Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet għal reserved parking spaces

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6021, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinstabu lokalità lokalità, triq triq il-każijiet indikati bħala l-każijiet li nbidlu wara Marzu 2013?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #6224 Sitting 97 2013-11-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — Trackless Train

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6040, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali u Transport Malta inkluż korrispondenza li waslet biex isiru talbiet għal bidla lill-Transport Malta mill-Kunsill Lokali jew lill-Kunsill Lokali minn Transport Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza rilevanti li għaddielna l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Leg 12 PQ #6225 Sitting 97 2013-11-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

kunsilli lokali — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5828 u 6042, billi r-risposti jindikaw li kien hemm xogħol meħtieġ li kellu jsir mill-kunsill lokali, jista' l-Ministru għal kull każ imsemmi fir-risposta fil-fatt jagħti tagħrif dwar x'wettaq il-kunsill bħala xogħol marbut mal-inħawi indikati fir-risposta? X'kull każ, x'kienu r-riżultati tal-ħidma li wettaq il-kunsill dwar il-każijiet individwali? X'kienet l-ispiża involuta biex ix-xogħol meħtieġ isir? X'fadal xogħol li għandu jsir skont il-permessi maħruġa minn Transport Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hu kif ġej: Ser issir zebra crossing fi Triq Mons. Alfredo Mifsud bħala aċċess għall-bandli. Dan ix-xogħol għadu ma sarx u għaldaqstant għadhom ma tħallsu l-ebda spejjeż. Ser isiru tabelli ġodda fi Triq San Ġiraldu. Ix-xogħol għadu ma sarx u għaldaqstant għadhom ma tħallsu l-ebda spejjeż. Intant sar ukoll parkegg ġdid fi Triq l-Erba’ Mwieżeb. L-ispejjes relatati kienu ta’ €652.80.

Università ta’ Malta – Istitut tas-Sistemi Ambjentali – korsijiet mingħajr lecturers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex studenti minn diversi korsijiet tal-Istitut tas-Sistemi Ambjentali (Institute of Earth Systems) tal-Università għadhom mingħajr lecturers għal numru ta’ study units minkejja li l-ewwel semestru wasal f’nofsu? X’qed jistenna l-Kunsill tal-Università biex jaħtar lecturers ġodda f’dan l-istitut wara li l-lecturer li kien hemm ma kellux il-kuntratt tiegħu mġedded?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mhux minnu li korsijiet tal-Istitut tas-Sistemi Ambjentali tħallew bla lecturers. Individwu li kien diġà qed jgħallem erba’ study-units iddeċieda illi jieqaf minkejja li kien diġà leħaq għallem żewġ terzi mis-sigħat dovuti. L-Istitut jassigura u jiggarantixxi li l-istudenti ma ser jitilfu xejn mit-tagħlim li huma intitolati għalih.

Ċittadinanza Maltija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5872, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ screening għaddew minnu dawn iċ-ċittadini ġodda biex ikun assigurat li ma jkunux ta’ theddida għas-sigurtà ta’ kwalunkwe xorta ta’ pajjiżna?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjonijiet għall ċittadinanza jiġu ivvettjati mill-forzi tas-sigurta. Ma naħsibx li huwwa opportun li aktar tagħrif fid-dettall ta’ kif isir dan l-ivvettjar għandu jkun ippublikat.
Leg 12 PQ #6270 Sitting 97 2013-11-27 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

7th Global Residence and Citizenship Conference 2013 — delegazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-Prim Ministru u tad-delegazzjoni kollha tiegħu, inkluż membri parlamentari, biex attendew u pparteċipaw fis-7th Global Residence and Citizenship Conference 2013, f’Miami? Jista’ fl-ispiża jinkludi wkoll b’mod separat il-flights, l-akkomodazzjoni u spejjeż oħra u l-ispejjeż tal-isponsorship? Jista’ jgħid min kienu kull persuna li akkumpanjawh f’Miami?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #6271 Sitting 97 2013-11-27 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Individual Investor Program – A New Citizenship by Investment Option in Europe — Delegazzjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża globali tal-Prim Ministru d-delegazzjoni kollha tiegħu inkluż membri parlamentari biex attendew u pparteċipaw fil-Malta Individual Investor Program – A New Citizenship by Investment Option in Europe li saret ġewwa Londra fil-31 ta’ Ottubru 2013? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż, b’mod separat, ta’ akkomodazzjoni, flights, sponsorships, marketing u spejjeż oħra? Jista’ jgħid ukoll min kienu kull persuna li akkumpanjawh f’din il-konferenza?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

The Italy and Malta Oil and Gas 2013 Summit — delegazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża globali tal-membri kollha tad-delegazzjoni li attendew u pparteċipaw f’The Italy and Malta Oil and Gas 2013 Summit li ttella’ bejn it-30 u l-31 ta’ Ottubru 2013, u fejn il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma kien wieħed mill-isponsors prinċipali? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż b’mod separat,ta’ akkomodazzjoni, flights, sponsorships, marketing u spejjeż oħra? Jista’ jgħid ukoll min kien kull persuna li tela’ għal din il-konferenza f’isem il-Ministeru tiegħu u l-Gvern Malti?

Response (MIZZI, KONRAD)

Kif ingħad f’risposti għall-interpellanzi oħra, dan il-Ministeru ma sponsorizzax il-Konferenza msemmija mill-Onorevoli Interpellant, u li għandha tkun infurmata wkoll li jien m’attendejtx għal din il-Konferenza.

The Italy and Malta Oil and Gas 2013 Summit — delegazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża globali tal-membri kollha tad-delegazzjoni kollha li attendew u pparteċipaw f’The Italy and Malta Oil and Gas 2013 Summit li ttella’ bejn it-30 u l-31 ta’ Ottubru 2013, u fejn il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar kien wieħed mill-isponsors prinċipali? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż b’mod separat, ta’ akkomodazzjoni, flights, sponsorships, marketing u spejjeż oħra? Jista’ jgħid ukoll min kien kull persuna li tela’ għal din il-konferenza f’isem il-Ministeru tiegħu u l-Gvern Malti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5691.

NER300 – offerti approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu offerti għand il-Gvern ħalli jiġu approvati minnu qabel jiġu sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea ħalli jiġu kkunsidrati għall-finanzjament taħt l-NER300?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi daħlet offerta waħda.

NER300 — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru, mingħajr ma jagħti dettalji kunfidenzjali, jispjega fuq fuq x’kienu jinvolvu l-proġetti kollha li daħlu ħalli jiġu kkunsidrati għall-finanzjament taħt l-NER300?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-NER300 jilqa’ proposti ta’ enerġija rinovabbli li huma innovattivi.

NER300 – proposti mhux approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-proposti li daħlu ħalli jiġu kkunsidrati għall-finanzjament taħt l-NER300 ma ġewx approvati mill-Gvern u għaliex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikant ma ssodisfax il-kriterji meħtieġa.

NER300 – għajnuna lill-proponenti tal-proġett

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’għajnuna ngħatat lill-proponenti tal-proġett għall-NER300 mill-uffiċjali pubbliċi fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi twaqqaf kumitat apposta biex fost affarijiet oħra jgħin lill-proponenti.

Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura – kuntratt ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-kuntratt li għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jagħti s-servizzi tiegħu lis-Segretarjat tal-Ministru? Jista’ jgħid kif ġie ingaġġat? Jista’ jgħid jekk l-individwu jew il-kumpanija tiegħu qattx taw konsulenza jew xi servizzi oħra lill-Ministeru oltre minn dak li qed jagħti l-individwu fis-Segretarjat? Jekk iva, saret sejħa għall-offerti u kemm hu l-valur tax-xogħol li sar sal-lum?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament ġie ingaġġat biex jagħti s-servizzi tiegħu bħala Projects Management Consultant lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura biex jara li numru ta’ proġetti li kienu waqgħu lura taħt l-amministrazzjoni preċedenti – fosthom il-Proġett ta’ Bormla magħruf bħala ta’ Dock 1, triqat li kienu tħallew fi stat ta’ telqa, il-Proġett tal-Kappara Junction, kif ukoll il-Proġett Nazzjonali ghat-Taffija tal-Għargħar – ingħataw spinta ‘l quddiem u b’hekk fondi allokati mill-Unjoni Ewropeja ma jintilfux. Nikkonferma li dan l-individwu ma tax konsulenzi jew servizzi oħra oltre dak li qed jagħti lill-Ministeru. Bħalma kienet il-prassi tal-amministrazzjoni preċedenti, ċertu informazzjoni li titqies bħala kummerċjalment sensittiva jew b’xi mod tmur kontra l-privatezza tal-individwu, ma jkunx prudenti li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Gozo Football Association klabbs tal-futbol Għawdxin — pagamenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5895, jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-2013 sal-lum sarux pagamenti lill-Gozo Football Association u l-klabbs tal-futbol Għawdxin u jekk saru, kemm kienu dawn il-pagamenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li matul l-2013 sal-lum ma sarux pagamenti. Kif ingħad fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 5895, hekk kif il-Gozo Football Association tressaq l-invoices, jibda l-proċess biex isiru l-pagamenti.

Ministeru għall-Famija u s-Solidarjetà Soċjali — Xogħol ta’ Back Office ġewwa Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema xogħol tal-Ministeru tagħha jsir bħala back office ġewwa Għawdex? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan ix-xogħol? F’liema snin inbeda dan ix-xogħol ġewwa Għawdex?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kappara Amministrattiv tal-Kappara – taħditiet ma’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ taħditiet ta’ Transport Malta mal-Kappara Amministrattiv tal-Kappara (KAK) u jekk instabux xi soluzzjonijiet għat-talbiet tal-kumitat?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tkun aktar ċara dwar l-informazzjoni li għandha bżonn.

Il-Kappara – Triq il-Gardell – one-way

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika jekk Transport Malta għamlitx l-istudju neċessarju biex tiddeċiedi jekk Triq il-Gardell, il-Kappara issirx one-way jew tibqax two-way? Jekk iva, x’jirriżulta mill-istudju li sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Transport Malta kienet analizzat il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann sabiex id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq il-Gardell tiġi f’direzzjoni waħda. Saru konsultazzjonijiet pubbliċi rigward din il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u sussegwentament intbagħtet petizzjoni mir-residenti tal-inħawi fejn oġġezzjonaw għal tali proposta. L-Awtorita’ qed tanalizza sewwa dawn l-oġġezzjonijiet u l-analiżi oriġinali ta’ din il-proposta ser tiġi aġġornata sabiex jiġi żgurat li kull aspett ġie analizzat.

Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur – terminu ta’ konsultazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tikkonsidra testendi t-terminu ta’ konsultazzjoni dwar ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur liema abbozz ta’ regolamenti ħareġ fid-19 ta’ Novembru 2013 bil-konsultazzjoni tagħlaq fid-29 ta’ Novembru li ġej? Ma taħsibx il-Ministru li dan iż-żmien ta’ konsultazzjoni huwa qasir wisq meta wieħed jikkonsidra l-importanza ta’ dawn ir-regolamenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata rigward ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur li huma ftit l-artikoli mid-Direttiva li Malta trid tiddeċiedi fuqhom. Għalhekk inħass li ż-żmien mogħti għal konsultazzjoni huwa ġustifikat.