Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — bordijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tagħha li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni kif mitluba mill-Onor Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-bordijiet msemmija fil-lista li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1201 ltaqgħu kollha ħlief il-Gozo Street Naming Committee.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għal Għawdex, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex għandu konsulent wieħed, li hija konsulent legali. Il-persuna hija Dr Georgine Grech li tagħti s-servizzi tagħha lill-Gozo Channel Company Limited. L-istess persuna ilha tagħti dawn is-servizzi lill-Gozo Channel sa mill-1 ta' Frar 2012. Aktar informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għad-dikjarazzjonijiet li għamel il-Ministru illi għandu plan B f’każ illi l-Arriva tkun kostretta titlaq, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan hux diġà kontemplat mill-kuntratt iffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta, b’mod partikolari l-Artiklu 14?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-provedimenti tal-kuntratt, inkluż Artiklu 14, jipprovdu soluzzjoni temporanja, li wkoll tirrikjedi pjan ta’ kontinġenza. Plan B imur oltre x’hemm stipulat fil-kuntratt.
Peress illi l-Ministru allega illi ftit jiem qabel l-elezzjoni, il-Gvern preċedenti għamel ftehim mal-Arriva biex jawtorizzaha ddaħħal iktar bendy buses, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim? Jista’ jgħid kemm-il bendy bus kienu kontemplati fil-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn l-Arriva u Transport Malta fl-2010?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ma nagħmilx allegazzjonijiet imma meta ngħid xi ħaġa nkun qed nibbaża fuq il-fatti. Jekk l-Onor. Interpellant jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet, dan ma jkunx ta’ awgurju tajjeb għall-qasam li għalih huwa ix-Shadow Minister.
Il-kuntratt iffirmat fl-20 ta’ Novembru 2010 hemm stipulat ammont minimu ta’ 50 articulated bus. Dan l-ammont żdied f’April 2012 sa massimu ta’ 67 articulated bus u dan wara li saru bosta tibdiliet fir-rotot bejn is-sena 2011 u 2012. Kopja ta’ din il-parti mill-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4643, u b’referenza għall-provvedimenti tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta b’mod partikolari l-artiklu 11 illi jgħid:
(1) Il-linji ta’ politika li għandhom ikunu segwiti u d-deċiżjoni dwar materji ta’ politika għandhom ikunu l-prerogattiva tal-Ministru.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx, jew le, mal-politika (policy) illi kienet ġiet approvata mill-Ministru preċedenti, illi persuna b’diżabilità li tkun applikat għal reserved parking għall-bżonnijiet personali tagħha quddiem jew viċin id-dar tagħha, għandha jkollha l-ispazju riservat għaliha personalizzat biex ma jintuża minn ħadd iktar peress illi jekk jużah ħaddieħor ikun intilef l-iskop tal-applikazzjoni oriġinali? Jista’ jikkonferma illi din il-policy kienet tirrifletti wkoll ix-xewqa tal-Kummissjoni Nazzonali Persuni b’Diżabilità (KNPD)?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-provvedimenti tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, b’mod partikolari artiklu 11, jgħid:
(2) Deċiżjoni politika mill-Ministru għandha torbot biss lill-Awtorità jekk jingħatalha bil-miktub u jekk tkun iffirmata mill-Ministru.
Ma nstabet l-ebda approvazzjoni mill-Bord ta’ Transport Malta u lanqas l-ebda deċiżjoni bil-miktub iffirmata mill-Ministru preċedenti dwar politika li jiġu ppersonalizzati l-parkeġġi riservati għal persuni b’diżabbiltà. Fir-rigward tal-possibilità li dawn il-parkeġġi jiġu personalizzati kien hemm diskussjonijiet bejn l-Awtorità u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà li qatt ma ġew kompletament konklużi u qatt ma ġie ffirmat l-ebda qbil finali.
Roundabout ħdejn l-ajruport – preżenza ta’ pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex pulizija li kien ikun duty mar-roundabout ta' fejn l-ajruport f' ħinijiet peak tat-traffiku, speċjalment bejn is-6.30am u 9.00am m'għadux ikun stazzjonat hemm?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Kif diġà kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra fi tweġibiet għal mistoqsijiet preċedenti, il-Korp tal-Pulizija qiegħed f’eżercizzju kontinwu biex jagħmel l-aħjar użu tar-riżori tiegħu għal dak li huwa mmanġġjar tat-traffiku waqt ir-rush hours. Għaldaqstant mhux dejjem ikun opportun u fl-aħjar interess għall andament tat-traffiku illi l-pulizija bil-mutur joqgħod statiku fil-post imsemmi mill-Onor. Interpellant, imma jkun aktar produttiv illi jagħmel ir-ronda fl-inħawi u jinterveni kif u meta jkun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm fl-Isptar Mater Dei f’Settembru u Ottubru 2013, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li matul ix-xahar ta’ Settembru 2013 saru 545,526 testijiet tad-demm u f’Ottubru 2013 saru 640,107 test ġewwa d-Dipartiment tal- Patoloġija fl-Isptar Mater Dei. Dettalji ta’ kull test xahar b’xahar qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm f’kull ċentru tas-Saħħa f’Settembru u Ottubru 2013, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ nies li għamlu t-testijiet tad-demm f’kull ċentru tas-saħħa f’Settembru u Ottubru 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jistennew għal CT-Scan, MRI jew testijiet simili, kategorija b`kategorija, u meta hu l-aktar appuntament fil-bogħod?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ nies jistennew CT-Scan, MRI jew testijiet simili.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq il-Port Ħieles bejn Triq il-Kostituzzjoni u Triq it-Tħabrik u bejn Triq ix-Xogħol u Triq Sant’ Anġlu f’Birżebbuġa hux inkluż fil-programm tax-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq tal-Gvern ċentrali? Kemm hu stmat li jiswa dan ix-xogħol? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li diversi partijiet minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa se jiġu asfaltati minn Transport Malta matul it-tmintax-il xahar li ġejjin. Bħalissa Transport Malta qiegħda tidentifika l-partijiet li huma lesti għall-intervent fuqhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern preżenti għadux jirrikonoxxi il-memorandum of understading li l-Gvern preċedenti kien iffirma mal-football club ta’ Birżebbuġa, St. Peters FC dwar l-immaniġjar tal-grawnd tal-futbol li x-xogħol preparatorju fuqu kien sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti u x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq l-istess grawnd se jibda fil-futur qarib?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-memoranda of understanding li ġew iffirmati lejliet l-aħħar elezzjoni qed jiġu studjati każ każ biex wieħed jara x’jagħmel sens u jekk hemmx xi intoppi li ma kienux ġew ikkunsidrati bl-għaġġla biex jiġu ffirmati wegħdiet mingħajr ma ġew allokati fondi finanzjarji.
Fil-każ tal-Klabb tal-Futbol ta' Birzebbuġa, ix-xogħol preparatorju u x-xogħol ta’ kostruzzjoni beda taħt din l-amministrazzjoni u ġew ivvutati flus għall-proġett.
Peress li fil-Parlament il-Ministru qal li l-apparat marbut mat-trattament tal-kanċer ilu Malta mill-2011, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-apparat li hawn f’Malta, kemm ilu f’Malta, fejn qiegħed illum u meta tħallas?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ewwel minn tlett Linear Accelerators (LINACs) waslet Malta fl-2011 u ġiet ikkommisjonata f’Ġunju ta’ l-istess sena. Għalhekk din ilha taħdem ġewwa l-Isptar Boffa minn Ġunju 2011. Infakkar lill-Onorevoli Membru li kienet deċiżjoni tal-Amministrazzjoni preċedenti, u ngħid li kienet deċiżjoni tajba, li din il-Linear Accelerator tkun installata ġewwa l-Isptar Boffa sabiex is-servizz ta’ radjuterapija jkun jista jibqa’ jingħata b’mod sħih sakemm jibda jaħdem iċ-ċentru ġdid tal-Onkoloġija. It-tieni u t-tielet Linear Accelerators ġew ordnati fid-29 ta’ Ottubru 2012. Il-Gvern għadu ma ħax dawn il-magni f’idejh għax dan il-proċess isir wara li l-magni jiġu kkummisjonati mill-Aġent. Għalhekk, dawn il-magni għadhom fil-pussess tal-Aġent. L-ewwel Linear Accelerators (LINACs) li waslet Malta fl-2011 qed issiru il- pagamenti dovuti.
Infurmat ukoll li dawn il pagamenti ser joħorġu mill- fond Nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ attendenzi fl-Isptar Mater Dei mill-2008 sa Awwissu 2013, xahar b’xahar, skont in-nazzjonalità tal-pazjent rikoverat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tal-‘Admissions Discharges Transfers Module’ tal-‘Patient Administration System’ u l-‘Patient Master Index’, in-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei mill-2008 sa Awwissu 2013, xahar b’xahar, skont in-nazzjonalità tal-pazjent rikoverat huwa jinsab fuq il-Mejda tal-Kamra.
Importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fl-iswali tal-Isptar Mater Dei. Dawn il-figuri jeskludu wkoll pazjenti li daħlu ir-
Renal Unit
u n-
nursery cots
.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ interventi li saru fl-Isptar Mater Dei, mill-2008 sa Awwissu 2013, xahar b’xahar, skont in-nazzjonalità tal-pazjent li sarlu l-intervent?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-‘Surgical Operations Register’ tal-Isptar Mater Dei, in-numru ta’ interventi li saru fl-Isptar Mater Dei, mill-2008 sa Awwissu 2013, xahar b’xahar, skont in-nazzjonalità tal-pazjent li sarlu l-intervent jinsabu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn il-figuri jinkludu proċeduri pjanati minn qabel (
elective
) jew inkella proċeduri ta’ natura urġenti (
emergency)
.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5835, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-bdiewa għandhomx xi post partikolari li fih jistgħu jattendu għal ġbir ta' informazzjoni partikolari dwar mard f'xi pjanti li jitkabbru jew fuq xi esperimenti li jkunu qed isiru mill-istess dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru? Kif jistgħu l-bdiewa jikkomunikaw ma' dawn id-dipartimenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li pariri fuq mard ta’ siġar u pjanti jingħataw mit-Taqsima ta’ Moniteraġġ u Kontroll fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti, u meta jkun neċessarju jittieħdu wkoll kampjuni li wara jgħaddu fil-Laboratorju tat-Taqsima għad-Djanjosi tas-Saħħa tal-Pjanti tal-istess Direttorat għall-analiżi kollha neċessarji.
Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat jippubblika wkoll sensiela ta’ fuljetti informattivi għall-pubbliku inġenerali minn żmien għal żmien, fuq diversi mard ewlieni li jaffettwa l-uċuh tar-raba u siġar li huma mkabbra f’Malta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tfasslet dwar il-parkeġġi f'Malta? Ma' liema kunsill lokali saru d-diskussjonijiet dwar din il-policy? Liema kunsilli kienu li taw is-suġġerimenti tagħhom u fil-każijiet fejn dawn is-suġġerimenti saru, x'kienu s-suġġerimenti li ngħataw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-polza li għaliha qed jirreferi għadha fil-fażi ta' konsultazzjoni nterna u ser titnieda għal konsultazzjoni esterna mal-entitajiet kkonċernati fil-ġranet li ġejjin. Saru laqgħat mal-kunsilli lokali kollha u ma’ entitajiet varji fejn il-kummenti u s-suġġerimenti li saru ġew annotati. Dawn il-kummenti u suġġerimenti wasslu għall-ħtieġa ta' reviżjoni tal-polza eżistenti li tirrigwarda l-immanniġġjar tal-parkeġġ fit-toroq pubbliċi u kienu l-qafas li fuqu ġiet riveduta din il-polza. Il-kummenti u s-suġġerimenti li ngħataw ġew ikklassifikati f'seba’ taqsimiet kif ġej:
- Ir-rotot tat-trasport pubbliku li m'humiex jaqdu l-ħtiġijiet tan-nies u li għaldaqstant żdied l-użu tal-karrozzi privati
- talba għal żoni ta' Park and Ride ġodda bla ħlas
- talba għal sistemi ta' parkeġġ li jindirizzaw il-problema tal-parkeġġ mill-ħaddiema għal ħinijiet twal (commuter parking) f'żoni residenzjali
- Użu tal-fondi tal-Parking Payment Scheme (CPPS) sabiex jiġu identifikati żoni fejn jinbnew parkeġġi ġodda u rigward l-użu ta' art mhux mibnija għal parkeġġ temporanju
- Talba sabiex jiżdiedu l-parkeġġi komunali għall-persuni b'diżabbiltà u problemi li jinħolqu minn parkeġġi riservati għal persuni b'diżabiltà quddiem ir-residenza privata tagħhom u/jew meta dawn jinzertaw quddiem ir-residenza privata ta' terzi
- Li l-ammont ta' parkeġġi blu u ħodor fl-iskema tal-Belt Valletta huma eċċessivi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5839, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi proposti saru mill-kunsilli lokali indikati għal dawk li huma l-kunsilli lokali fid-domanda li ressqu proposti dwar bidliet fir-rotot tal-linja u dwar it-toroq one ways jew two ways, lill-Transport Malta u dan matul l-aħħar 12-il xahar? Liema toroq kienu proposti li jiġu affettwati u liema proposti ġew aċċettati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li f’dawn f'dawn l-aħħar tnax-il xahar, fis-seba’ u fit-tnax-il distrett elettorali kien hemm total ta' ħmistax-il talba għal bdil fid-direzzjoni tat-traffiku fit-toroq fejn sebgħa minnhom ġew approvati u s-sebgħa l-oħra għadhom pendenti sakemm l-kunsill lokali rispettiv jibgħat l-informazzjoni addizzjonali mitluba minn Transport Malta. Kien hemm ukoll talba għal kjarifika fuq id-direzzjoni tat-traffiku fi triq minnhom. Il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward bidliet fir-rotot għat-trasport pubbliku ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposti mressqa mill-Kunsilli Lokali kollha ġew milqugħa, liema proposti għadhom suġġett tad-diskussjonijiet bejn l-Arriva u Transport Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jittħadmu in-National Tourism Zones li ssemmew mill-Ministru għat-Trasport? X'se jkunu l-funzjonijiet tal-Kumitat fiż-żoni? Minnfejn se jiġu finanzjati l-ħidmiet li se jitwettqu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq programm flimkien mal-entitajiet kollha konċernati u fil-jiem li ġejjin se jitħabbru d-dettalji dwar kif se jkunu qed jiffunzjonaw in-National Tourism Zones.
B’referenza għall-emendi għal-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza li għadhom kif ġew approvati minn dan il-Parlament u in segwitu ta’ dak li ġie rrappurtat li qal id-Deputat Prim Ministru u ċjoè li se jsiru l-emendi meħtieġa biex l-identità ta’ min se jkun qed jixtri ċ-ċittadinanza ai termini ta’ dawn l-istess emendi ma jibqgħux sigrieta, jista’ l-Ministru jikkonferma li mhu se jkun hemm l-ebda ċittadin li l-identità tiegħu se tibqa’ mistura, inkluż dawk li jilħqu jixtru ċ-ċittadinanza jew jibdew il-proċess tax-xiri qabel isiru u jidħlu fis-seħħ dawn l-emendi li jabrogaw is-segretezza?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.