Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontijiet tal-Ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema fuq il-kont tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ARMS għamlet kuntatt permezz ta’ notifika lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jinvestigaw dan il-każ minn naħa tagħhom.
Leg 12 PQ #6594 Sitting 100 2013-12-04 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali — Segretarji Eżekuttivi – parteċipazzjoni f’attivitajiet politiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali, fil-kapaċità personali tagħhom, jistgħux jattendu u/jew jipparteċipaw f'attivitajiet politiċi bħal konferenzi, laqgħat ġenerali, u laqgħat oħra ta' natura politika, kemm jekk dawn ikunu fil-każini politiċi inkella f'postijiet oħra, meta dan ma jkunx qed jirrappreżenta lill-Kunsill Lokali b'mod uffiċjali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-Public Service Management Code uffiċjali pubbliċi huma preklużi milli jattendu u/jew jipparteċipaw f’attivitajiet politiċi.

Awtorità tad-Djar – stallazzjoni ta’ lifts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta l-ħames lifts li ġew approvati qabel Marzu tal-2013 biex ikunu stallati fi blokok tal-appartamenti tal-Awtorità tad-Djar se jkunu stallati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jindika liema huma l-ħames lifts li qed jagħmel referenza għalihom.

skema ta' waqfien permanenti mis-sajd

Question

Peress li fl-14 ta' Novembru 2013 ġiet mnedija l-ewwel seħja għall-iskema ta' waqfien permanenti mis-sajd u fis-27 ta’ Novembru saret it-tieni sejħa, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li applikaw fl-ewwel istanti li ma kinux eliġibbli, issa se jiġu eliġibbli taħt it-tieni sejħa? Kemm kien hemm applikanti li kellhom xi dokumenti nieqsa u li dawn id-dokumenti ġew preżentati waqt il-perijodu tat-tieni sejħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi kien hemm 6 applikanti li ma kenux eliġibbli fl-ewwel istanti u li baqgħu ma kienux eliġibbli fit-tieni istanti. Ninsab infurmat ukoll illi żewġ applikanti, fl-ewwel istanti, kellhom xi dokumenti nieqsa; wieħed minnhom ippreżenta d-dokumenti qabel il-ħruġ tat-tieni sejħa u l-ieħor waqt il-perijodu tat-tieni sejħa.

Pannelli fotovoltajiċi – stallazzjoni – għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-azjendi/kumpaniji/fabbriki li matul l-aħħar tmien snin gawdew mill-għajnuna finanzjarja biex stallaw pannelli fotovoltajiċi? F’kull każ kemm kien il-grant li ħa kull wieħed?

Response (CARDONA, CHRIS)

Il-Malta Enterprise tat assistenza matul l-aħħar tmien snin lil 139 azjenda/kumpanija biex stallaw pannelli fotovoltajiċi u ħallset somma totali ta' €8,153,217. L-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #6607 Sitting 100 2013-12-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Malsalforn - studji dwar il-protezzjoni tal-bajja

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6380, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-istudji li saru fl-2011 u 2012 mill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament dwar il-protezzjoni tal-bajja ta’ Marsalforn mill-maltemp?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li peress li l-istudji msemmija huma ta' natura kummerċjali sensittiva mhuwiex xieraq li kopja tagħhom titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #6608 Sitting 100 2013-12-04 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċina out-of-stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn it-taħlita li tintuża kontra l-marda tal-psoriasis magħrufa bħala salicylic acid 5% with betnovate ointment ilha out-of stock mill-ispiżerija tal-Isptar Sir Paul Boffa għal dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li din il-mediċina mhiex out of stock, tant li CPSU għandu 7 xhur stock.
Leg 12 PQ #6609 Sitting 100 2013-12-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders

Question

In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6377, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament dwar Financial Feasibility Stydy icw the proposed EU Funded project – Renewable Energy Facilities in Public Buildings in Gozo?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6589.
Leg 12 PQ #346 Sitting 99 2013-12-03 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) mid-9 ta' Marzu 2013 'il quddiem li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2429.
Leg 12 PQ #1210 Sitting 99 2013-12-03 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsulenti ġew ingaġġati mal-Ministeru s'issa? Kif intgħażlu? X'inhu x-xogħol tagħhom? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-kuntratti?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2429.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — programm kontra l-vizzju tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’arranġament hemm bejn il-Gvern u l-Caritas għal dawk il-priġunieri li jkunu qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex dawn isegwu programm residenzjali fil-kumpless ta’ Sant’Anna? Huwa minnu li l-mument li priġunier jiskonta s-sentenza ta’ priġunerija ma jibqgħalux l-obbligu li jibqa’ fil-programm residenjzali f’Sant’Anna jekk ma jkunx għadu lestieh?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-arranġament li l-Gvern għandu mal-Caritas jinvolvi li l-applikazzjonijiet sottomessi mill-priġunieri sabiex isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni għandhom jiġu diskussi minn Bord appożitu li jikkonsidra dawn l-applikazzjonijiet. Dan il-Bord jikkonsisti minn rappreżentanti tal-ħabs, rapprezentanti tal-aġenziji Caritas u Sedqa, kif ukoll professjonisti oħra. L-arrangament finanzjarju bejn il-Gvern u l-Caritas jikkonsisti f’pagament fis fuq bażi mensili, liema ammont jiżdied jekk in-numru ta’ residenti jeċċedi t-tlettax il-priġunier. Ġa la darba l-priġunier jiskonta s-sentenza, huwa ma jibqax taħt ir-responsabilta’ tal-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin.

Korp tal-Pulizija — MSS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu addetti fil-MSS (Security Services) fit-8 ta’ Marzu 2013 u fl-10 ta’ Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ma’ tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ sigurta’. L-Onorevoli Interpellant kemm il-darba ġie mgħarraf fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari li għamel hu stess li din l-informazzjoni relatata mas-servizz ta’ sigurta’, hija strettament kunfidenzjali minħabba raġunijiet ovvji ta’ sigurta’.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – impjegati bit-telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bit-telework approvat mis-Segretarju Permanenti sal-5 ta’ Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant li sa 5 ta’ Ġunju 2013 kien hemm 7 impjegati tal-Faċilità li kienu jaħdmu bit-teleworking.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – impjegati bit-telework

Question

Jista’ l-Ministru jispjega b’liema jedd l-Acting Director (is-Sur Camilleri) tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ftit jiem ilu (u ċjoè fl-ewwel jiem ta’ Ġunju 2013) ordna lill-impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li kienu bit-telework approvat biex dawn “jew iwaqqfu t-teleworking jew jitilqu ’l hemm”? Jaf il-Ministru li dan l-istess Acting Director qalilhom li hekk ġie ordnat “minn fuq”? Ma jħossx il-Ministru li dan ma jaqbilx ma’ dak li ddikjara l-Gvern fid-diskors tal-President ta’ April 2013 fejn qak li se jkun favur family friendly measures?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħadd mill-ħaddiema tal-Faċilità ta’ Kordin effetivament ma twaqqaf milli jaħdem bit-telework.

Sptar Mater Dei – preżenza tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-Gvern ittermina l-extra duty ta’ madwar 50 membru tal-Korp tal-Pulizija mill-Isptar Mater Dei, li fisser it-telf ta’ bejn €500 u €1,000 fix-xahar għal kull wieħed minnhom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi s-servizz ta’ extra duty isir fuq talba ta’ terzi, f’dan il-każ l-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei. Għaldaqstant ġentilment nissuġerrixi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta ġiex ippreżentat lilu skont it-termini stabbiliti fl-artiklu 34 tal-Kap. 499? Jekk fl-affermattiv jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk fin-negattiv, jista’ jispjega għalfejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ir-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta ilu ‘l fuq minn 5 xhur li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5606.

Residenza San Vinċenz de Paul – security guards

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3184 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2887 tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-grad tas-security guard jew security guards li ġie/ġew trasferit/i għal mas-security officers fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-aħħar elezzjoni? X’kien/u jagħmel/jagħmlu qabel ġie/ġew trasferit/i bħala security guard?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-grad tal-impjegati li ġew ittrasferiti għal mal-uffiċjali tas-sigurtà tal-SVPR minn wara l-elezzjoni ‘l hawn huma żewġ persuni li kienu nursing aides, persuna li kienet care worker u oħra li kienet health assistant kitchen.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – line votes

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa stmat li hu meħtieġ bħala allokazzjoni finanzjarja addizzjonali taħt il-line votes tal-personal emoluments tal-vot tal-Ministeru u tal-vot tad-Dipartiment sabiex jitħallsu r-renumerazzjonijiet kollha tal-ħaddiema sal-aħħar tas-sena?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – direttiva

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha ma jistgħux jitkellmu mal-media jekk l-ewwel ma jagħmlux kuntatt mal-uffiċjali inkarigati mill-komunikazzjoni fil-Ministeru tagħha? Ma taħsibx li din id-direttiva qed tnaqqsas mill-ħidma ta' għarfien fuq issues soċjali li kienu jagħmlu minn jeddhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali direttiva hija biss maħsuba biex ikun hemm kordinament bejn l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru mmexxi minni, anke fejn għandu x’jaqsam ir-relazzjoni mal-midja. Għaldaqstant din id-direttiva tgħin u mhux ixxekkel lill-entitajiet biex ikollhom relazzjonijiet aħjar mal-midja.
Leg 12 PQ #5260 Sitting 99 2013-12-03 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li għandu fil-Ministeru għal Għawdex jew ma’ xi wieħed mid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu, il-kwalifiċi tal-istess konsulenti, u l-pakkett finanzjarju ta’ kull konsulent? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta’ dawn il-konsulenti?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2429.