Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħatrux supervisory boards a termini tal-artiklu 39 tal-Kap. 499 u, jekk fl-affermattiv, jgħid min huma l-membri ta’ kull bord rispettiv u kemm qed jitħallsu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5605.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed iħoss il-bżonn illi jagħmel micro-management fis-settur tat-toroq u t-trasport billi saħansitra jinżel jiddirieġi t-traffiku jew jagħti ordnijiet lill-ħaddiema fuq il-lant, minflok ma jagħmel użu aħjar mill-bord u l-management ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma ġie iddikkjarat fir-rapport tat-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-istat ta’ toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra urew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern preċedenti.
Għaldaqstant, nassigurah li iktar għandu għax jinkwieta jekk ma ninvolviex ruħi b’mod dirett fuq oqsma daqshekk importanti bħalma huma s-setturi ta’ toroq u transport, li jolqtu lil kull ċittadin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ninfurmuh ukoll li għandi fiduċja sħiħa fil-bord u l-
management
ta’ Transport Malta li qed jagħtu kontribut siewi fit-tmexxija tal-istess Awtorità.
Transport Malta — Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art – uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-uffiċċji tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fi ħdan Transport Malta peress illi dawn jinsabu fi stat mhux adegwat għall-użu u l-ħtiġijiet tal-lum, u jekk hux bi ħsiebu jwettaq il-pjan li kellha Transport Malta għal dawn l-uffiċini qabel ma nbidel il-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel l-għeluq tas-sena 2013, Transport Malta ser toħroġ sejħa pubblika għal kirjiet ta’ uffiċini adegwati għall-użu u ħtiġijiet ta’ numru ta’ direttorati ta’ l-istess Awtorita’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, peress illi dan l-aħħar iddikjara illi Transport Malta se tidħol ukoll għar-responsabbiltà tal-manutenzjoni ta’ toroq li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, Transport Malta hix se tassumi wkoll ir-responsabbiltà legali għal danni kkaġunati minn nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ dawn l-istess toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mill-pjan ta’ sigurta’ fit-toroq, Transport Malta se tkun qed tassisti lill-Kunsilli Lokali bil-manutenzjoni ta’ ċerti toroq. Ir-responsabbilta’ tat-toroq residenzjali, inklużi dawk li tkun intervjeniet Transport Malta fuqhom, se tibqa’ tal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux biħsiebu jissostittwixxi numru ta’ ħaddiema li ġew jew se jiġu trasferiti minn Transport Malta għal ma’ entitatjiet jew ministeri oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ fejn ikun hemm ħaddiema li jkollhom ikunu trasferiti minħabba l-eżiġenzi tas-servizz, kull każ jittieħed skont il-mertu tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali tal-Kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex, kunsill b'kunsill? Jista' jgħid kemm ilhom jagħtu dan is-servizz lill-kunsilli lokali rispettivi u kemm huwa l-ħlas għal dan is-servizz?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-konsulenti legali tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex kunsill b'kunsill bejn is-sena 2004 u s-sena 2008? Jista’ jgħid kemm kien il-ħlas tagħhom għal dan is-servizz?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Marsa – Spencer Hill — manutenzjoni ta’ Manhole covers
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4680, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi numru ta’ manhole covers fit-triq li tagħti minn Spencer Hill għall-Menqa, liema manhole covers saru ġodda ftit xhur ilu, għadhom laxki u jagħmlu ħsejjes kbar meta ssuq fuqhom, u dan minkejja diversi rapporti li saru f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitranġaw dawn il-manhole covers mill-kuntrattur li għamel ix-xogħol minħabba li dan ix-xogħol għadu kopert mill-garanzija. L-Onorevoli Interpellant jista jserraħ rasu li ser nagħmel minn kollox biex ma jiġriex bħal ma ġara fil-każ ta’ Triq Melita fil-Belt Valletta. Infakkar li f’dak il-proġett, minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni preċedenti ma ħadetx il-passi meħtieġa sabiex il-kuntrattur jirranġa ix-xogħol ħazin li kien sar fiż-żmien li kien kopert mill-garanzija, tali xogħol kellu jerġa jsir bi ħlas minn flus il-poplu bi spiża ta’ aktar minn Eur100,000 .
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4684, peress li l-Ministru aċċenna illi kien hemm dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadhiex responsabilità tal-istess persuna li kienet responsabbli minnu taħt l-amministrazzjoni preċedenti liema persuna ngħatat, taħt l-amministrazzjoni preżenti, il-promozjoni għal direttur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-koordinazzjoni tal-proġett tal-MODUS għadu taħt ir-responsabbilta’ tal-istess persuna iżda issa din il-persuna qed titħalla tieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn b'mod liberu u skont il-proċeduri stabbiliti. Ninfurmuh ukoll li l-gvern preżenti japprezza bis-sħiħ l-importanza ta' dan il-proġett tant li din il-persuna ngħatat l-għajnuna ta' perit u draughtsman li jiffukaw bi priorita' fuq dan il-proġett.
Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u Road Safety
Question
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru l-perit li d-dettalji dwarha qed jntbagħtu separatament stqarret li l-Ministru u ċ-chairman ta' Transport Malta tant jirrikonoxxu l-problema tat-traffiku li ħolqu d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u Road Safety, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Att dwar l-Awtorità tat-Trasport li juri l-inklużjoni ta' dan id-direttorat il-ġdid u fl-istess waqt jgħid x’sar minnu t-Traffic Management Unit li kien diġà eżistenti u jaħdem qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li t-Traffic Management Unit kien ġie abolit mill-Integrated Transport Strategy Directorate fl-aħħar tas-sena 2008. Id-Dipartiment tal-Immaniġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq reġa ġie stabbilit u huwa l-pjan tal-Awtorita’ li dan id-dipartiment jevolvi f’Direttorat sabiex ikun jista jaqdi aħjar u b’mod aktar professjonali din il-funzjoni ewlenija li għanda l-Awtorita’.
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru l-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament stqarret li l-Ministru u ċ-chairman ta' Transport Malta tant jirrikonxxu l-problema tat-traffiku li ħolqu d-Direttorat speċifiku u li kien hemm investiment qawwi anke fir-riżorsi umani, jista' l-Ministru jagħti l-isem, kunjom u kariga/grad ta' kull persuna fi ħdan dan id-direttorat il-ġdid u l-isem, kunjom u kariga ta' kull persuna fi ħdan il-Unit tal-Immaniġjar tat-Traffiku li kien hemm qabel ma dan - skont il-perit - sar direttorat, u ċjoè meta kien għadu jifforma parti mit-Transport Strategy Directorate?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ma kienx hemm Traffic Management Unit fl-Integrated Transport Strategy Directorate. It-Traffic Management Unit kien ġie abolit mill-Integrated Transport Strategy Directorate fl-aħħar tas-sena 2008.
Transport Malta — Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku u Road Safety – kors ġewwa Singapor
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' min huma ż-żewġ impjegati fl-hekk imsejjaħ Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku u Road Safety fi ħdan Transport Malta li qed jattendu/attendew kors ta' ġimagħtejn ġewwa Singapor? Jista' jagħti dettalji ta' kif intagħ¿lu dawn l-impjegati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta' dawn l-istess impjegati? Jista' jagħti dettalji ta' kemm se jiswa l-kors għaż-żewġ impjegati, kemm jiswew il-biljetti tal-ajru, l-akkomodazzjoni u s-subsistence? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja tal-programm ta' dan il-kors?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li persuna waħda biss mid-Dipartiment għall-Immanniġġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq marret kors ta’ġimgħatejn ġewwa Singapore u din kienet il-Perit Audrey Testaferrata de Noto. Il-Perit Audrey Testaferrata de Noto intagħżlet għax hija Traffic Engineer kwalifikata fi Transport Malta. L-ispejjeż għal dan il-kors kienu biss għall-biljett tal-ajru li sewa €930 u għal subsistence ta’ €409. Minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data, ma nħossx li huwa etiku li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV ta’ din il-persuna. Wara kollox l-Onorevoli Interpellant jaf sewwa il-kapaċitajiet ta’ din il-Perit li kienet ukoll tagħmel parti minn Transport Malta taħt Gvern Preċedenti. Id-differenza hija biss li taħt l-amministrazzjoni preċedenti din il-persuna ma kienitx titħalla taħdem, mentri illum qed titħalla tagħmel xogħolha bla ebda tkixkil u indħil. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm tal-kors.
B'referenza għall-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru u dak li stqarret il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni, fid-dettall, tal-ispinta qawwija f'dawn l-aħħar ftit xhur li ngħatat lill-proġetti tal-junction tal-Marsa u l-Kappara? Jista' jispjega r-riżultat ta' din l-ispinta qawwija hekk kif stqarret il-perit fl-istess programm u fl-istess waqt jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li kien sar fuq dawn iż-żewġ proġetti qabel Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa qabel Marzu 2013, il-proġett dwar il-junction fil-Marsa kien biss fi stadju ta’ kunċett skematiku li kien jifforma parti mir-rapport li kien sar mill-kumpanija ta’ konsulenti Francizi BCEOM fl-2004 dwar it-toroq arterjali ta’ Malta. Dan id-disinn preliminari kien jinkludi roundabout f’dan l-inkroċju tat-toroq bi triq elevata fuqha.
Minn wara Marzu 2013 saru disinji ġodda fejn qed jiġi propost li f’din il-junction it-traffiku jkun kontinwu. Bħalissa qed isir il-koordinament mal-entitajiet tas-servizzi, kif ukoll konsultazzjoni mal-MEPA. Apparti tibdil fit-toroq se jkun hemm ukoll riġenerazzjoni taż-żona biex iż-żoni sportivi li hemm fil-viċinanzi jkunu aktar aċċessibbli. Dawn l-istudji u d-disinji l-ġodda qed isiru mill-impjegati ta’ Transport Malta.
Fil-rigward tal-proġett tal-inkroċju tal-Kappara, sa qabel Marzu 2013, ma kienx fi stadju avvanzat u fil-fatt il-permess tal-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar, li kien l-aktar parti mportanti w kruċjali tal-proġett, inħareġ f’Awissu 2013. Iż-żewġ aspetti l-oħra li kienu mportanti ħafna għal dan il-proġett kienu li tinħareġ it-tender sabiex isiru x-xogħlijiet u l-applikazzjoni għall-fondi. Fil-fatt, bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex tinħareġ it-tender u ssir l-applikazzjoni għall-istess fondi, liema applikazzjoni ser tiġi sottomessa fiż-żmien qarib.
Sptar Mater Dei – Każijiet ta’ serq ta’ oġġetti, flus u mediċini — rapporti lill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista sħiħa ta’ rapporti li saru lill-Pulizija dwar serq jew miżapproprijazzjoni ta’ oġġetti, flus, mediċini, materjali jew affarijiet oħra mill-Isptar Mater Dei minn Jannar 2013 sal-lum? F’kull każ jista’ l-Ministru jgħid:
a) X’kien l-oġġett misruq u/jew miżapproprijat;
b) X’valur għandu l-oġġett;
c) Meta rriżulta n-nuqqas tal-oġġett;
d) Meta sar ir-rapport lill-Pulizija;
e) X’azzjoni ttieħdet mill-management fil-konfront tal-impjegati?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost il-Kumitat tal-Appell dwar il-Lista Formularja tal-Gvern u jagħti resumé fil-qosor tal-esperjenza u l-kwalifiki tal-persuni appuntati?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab f’mistoqsija parlamentari 6288.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ chairpersons kliniċi kollha tad-Dipartiment fl-Isptar Mater Dei u jagħti resumé fil-qosor tal-esperjenza u l-kwalifiki tal-persuni appuntati?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ Clinical Chair Persons bid-dati ta’ meta ġew appuntati. L-informazzjoni mitluba dwar kwalifiki u esperjenza ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data.
Dipartiment tal-Kardjoloġija — qasma fid-dipartiment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma kienx ikkonsultat iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija dwar il-qasma tad-Dipartiment tiegħu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
It-tehid ta’ deċiżjonijiet bħalma dak li qed jistaqsi dwarha l-Onor. Membru rrid jeħodha l-Gvern li segwa l-parttiċi użati sa issa mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Dipartiment tal-Kardjoloġija – Qasma fid-Dipartiment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jibqa’ għaddej bil-qasma tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija, minkejja li disa’ mill-ħdax-il konsulent fl-istess Dipartiment huma kontra din il-qasma?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Waqt li nifhem il-pożizzjoni li ħadu uhud mill-konsulenti fuq il-qasma bejn iż-żewg dipartimenti msemmija f’din il-mistoqsija, l-onorevoli Membru għandu jifhem li din id-deċiżjoni ttieħdet fl-aħjar interess tal-pazjent. Jista’ jserraħ rasu li f’kull deċiżjoni li jieħu dan il-Gvern marbuta mal-Isptar Mater Dei u s-servizz li jingħata fih, dejjem iġib l-ewwel l-interess tal-pazjent.
B’referenza għal dak li stqarr waqt il-konferenza marbuta mar-rapport tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma komposti l-bordijiet tal-investigazzjoni li waqqaf u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittri tal-ħatra tal-istess bordijiet?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Il-Bordijiet ta’ investigazzjoni għadhom ma konkludix l-investigazzjonijiet tagħhom.
F’dan l-istadju dik it-tip ta’informazzjoni mhux se tingħata sabiex ma jiġix frustratt il-proċess billi qiegħed fi’stadju sensittiv.
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-etajiet tal-pazjenti li jużaw l-Ispiżjara tal-Għażla Tiegħek, fil-kategorija li ġejjin:
a) Inqas minn 25 sena;
b) Bejn 26 u l-40 sena;
c) Bejn il-41 u s-60 sena;
d) Bejn il-61 u s-70 sena;
e) Bejn il-71 u t-80 sena;
f) Aktar minn 80 sena?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l- breakdown tal-etajiet tal-pazjenti li jużaw l-Ispiżjara tal-Għażla Tiegħek, fil-kategorija fis-26 ta’ Novembru 2013 huwa kif ġej:
a)
Pazjenti inqas minn 25 sena
6,380
b)
Pazjenti ta’ 25 sena
368
c)
Pazjenti bejn 26 - 40 sena
7,584
d)
Pazjenti bejn 41 – 60 sena
33,761
e)
Pazjenti bejn 61 – 70 sena
34,533
f)
Pazjenti bejn 71 – 80 sena
21,248
g)
Pazjenti aktar minn 80 sena
10,981
TOTAL ta’ pazjenti
114,855