Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #5900 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

billboards

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika biex issir il-kampanja ta’ propaganda fuq billboards rigward il-baġit għall-2014 ? Kemm qed jiswa kull canvas fuq kull billboard u kemm hi l-ispiża għall-kiri tal-billboards? Kemm-il billboard ġie utilizzat jew bi ħsiebu jutilizza l-Gvern fil-ġranet li ġejjin? Liema kumpanija qed tipprovdi dan is-servizz ta’ użu ta’ billboards?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa – TEN-T

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5641, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet mill-proposti tat-TEN T għandhom ma ġewx implimentati u liema huma skont it-toroq jew inħawi affettwati li għadhom mhux implimentati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolament il-ġdid għar-reviżjoni tal-gwidi għat-Trans-European Transport Network (TEN-T) qiegħed fl-istadju finali li jiġi addottat mill-Unjoni Ewropea. Din ir-reviżjoni għandha testendi in-network tat-TEN-T minn 52km għal madwar 125km. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ dan in-network il-ġdid għal Malta ta’ toroq li ġew identifikati għal ugrading flimkien ma’ mappa fejn dawn it-toroq qed jiġu murija b’ dashed lines ħomor.

Sajjieda — laqgħa ta' konsultazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5640, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm sajjieda li attendew għal din il-laqgħa hekk imsejħa ta' konsultazzjoni? Kif twassal għand dawk ikkonċernati l-messaġġ li se tinżamm din il-laqgħa? Kemm attendew sajjieda u min attenda aktar minbarra dawn is-sajjieda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li peress li l-laqgħa kienet waħda informali u miftuħa għal kulħadd, ma kienx hemm ħtieġa li tittieħed l-attendenza tal-persuni preżenti għal din il-laqgħa u li fosthom kien hemm sajjieda full-time u part-time, membri oħra tal-pubbliku li kienu interessati, kif ukoll membri tal-Kunsill Lokali. Ninsab infurmat ukoll li s-sejħa ta’ din il-laqgħa saret mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #5904 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Ritratti ta' faċċati ta' bini

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5639, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk b'mod speċifiku, u partikulari ttieħdux ritratti fi Triq San Pawl il-Baħar għaliex jista' jagħti l-każ li kien hemm abbuż minn persuni li dehru suspettużi jieħdu ritratti ta' ċertu faċċati u mhux ta' oħrajn (u li probabilment mhux il-persuni li huma uffiċjalment mqabbda jagħmlu dan ix-xogħol)? Peress li kien hemm minn inkwieta minħabba l-fatt li ttieħdu ritratti partikulari, jista' jagħti tagħrif meta ttiħedu ir-ritratti f'din it-triq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ir-ritratti fi Triq San Pawl il-Baħar ittieħdu fit-2 u l-4 ta' Novembru 2013 minn fotografu li huwa uffiċċjalment imqabbad mill-MEPA biex jagħmel dan ix-xogħol.

Mard fuq Annimali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux rapporti ta' xi mard fost l-annimali li jitrabbew f'Malta u f'Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk sarux spezzjonijiet li minnhom irriżulta mard fil-merħliet tal-majjal u dawk tal-baqar/ barrin? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienux hemm xi mard rappurtat fit-tjur li għandna jitrabbew f'Malta u Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji matul is-sena jirċievi diversi rapporti mingħand ir-raħħala. Tali rapporti jiġu investigati u spezzjonati skont il-ħtieġa u skont il-proċeduri normali li huma stabbiliti fl-Att tas-Servizzi Veterinarji, Kap. 437 u liġijiet sussidjarji. Mid-9 ta’ Marzu 2013 ‘l hawn jirriżulta li d-Dipartiment irċieva rapporti minn 4 rziezet li jrabbu bovini u 2 rziezet tal-mogħoż u nagħaġ. Spezzjonijiet fil-merħliet tal-majjal, tiġieġ, bovini, mogħoż, nagħaġ u annimali oħra jsiru b’mod regolari. Ninsab infurmat ukoll li f’xi rziezet ta’ mogħoż u nagħaġ irriżultaw każi ta’ Q Fever, filwaqt li rriżultaw żewġ każi ta’ salmonellosi f’irziezet tat-tiġieġ.

Xemxija u Mistra — traffic count

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5642, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar traffic count fin-niżla tax-Xemxija u dik tal-Mistra? Jista' jagħti tagħrif dwar x'kienu l-bidliet li rriżultaw fin-numru ta' vetturi li jgħaddu minn dawn l-istess inħawi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont ir-rekords ta’ Transport Malta saru traffic counts fil-junction tad-daħla tal-Mellieħa fl-2010. Minn dawn il-counts jirriżulta li l-vetturi li jgħaddu min-niżla tal-Mistra (it-triq bejn il-Mellieħa u x-Xemxija) jiżdiedu fix-xhur tas-sajf fil-ħinijiet bejn is-sebgħa u kwart u d-disgħa u kwart ta’ filgħodu u jonqsu bejn nofsinhar u s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. Jien infurmat li ma sarux traffic counts fin-niżla tax-Xemxija.
Leg 12 PQ #5912 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Qawra — Użu ta' ramel imtella mill-baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn intuża r-ramel (u materjal ieħor) li ttella mill-baħar fil-Qawra, iktar minn sena ilu u li tpoġġa għal numru ta' xhur, f'post pubbliku fil-Qawra stess? Billi hu l-kunsill lokali (la darba r-ramel kien fil-kustodja tiegħu) li kien responsabbli għal dan l-istess ramel, jista' jagħti tagħrif dwar meta tneħħa minn fejn kien dan l-istess ramel, u min għamel is-superviżjoni ta' dan ix-xogħol?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li r-ramel in kwistjoni kien tnaddaf mill-fliexken u skart ieħor u tpoġġa madwar l-arbuxelli tal-Oleander li hemm fl-istess sit. Infurmat ukoll li dan ix-xogħol sar mill-kuntrattur li tqabbad mill-Maniġer ta’ San Antonio Hotel & Spa, fit-28 ta’ Ottubru 2013, bħala inizjattiva ta’ responsabilta’ soċjali għall-inkonvenjent li t-tali lukanda toħloq lir-residenti tal-madwar.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur –Reform of the LPG Market Structure — ċilindri tal-gass

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur jaqbilx mal-proposti maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Ri¿orsi fid-dokument imsejjaħ Reform of the LPG Market Structure – the door to door distribution and retail of LPG Cylinders? Jekk iva, x’anali¿i għamel il-kunsill u x’inhuma r-raġunijiet li wasslu lill-kunsill biex jaqbel ma’ dawn il-proposti?

Response (DALLI, HELENA)

Peress li l-Kunsill għandu jiltaqa’ mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi matul din il-gimgħa f’dan l-istadju ma tistax tingħata tweġiba lill-Onor. Interpellant.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – Reform of the LPG Market Structure –ċilindri tal-gass

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni infurmax, jew għandux intenzjoni li jinforma lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposti maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi fid-dokument imsejjaħ Reform of the LPG Market Structure – the door to door distribution and retail of LPG Cylinders?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata illi d-dokument tal-Awtorità ta' Malta għar-Rizorsi imsejjaħ Reform of the LPG Market Structure - the door to door distribution and retail of LPG Cylinder qiegħed bħalissa jiġi ikkunsidrat mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u għaldaqstant l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni f'dan l-istadju mhuwiex f'qagħda li jirrispondi.

Reform of the LPG Market Structure — laqgħat bejn l-MRA u l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi bil-għan li jitfassal id-dokument maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi msejjaħ– the door to door distribution and retail of LPG Cylinders?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan id-dokument sar biex issir konsultazzjoni pubblika. Il-Kunsill wara li analizza d-dokument se jagħmel laqgħa ma’ l-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi u l-Kunsill bil-għan li jagħti l-opinjonijiet tiegħu dwar dan id-dokument. Din il- laqgħa hija skedata għal din il-ġimgħa.

Reform of the LPG Market Structure — laqgħat bejn l-MRA u l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi bil-għan li jitfassal id-dokument maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi msejjaħ Reform of the LPG Market Structure – the door to door distribution and retail of LPG Cylinders?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument li qed jirreferi għalih sar biex issir kunsultazzjoni. F’dan l-istadju l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qiegħed jikkunsidra l-proposti maħruġa mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u se jissottometti r-risposta tiegħu qabel is-6 ta’ Diċembru kif mitlub mill-istess Awtorità.

Reform of the LPG Market Structure

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proposti tal-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi fid-dokument imsejjaħ– the door to door distribution and retail of LPG Cylinders imorrux kontra l-konklużjonijiet tar-rapport maħruġ f’Jannar li għadda mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Jekk jingħata t-tagħrif li qed jitlob l-Onor. Interpellant tkun qed tinkser il-kunfidenzjalità tar-rapport.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – Reform of the LPG Market Structure

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jaqbilx mal-proposti maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi fid-dokument msejjaħ Reform of the LPG Market Structure – the door to door distribution and retail of LPG Cylinders? Jekk iva, x’inhuma r-raġunijiet li wassluh li jaqbel ma’ tali proposti?

Response (DALLI, HELENA)

L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni f’dan l-istadju qiegħed jikkunsidra l-proposti maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi fid-dokument msejjaħ Reform of the LPG Market Structure – the door to door distribution and retail of LPG Cylinders u ser jissottometti r-risposta tiegħu qabel is-6 ta’ Diċembru kif mitlub mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi meta ssottomettiet din il-proposta għall-konsultazzjoni pubblika.
Leg 12 PQ #6016 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — avukat tat-tfal

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5785 u ċjoè: Peress li f’Għawdex m’għandniex is-servizz ta’ avukati tat-tfal u peress li kull ma jmur qed jinħass il-bżonn li jkollna avukat tat-tfal f’Għawdex stess, jista’ l-Prim Ministru jara li f’Għawdex ukoll ikollna s-servizzi ta’ avukat tat-tfal?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Is-servizz ta’ avukat tat-tfal li jingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Malta jkopri wkoll il-ġurisdizzjoni tal-Qorti t’Għawdex. Il-Gvern però qed jistudja l-possibilità li jkun hemm avukat tat-tfal allokat speċifikament għall-ġurisdizzjoni msemmija.

Qorti t’Għawdex – probation officers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5787 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li minkejja li fil-Qorti t’Għawdex perjodikament ikun hemm il-bżonn li jinħatru probation officers, peress li dan is-servizz ma jingħatax f’Għawdex, u peress li hemm persuni kwalifikati bħala probation officers, allura ma jaħsibx il-Prim Ministru li wasal iż-żmien li f’Għawdex ukoll ikollna dan is-servizz?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed tiġi studjata din il-possibilità
Leg 12 PQ #6023 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sidien ta’ art f’Malta u f’Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm sidien ta’ art f’Malta u f’Għawdex separatament li għandhom aktar minn 59 tomna ta’ art li jmissu ma’ xulxin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern iżomm biss informazzjoni fuq il-proprjetà li s-sid tagħha huwa l-Gvern. Għaldaqstant, l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bdiewa u raħħala — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa u raħħala f’Malta u f’Għawdex separatament li jaħdmu jew joperaw minn 59 tomna art u aktar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li skont l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali, l-bdiewa u raħħala li jaħdmu jew joperaw minn 59 tomna art u aktar jammonta għal 279 f’Malta u 116 f’Għawdex.
Leg 12 PQ #6026 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Agrituriżmu – operaturi ta’ negozju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn operaturi ta’ negozju li jiġi riklamat bħala agrituriżmu f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa llum għadha ma teżistiex liċenzja għall-operaturi ta’ agrituriżmu. Għaldaqstant f’dan l-istadju mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba. Il-Gvern bħalissa qiegħed jaħdem sabiex jirregolarizza u jippromwovi l-Agrituriżmu bħala niċċa ġdida għas-settur turistiku Malti.
Leg 12 PQ #6031 Sitting 87 2013-11-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — billboards

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5898 u jgħid kemm hemm permessi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-billboards permanenti f’ Malta u Għawdex? Jista’ jagħti lista tal-postijiet fejn jinsabu u meta nħarġu dawn il-permessi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' applikazzjonijiet li ġew approvati minn meta twaqqfet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sat-08 ta' Novembru 2013, li jirrigwardaw billboards. Wieħed irid jinnota li billboards proviżorji huma eżentati milli jkollhom permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar skont Artiklu 4 tal-Avviż Legali Numru 171 ta' 1993, Ordni ta' l-1993 dwar Reklami, u għalhekk l-istess Awtorità m'għandiex informazzjoni fuqhom. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità fejn il-proposta għandha il-kelma "billboard" u l-applikazzjoni ġiet approvata sat-08/11/2013.