Legislature:
Category:
Reset
Active:

Appuntament mas-CDAU – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed tistenna appuntament mas-CDAU?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru għas-Saħħa.

Problema ta’ housing – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettlaji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema ta’ housing?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata mill-Customer Care. Din tixtieq tapplika għall-akkomodazzjoni alternattiva għalhekk intbagħtitilha applikazzjoni u għandha tissottomettiha mill-aktar fis possibbli.
Leg 12 PQ #5995 Sitting 84 2013-11-15 Oral · Final From: BEPPE FENECH ADAMI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delegazzjoni Maltija fi New York — spejjeż

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5417 u 4917 u jgħid minn min kienet komposta d-delegazzjoni Maltija li akkumpanjatu fi New York għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2013? Jista' jgħid kemm kienet l-ispijża tal-flights tiegħu u tad-delegazzjoni kollha li akkumpanjatu? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża tal-akkomodazzjoni tiegħu u tad-delegazzjoni kollha li akkumpanjatu u fejn kienu alloġġjati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Id-delegazzjoni li akkumpanjanti waqt l-impenji fi New York għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda bejn it-Tnejn 23 u l-Gimgħa 27 ta’ Settembru, kienet magħmula mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, mill-Onor Chris Agius, mic-chief of staff tas-Segretarjat Privat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, s-sur Keith Schembri, minn Matthew Carbone, Johann Grech u Ritienne Cassar, mis-Segretarjat Privat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mis-sur Leonard Sacco, chief of Staff tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Fuq stedinit li saru kemm mill-uffiċċju tal-President tal-iStati Uniti u kif ukoll mill-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, akkumpanjanti wkoll il-mara tiegħi, kif ġara fi snin oħra. L-ispiża tal-flights kienet ta’ €28,941. Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà ma jistgħux jingħataw dettalji dwar fejn kienet alloġjata d-delegazzjoni. Din izda kienet l-istess lukanda li sar uzu minnha minn Prim Ministri Maltin oħra fl-aħħar snin. L-ispejjeż relatati mal-lukanda kienu ta’ $28,818.

Korp tal-Pulizija — Taqsima tat-traffiku – ilbies protettiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5430 peress li l-mistoqsija parlamentari 4340 li rreferini għaliha titkellem fuq maskri tal-imnifsejn u mhux fuq ilbies prottettiv?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maskri tal-imnifsejn huma ukoll ilbies prottettiv.

Awtorita' ta' Malta għar-Riżorsi – proposti dokumentati

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' liema organizzazzjonijiet jew awtoritajiet, l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi ltaqgħet qabel ma ħarġet il-proposti tagħha fid-dokument imsejjaħ "Reform of the LPG Market Structure - Door to Door Distribution and Retail of LPG Cylinders"? Jista' jgħid kemm kien hemm laqgħat f'kull każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi iltaqgħet diversi drabi b’mod informali ma’ numru ta’ entitajiet jew rappreżentanti tagħhom fosthom: · Rappreżentanti tad-distributuri tal-gass/GRTU · Rappreżentanti tad-distributuri tal-gass/Dedicated · Operaturi fis-suq tal-LPG · MSDC · State Aid Monitoring Board · Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma

MRA – Reform of the LPG Market Structure — ċilindri tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont il-proposti maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi msejħa Reform of the LPG Market Structure – Door to Door distribution and retail of LPG Cylinders, il-konsumaturi humiex se jkollhom id-dritt li jagħżlu ċ-ċilindri tal-gass mingħand id-distributur tal-għażla tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposti qegħdin għal konsultazzjoni pubblika. Wara l-konsultazzjoni l-pożizzjoni tal-MRA tiġi ppubblikata. Is-servizz lill-konsumatur huwa prijorità.

MRA – Distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema se jkunu l-benefiċċji li se jiggwadanjaw il-konsumaturi bil-proposta maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi rigward id-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-proposti tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi – Public Consultation – Reform of the LPG Market Structure – The Door to Door Distribution and Retail of LPG Cylinders. Kopja ta’ din il-konsultazzjoni pubblika qegħdha fuq il- website tal-Awtorità. Il-proposta tal-Awtorità telenka fid-dettall il-benefiċċji għall-konsumatur.

MRA – importazzjoni u bejgħ tal-LPG

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi għamlitx anali¿i ekonomika tas-suq tal-importazzjoni u bejgħ tal-LPG u tas-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass tal-LPG? Jekk tali analiżi saret, tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi għamlet l-analiżi ekonomika msemmija. Wara li tispiċċa l-konsultazzjoni pubblika, il-pożizzjoni dettaljata tal-MRA titpoġġa fuq il-website tal-Awtorità.

Residenza San Vinċenz de Paul – ħlas lill-membri tal-kumitat tat-tmexxija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu l-membri tal-kumitat tat-tmexxija li twaqqaf għar-Residenza San Vinċenz de Paul? X’perkaċċi u allowances għandhom kull wieħed mill-persuni maħtura fuq dan il-kumitat?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paul — audit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-audit li kellu jsir fir-Residenza San Vinċenz de Paul sarx?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audit li kellu jsir fir-Residenza San Vinċenz de Paul sar.

Residenza San Vinċenz de Paul — trained carers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew trained carers minn Marzu 2013 sal-lum fil-kors li jsir fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kors li beda f’Marzu li għadda spiċċa f’Ġunju u tterminawh b’suċċess 38 persuna. Bħalissa għaddej kors ieħor li beda f’Settembru 2013 u hemm 48 student/a. Dan il-kors jiġi fi tmiemu f’Diċembru 2013.

Sptar Ġenerali t’Gġawdex – tenders u direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm: a) ħarġu tenders u b) sar xiri b’direct order għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’dawn l-aħħar sitt xhur? Jista’ jindika għalxiex ħarġu dawn it-tenders/direct orders u kemm kienu l-ammonti ta’ kull waħda?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Community Service Orders u/jew Combination Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew segwiti persuni taħt sentenza ta' Community Service Orders u/jew Combination Orders sena b'sena minn meta ġiet introdotta din is-sezzjoni fis-sena 2003?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2003 ma’ kien hemm l-ebda każ. Matul sena 2004 kien hemm 6 każi ta’ Combination Order u 3 każi ta’ Community Service Order. Sena 2005 ma’ kien hemm l-ebda każ ta’ Combination Order u 5 każi ta’ Community Service Order Sena 2006 ma’ kien hemm l-ebda każ ta’ Combination Order u 3 każi ta’ Community Service Order Matul is-sena 2007 kien hemm 2 każi ta’ Combination Order u każ wieħed ta’ Community Service Order Sena 2008 kien hemm 6 każi ta’ Combination Order u żewġ każi ta’ Community Service Order Fis-sena 2009, ma’ kien hemm l-ebda każ ta’ Combination Order u 3 każi ta’ Community Service Order Matul is-sena 2010 kien hemm tmien każi ta’ Combination Order u seba’ każi ta’ Community Servce Order Sena 2011, tmien każi ta Combination Order u erba’ każi ta’ Community Service Order Sena 2012, ħdax il-każ ta Combination Order u seba’ każi ta’ Community Service Order Matul din is-sena 2013, sa l-aħħar ta’ Ottubru saru tmintax il-każ ta’ Combination Order u sit każi ta’ Community Service Order

Breathalyser tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna saritilha l-breathalyser test fis-sena 2011, 2012 u 2013? Kemm minn dawn is-sewwieqa kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom irri¿ultaw li kienu qab¿u l-limitu ta' alkoħol stabbilit mil-Liġi?

Response (MALLIA, EMANUEL)

2011 2012 2013* Numru ta’ persuni li fuqhom sar breathalyzer test Irgiel 173 109 76 Nisa 11 12 7 Perusni li qabzu l-limitu permess mil-ligi 106 70 53 * sal-aħħar ta’ Ottubru

Korp tal-Pulizija – membri re-instated

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew re-instated Pulizija mit-12 ta’ Marzu 2013 ’l hawn? F'liema grad huma dawn il-Pulizija? Kemm minn dawn il-Pulizija re-instated kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi mit-12 ta’ Marzu sal-llum, kien hemm 23 membru tal-Korp tal-Pulizija li ġew re-instated, f’dawn il-gradi - Supretendenti 1; Surġent Maġġur 1; Surġenti 5; Kuntistabbli 16 Minn dawn 19 huma rġiel u 4 huma nisa

Ħabsin – kura għall-vizzju tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm hemm persuni fil-ħabs ta' Kordin li kienu qed jistennew biex imorru l-programm għall-kura mill-vizzju tad-droga fl-1 ta’ Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Fl-1 ta’ Ġunju 2013 kien hemm 34 applikazzjoni minn priġunieri sabiex isegwu l-programm għall-kura ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sezzjoni YOURS — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex is-sezzjoni tal-YOURS tkun rilokata minn Kordin?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 2382 li ġiet mistoqsa minnu stess.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #4608 Sitting 83 2013-11-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għall-Finanzi, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.