Uffiċċju tal-Prim Ministru — kuntratti b'direct order
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 182 u jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, id-dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li huma fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu l-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu s-Supritendent fil-Korp tal-Pulizija li fil-jum li fih qed issir din l-interpellanza hu responsabbli mill-Administrative Law Enforcement (ALE) u s-Sezzjoni tat-Traffiku?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi is-Supretendent Marco Mallia hu responsabbli għat-Taqsimiet tal-Administrative Law Enforcement u tat-Traffiku mid-data li ġiet mistoqsa din il-mistoqsija, sal-lum.
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu illi diversi pensjonanti qed jintalbu biex imorru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista in konnessjoni mal-pensjoni tal-pensjoni li kienu tilfu meta kienu jaħdmu lura fl-1979? Jekk dan huwa minnu, tista’ l-Ministru tindika x’inhuma jintlabu sabiex ikunu intitolati jieħdu s-somma?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirrizultalix dak li qed jistaqsi.
Jista' l-Ministru jiddikjara x'inhi l-pożizzjoni ta' third country national li ilu ħames snin jirrisjedi u jaħdem legalment f'Malta? Dan għandu dritt li jingħata permess ta' residenza għal ħames snin oħra, liema permess jinkorpora fih id-dritt li jaħdem? Kemm kienu t-third country nationals xahar b'xahar fl-aħħar 24 xahar li kienu ilhom ħames snin jirrisjedu u jaħdmu f'Malta u li applikaw għall-permess ta' residenza ta' ħames snin? Kemm minnhom ingħatalhom dan il-permess? Kemm minnhom ma ngħatalhomx? Minn liema pajjiż kienu ġejjin?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – konsulenti legali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva –konsulenti legali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Postijiet tal-Gvern – tneħħija ta’ ordni ta’ rekwiżizzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tispjega s-sitwazzjoni u l-provedimenti li l-Gvern se jadotta rigward postijiet li tneħħielhom l-ordni ta’ rekwiżizzjoni u li issa ġew derikwiżizzjonati, f`każijiet fejn is-sidien ta’ dawn il-postijiet qed jitolbu lill-inkwilini biex joħorgu minn hemm meta l-istess inkwilini kellhom titolu validu skont il-liġi li jibqgħu hemm u l-ebda liġi ta’ derekwiżizzjoni ma tista’ timponi retroattività? Xi protezzjoni qed joffri l-istat għal din is-sitwazzjoni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta l-Awtorità tad-Djar tirtira ordni ta’ rekwiżizzizjoni permezz ta’ ordni ta’ de-rekwiżizzjoni tibqa tapplika bejn l-okkupant u is-sid ir-relazzjoni ġuridika li tkun żviluppat bejniethom tul iz-żmien. Għalhekk jekk bejn il-partijiet ikun inħoloq kuntratt ta’ kiri allura japplika dak l-arranġament kontrattwali li mhux neċessarjament ikun ibbażat fuq skrittura. L-Awtorità tad-Djar la darba toħroġ ordni ta’ de-rekwiżizzjoni ma jkollhiex aktar setgħa fuq il-fond jew fuq l-okkupant tal-fond. Jekk jirriżulta li l-okkupant ma jkunx stabilixxa titolu għal-okkupazzjoni tiegħu indipendenti mill-ordni ta’ rekwizizzjoni allura is-sid ikun jista’ jipproċedi skond il-liġi. Intant wara l-ordni ta’ de-rekwiżizzjoni kemm is-sid kif ukoll l-okkupant iridu jagħrfu id-drittijet u obbligi tagħhom skond il-liġi Civili.
Konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mitt jum tal-Gvern — armar għall-konferenza tal-aħbarijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3894 u jgħid min għamel l-armar għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret dwar il-mitt jum tal-Gvern Laburista? Inħarġet tender jew saret permezz ta' quotations? Kemm-il quotation intalbet u lil min? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-quotations u r-risposti?
żjara tal-President tal-Kunsil Ewropew — armar għall-konferenza tal-aħbarijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min għamel l-armar għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret għaż-żjara tal-President tal-Kunsill Ewropew, is-Sur HermanVan Rompuy, f’Lulju 2013? Inħarġet tender jew saret bi quotations? Kemm-il quotation intalbet u lil min? Jista' jpoġġi kopja tal-quotations u r-risposti fuq il-Medja tal-Kamra?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3907, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se joħorġu l-appointments tal-advanced pharmacy practitioners li r-riżultat tal-interviews għalihom ħareġ fit-22 ta’ Frar 2013?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5652
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ċara u inekwivoka tal-Gvern Malti fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq u l-ksur fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż? Billi fit-13 t’April 2012 il-Prim Ministru (dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni) kien stqarr li “jispera li kollox ikompli miexi sewwa fil-Korea ta’ Fuq”, għadu tal-istess fehma? Jekk iva, x’hemm miexi sew fil-Korea ta’ Fuq? Kif bi ħsiebu jikkollabora mal-Korea ta’ Fuq u fl-istess waqt jonora l-obbligi ta’ pajjiżna fuq il-politika Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Malta tinsab totalment konformi mal-politika tal-Unjoni Ewropea u tal-Ġnus Magħquda dwar il-Korea ta' Fuq.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hux se tgawdi minn status diplomatiku u immunità? Jekk iva, hemm ftehim mal-pajjiżi li fihom se taħdem din il-persuna? Liema eżattament huma l-pajjiżi Ażjatiċi li fihom se taħdem? Dawn jinkludu l-Korea ta’ Fuq? Din il-persuna se tirrispondi lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin (bħala diplomatiku) jew għall-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar? X’se jkun ir-rwol tal-ambaxxatur Malti f’Beijing u kif se jaħdem ma’ din il-persuna?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk huwiex minnu li l-persuna, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tneħħa minn Chairman tat-Tribunal Industrijali b’effett mit-8 ta’ Lulju 2013? Jekk dan huwa veru, x’inhi r-raġuni? Il-Ministru hija konxja li l-ħidma tat-Tribunal Industrijali waqfet ħesrem għad-detriment ta’ ċittadini li qed jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm numru ta’ chairpersons tat-Tribunal Industrijali li ssottomew ir-riżenja tagħhom mill-kariga li kellhom u li sussegwentement ġiet aċċettata. Il-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament kienet waħda minnhom.
Dwar il-ħidma tat-Tribunal, kif diġà weġibt f’mistoqsija 4479, dan qatt ma waqaf jiffunzjona minn meta l-Att daħal fis-seħħ fl-2002.
Tista’ l-Ministru tinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema minħabba sigurtà soċjali?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet ikkuntatjata personalment bit-telefon mis-sezzjoni tal-Pensjonijiet dwar il-każ tagħha.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm anzjani bdew jingħataw is-servizz tal-meals on wheels minn wara l-elezzjoni 'l hawn u minn fejn huma dawn l-anzjani? Meta saret kull applikazzjoni u meta beda jingħata is-servizz, jekk beda jingħata?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li diġà qed jieħdu s-servizz tal-home help u li għandhom applikazzjoni pendenti biex iżidu s-sigħat ta’ servizzi?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għadd ta’ benefiċċjari li għandhom applikazzjoni pendenti biex iżidu s-sigħat ta’ servizz huwa ta’ 147.