Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-management accounts tal-Awtorità tad-Djar l-aktar riċenti għal din is-sena?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kopja tal-management accounts tal-Awtorità tad-Djar l-aktar riċenti għal din is-sena qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tiċċara jekk l-allokazzjoni finanzjarja li ġiet allokata għal din is-sena lill-Awtorità ghad-Djar hux se tkun biżżejjed sabiex jitħallas fuq accrual basis l-operat kollu ta' din l-entità għal din is-sena?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. interpellant illi Awtorità tad-Djar qiegħda taħdem fil-qafas tal-estimi ppreżentati f’Ġunju li għadda u li ġew approvati mill-Parlament. Għalhekk huwa mistenni li l-Awtorità sa jkollha żbilanċ (accruals basis) ta’ madwar ħames miljun ewro.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk waqqfitx jew hijiex fil-proċess li twaqqaf task force fuq il-fostering? Jekk iva, min huma l-persuni li se jkunu fuq dan it-task force u xi kwalifiki għandhom biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet ta’ daqstant sensittività?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-task force twaqqfet u dawn huma il-membri fuq dan it-Task Force;
Joe Gerada ( Chairperson)
Angela Abela
Roberta Attard
Jason Zerafa
Daniela Zerafa
Olivia galea Seychell
Manuel Seguna
John Camilleri
Veronica Deguara (Segretarja)
Il-persuni mghazula huma professjonisti u nies ta’ esperjenza fil-qasam.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4957 u tgħid kemm saru transfers għad-day u mid-day centres tal-anzjani minn wara l-elezzjoni 'l hawn? X’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem li nħariġlu transfer? Fejn intbagħat kull ħaddiem trasferit?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Residenza San Vinċenz de Paul — Entertainment Section - overtime
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4959, tista’ l-Ministru tgħid kemm sar overtime xahar b’xahar minn kull ħaddiem fl-Active Ageing Section (dik li qabel kienet l-Entertainment Section) tar-Residenza San Vinċenz de Paul mill-elezzjoni ’l hawn? X’inhu l-grad ta’ kull impjegat li għamel l-overtime?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tal-Anzjani – trasferiment ta’ social assistants
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk mill-elezzjoni ’l hawn ġewx trasferiti social assistants li kienu jaħdmu mad-Dipartiment tal-Anzjani? Jekk iva, tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn it-trasferimenti? Tista’ tgħid ukoll jew dawn talbux huma dan it-trasferiment?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward artijiet li fuqhom hemm mibnija d-djar mogħtija mill-Awtorità tad-Djar u li għadhom fuq konvenju mas-sidien oriġinali, tista’ l-Ministru tgħid fejn jinsabu dawn l-artijiet, meta u kif hemm il-ħsieb li jinxtraw mingħand is-sidien oriġinali?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tal-artijiet li fuqhom hemm mibnija d-djar mogħtija mill-Awtorità tad-Djar u li għadhom fuq konvenju mas-sidien oriġinali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-bankini li ġew estiżi mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar matul din is-sena? Fejn jinsabu u, f’kull każ, kemm kienet l-ispiża involuta? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm bankini ġew mogħtija wiċċ tal-konkos matul din is-sena u fejn jinsabu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li kien hemm bankina waħda li sar ix-xogħol fuqha. Din tinsab bejn Triq it-Turisti u Triq il-Maskli u swiet €2,411.03.
Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Strateġija u Policy għat-Tfal
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5144, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu r-rwol tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Strateġija u Policy għat-Tfal? Meta twaqqfet għall-ewwel darba din il-Kummissjoni Nazzjonali? X’inhuma terms of reference ta’ din il-Kummissjoni nazzjonali? X’ miri ġiet mitluba tilħaq din il-Kummissjoni nazzjonali u sa meta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5144, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li l-Bord ta’ Skema Kiri tal-Awtorità tad-Djar ma reġax ġie rikostitwit?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-fażi ta’ meta l-Bord ta’ Skema Kiri ġie maħtur biex jevalwa l-kirjiet u l-postijiet tal-postijiet offruti mis-sidien lill-Awtorità tad-Djar taħt Skema Kiri kien komplet. Issa qiegħdin fil-fażi fejn l-applikazzjonijiet li diġà ġew evalwati qiegħdin jiġu proċessati u għalhekk f’dan l-istadju m’hemmx għalfejn li l-Bord jerġa' jiġi rikostitwit.
Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità u anzjanità attiva – ingaġġ ta’ persuni
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 5129 u tagħti lista aġġornata ta’ persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’diżabilità u anzjanità attiva? Kemm minnhom ma kinux jaħdmu fis-settur pubbliku qabel ġew ingaġġati fis-segretarjat?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Informata li tmienja minnhom ma kinux jaħdmu fis-settur pubbliku.
B'referenza għal diversi billboards li terzi persuni għandhom armati f'diversi siti li huma proprjetà ta' Transport Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn is-siti ingħatawx b'direct order jew inkella ħarġux b'tender? Meta nħarġet id-direct order/tender? Min ħa t-tender/direct order? Għal kemm hu validu dan id-direct order/tender? Kemm qed iħallas għal kull sit? Dawn il-billboards huma koperti mill-permessi neċessarji tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Dawn il-billboards huma armati skont ir-regolamenti ta' Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema billboards/siti qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru illi bażi ta' gantry sign int u dieħel l-ajruport qiegħda tintuża minn terzi biex jitwaħħlu billboards kummerċjali magħha? Dan il-billboard kummerċjali, li qiegħed f'art ta’ Transport Malta għandu l-permessi neċessarji ta' Transport Malta u tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Kif ingħatat l-art fejn qiegħed dan il-billboard, b'direct order jew b'tender? X'passi se jittieħdu minn Transport Malta biex dan il-billboard jinqala’ minn fejn hu u terġa’ teħel il-gantry sign minflokha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-billboard li qed jirreferi għaliha hija waħda llegali u li Transport Malta diġà ħadet il-passi neċessarji sabiex din titneħħa.
Fid-dawl illi l-Ministru ġie rrappurtat li qal li għandu plan B jekk l-Arriva tiddeċiedi - jew tiġi kostretta - li titlaq, jista’ l-Ministru jikkonferma illi dan il-pjan jinkludi garanzija għall-impjegati kollha tal-Arriva illi mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom u li l-vetturi li se jintużaw fil-plan B huma kollha low floor, huma armati bl-arja kondizzjonata, huma aċċessibbli għal persuni b’diżabilità u huma armati b’magni Euro 5? Jista’ jgħid jekk dan il-pjan ġiex diskuss fil-Kabinett diġà u jekk tfassalx bl-għajnuna tal-esperti fi ħdan Transport Malta? Jista’ jikkonferma jekk sarux xi commitments ma’ entitajiet privati dwar l-allegat plan B?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijorità ewlenija tal-Gvern hija li jiġi żgurat li s-servizz tat-trasport pubbliku jkompli jopera b'mod effiċjenti kemm jista' jkun bl-inqas interruzzjonijiet possibbli. Sadanittant ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati mal-Arriva għadhom għaddejjin u jinsabu f’mument delikat ħafna.
Peress illi l-Ministru qal illi l-feedback li kellu għas-sejħa għal suġġerimenti jew kummenti fuq is-servizz tal-Arriva kien jammonta għal xi 3,500 kumment/suġġeriment/ilment, u peress illi huwa stmat li ’l fuq minn 60,000 passiġġier juża s-servizz tal-Arriva kuljum, u li allura n-numru ta’ nies li għamlu suġġeriment jew kumment jew ilment jammonta biss għal madwar 6% tal-passiġġieri ta’ ġurnata waħda biss, ma jaħsibx il-Ministru illi dan il-persentaġġ hekk baxx jiġġustifikax l-impressjoni illi jipprova jagħti l-Ministru illi s-servizz tal-Arriva (qabel ma l-Ministru ddeċieda li jissospendi l-użu tal-articulated buses) kien diżastru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni li saret mill-Ministeru tiegħi kienet bil-wisq aktar miftuħa u effettiva minn dik li allegatament saret mill-amministrazzjoni preċedenti, u aħna nqisu li din hija rappreżentattiva biżżejjed għall-bidliet li qed jiġu ikkunsidrati fin-network u fis-servizz. Barra minn hekk, il-bidliet kollha ġew diskussi mal-Kunsilli Lokali bħala rappreżentanti tal-lokalitajiet rispettivi.
B’referenza għal dak li kien mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari 4617 u 4618, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji bażiċi tal-kuntratti (dettalji personali, ħlief l-ismijiet, jistgħu jitneħħew) li għandhom peress illi l-poplu Malti għandu d-dritt ikun jaf kif qed jintużaw it-taxxi li ħallas? Fir-rigward ta’ mistoqsija parlamentari 4617 jista’ l-Ministru jikkonferma l-ismijiet tal-impjegati li l-kuntratt tagħhom ġie estiż jew ġie mibdul, u b’liema mod ġie estiż jew mibdul?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalma kienet il-prassi tal-amministrazzjoni preċedenti, ċertu informazzjoni li titqies bħala kummerċjalment sensittiva jew b’xi mod tmur kontra l-privatezza tal-individwu, ma jkunx prudenti li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta’ mistoqsija parlamentari 4617, ma kien hemm l-ebda impjegati fi ħdan Transport Malta li l-kuntratt tagħhom ġie estiż jew mibdul.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 4618, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-konsulenti – li fosthom hemm id-ditta ta’ avukati tal-persuni li isimhom qiegħed jintbagħat separatment, li wieħed minnhom huwa wkoll il-konsulent legali tas-sidien tal-minibuses (u allura se jkollu kunflitt ta' interess) - intgħażlux wara sejħa pubblika jew inkella hux b'direct order? Jekk b'direct order, x' kienet ir-raġuni li din il-konsulenza ngħatat b'direct order? Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiswew fis-sena lil Transport Malta s-servizzi ta' dawn il-konsulenzi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti legali msemmija minnu ġew ngaġġati direttament minn Transport Malta sabiex jipprovdu konsulenza legali fuq diversi kwistjonijiet varji.
Ma narax li hemm każ ta’ kunflitt t’interess minħabba li l-konsulent legali kkonċernat mhux qed jaħdem fuq każijiet li jikkonċernaw il-minibuses.
Mhux opportun li tingħata informazzjoni rigward remunarazzjoni ta’ dawn il-konsulenti minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.
Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013 — konsulenti
Question
Jista’ l- Prim Ministru jgħid x’kien l-involviment tal-Gvern Malti (u l-konsulenti tiegħu, inkluż ex-konsulenti) fl-organizzazzjoni tal-Konferenza Italy and Malta Oil and Gas Summit 2013?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nistieden lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.