontrol fuq il-problemi tekniċi li jistgħu jinqalgħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn asthmatics f’Malta u Għawdex? Kemm ġew irreġistrati każijiet ġodda tul dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm ikun hemm każijiet ġodda kull sena?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li f’Malta ma jeżistix reġistru tal-asthma minħabba d-diffikultà biex tinġabar informazzjoni sħiħa dwar il-prevalenza ta’ din il-marda, ġaladarba ħafna minn dawn il-pazjenti jieħdu l-kura neċessarja mingħand it-tabib tal-familja tagħhom.
L-aħjar sors ta’ informazzjoni dwar din il-marda (f’dawk li għandhom 15-il sena u ‘l fuq) li għandu d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka huwa stħarriġ Ewropew li jsir darba kull ħames snin fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni adulta ta’ Malta. L-aħħar stħarriġ sar fil-2008 u dak ta’ qablu fl-2002. Il-figuri murija li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra jikkonċernaw l-ażżma u li nġabru fl-iStħarrig Nazzjonali dwar is-Saħħa tas-sena 2002 u 2008.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jieqaf il-passive smoking? Hemm il-ħsieb li jiġu protetti tfal taħt l-età li qed jiġu esposti għall-passive smoking fid-djar tal-ġenituri tagħhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għall- Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard jipprovdi informazzjoni u edukazjoni rigward id-dipendenza fuq it-tabakk skond il-Pjan Nazzjonali Kontra l-Kancer u l-iStrateġija kontra l-Mard kroniku mħux Infettiv. Dan jinkludi pariri ta’ kif wieħed għandu jevita t-tipjip indirett, biex persuna ma jibdiex ipejjep u kif wieħed jistgħa jieqaf mit-tipjip. Isiru klassijiet ta għajnuna fiċ-ċentri tas-saħħa biex wieħed jieqaf jpejjep. Izjed ma jnaqqsu l-prevalenza tat-tipjip, iżjed jinqos l-esposizzjoni għall-tipjip indirett.
Barra minn ħekk isiru ukoll taħdidiet lill-nisa tqal dwar l-importanza li wieħed ma jpejjipx waqt it-tqala u fid dar la darba jkun hemm it-tfal. Isiru inizjattivi ukoll mat-tfal fl-iskejjel biex jkunu ħuma stess li jinkoragixxu lil-genituri biex ma jpejpux fejnhom u biex saħansitra jieqfu.
Diġà hemm leġiżlazzjoni dwar it –tipjip f’postijiet publiċi u
playing fields
. Bis-saħħa ta dawn il-ligijiet hemm protezzjoni għall-dawk in-nies li ma jpejpux biex ma jigux esposti għall-tipjip passiv.
Il-ħsieb huwa li titkompla tissaħħaħ din il-ħidma għall-protezzjoni mit-tipjip passiv.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-perijodu 2008 sa Frar 2013, rigward l-użu ta’ credit cards mill-Ministri, xahar b’xahar, għall-pagamenti u/jew spejjeż li ġew rikorruti? X’kienu l-ammonti li ġew rikorruti? X’kienu l-ammonti li ġew imħallsa u x’inhuma r-raġunijiet/spjegazzjonijiet għal dawn l-ispejjeż?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jinħadem l-isplit shift tal-ispetturi tal-Pulizija fid-distretti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat li fost l-Ispetturi stazzjonati fid-Distrett hemm roster li fih Spettur jaħdem split shift meta jmissu, u ċjoè mill-5.00pm sad-9.00pm. Wara d-9.00pm id-Distretti jkollhom ukoll is-servizz ta’ Spettur li jkun fl-Għases fuq bażi ta’ Distrett. B’dan il-mod, il-Korp iħoss li qed jagħti servizz aħjar. Din il-proċedura ma tiġix applikata meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu mod ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-popolazzjoni tal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin sal-jum li tkun imwieġba din l-interpellanza? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm kienu qed iservu sentenza effettiva ta' priġunerija u kemm kienu taħt arrest preventiv?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa nhar Ħamis 7 ta’ Novembru 2013 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien hemm total ta’ 622 priġunier imqasmin kif ġej:
Nisa: 30 ssentenzjati u 12 detenuti.
Irġiel: 429 ssentenzjati u 151 detenuti.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm priġunieri tal-Ħabs Ċivili, inqabdu jagħmlu użu mhux awtorizzat minn mobile phone mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-11 ta’ Novembru ta’ din is-sena inqabdu 26 mobile phone mhux awtorizzat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kif ġej:
Jannar 2
Frar 1
Marzu 9
April 2
Mejju 2
Ġunju 1
Lulju 4
Awwissu xejn
Settembru 1
Ottubru 3
Novembru 1 (sal-11 tax-xahar)
Jista' l-Ministru għall-Intern jgħid x'kienet l-average population tal-ħabs kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2012?
Response (MALLIA, EMANUEL)
L-average population fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin full sena mis-sena 2008 sas-sena 2012 kienet kif ġej:
Sena
Average population
2008
423
2009
492
2010
582
2011
591
2012
596
Dipartiment tal-Probation u l-Parole — Ordnijiet ta' Superviżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni taħt diversi ordnijiet ta' superviżjoni li qegħdin jiġu segwiti minn uffiċjali tal-probation fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole? Kemm minn dawn huma taħt ordni tal-probation? Kemm minn dawn huma taħt sentenza sospiża bis-superviżjoni? Kemm minn dawn huma taħt Ordni ta' Superviżjoni Proviżorja?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar statistika li għandu d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, li tkopri sat-30 ta’ Settembru 2013 tidika li l-każijiet li qed jiġu segwiti mill-Uffiċjali tal-Probation huma kif ġej:
1.
Probation Orders
– 609 każijiet
2. Suspended Sentence Supervision Orders – 111 każijiet
3. Provisional Orders of Supervision – 67 każijiet
Total – 787 każijiet
Ta’ min jirrimarka li minbarra l-ka¿ijiet imsemmija hawn fuq, hemm diversi każijiet oħra li qed jiġu segwiti mill-uffiċjali tal-Probation, li huma:
4. Community Service Orders – 10
5. Combination Orders - 35
6. Rapporti tal-Parole Officers għall-Parole Board – 28
7. Superviżjoni ta’ Parolees – 2
8. Pre-Sentencing/Social Inquiry Reports – 37
9. Rapporti mill-Victim Support Officers għall-Parole Board – 9
Dan ifisser li t-total ta’ każijiet li sal-aħħar ta’ Settembru 2013 kienu qed jiġu segwiti mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole kienu jammontaw għal 908.