Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kemmuna – Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux vera li fuq Kemmuna hemm erba’ pulizija li ġew stazzjonati hemm fl-aħħar ġimgħat? Jista’ jgħid minn liema branka jew distrett ittieħdu biex ġew stazzjonati fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dawn l-erba’ pulizija qed jaħdmu bix-shift ta’ day, night, rest u off?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li minn Mejju ta’ din is-sena, in-numru ta’ pulizija stazzjonati Kemmuna kien tela’ minn 2 għal 4. Din iż-żieda saret minn pulizija li kien jservu Għawdex stess. Dawn qed jaħdmu fuq xift ta’ gurnata day, gurnata night u wara jieħdu rest u off.

Korp tal-Pulizija — Kavallerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel tal-Kavallerija fil-preżent? Jista’ jgħid kemm hu l-baġit allokat għal din is-sezzjoni partikolari? Kemm minn dawn iż-żwiemel huma meqjusa bħala rtirati? Kemm kienu l-Pulizija li ġew trasferiti lejn is-sezzjoni tal-Kavallerija wara l-10 ta’ Marzu li għadda? Jista’ jgħid fuq liema kriterji jew meritokrazija dawn il-Pulizija ġew trasferiti lejn is-sezzjoni tal-Kavallerija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija għandha 18–il żiemel, li 2 minnhom huma irtirati. Din it-Taqsima ma jkolliex baġit allokat espressament għaliha, però hija finanzjata mil-baġit tal-Korp in ġenerali skont il-ħtiġijiet li jkollha bżonn. Infurmat ukoll illi wara l-10 ta’ Marzu kien hemm 4 membri tal-korp li ġew stazzjonati f’din l-istess taqsima, wara li dawn kienu għamlu talba sabiex jiġu stazzjonati hemm u l-eżiġenzi tas-servizz hemm kienu jirrikjedu.

Security Service – Impjegati b’edukazzjoni terzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, b’referenza għall-intervista li hu ta lit-Times irrapurtata fid-9 ta' April 2013, b'mod partikolari għall-parti fejn hu kkwotat jgħid dwar is-Security Service "Dr Mallia said he would insist that recruits had a tertiary level of education. It was unacceptable that some people were unable to write a report. Ideally, members of the service should have a background of international studies to enable them to analyse what was happening abroad. The service also needed people versed in legal affairs and in financial matters for investigation of money laundering", kemm minn dawk li ġew trasferiti lejn is-Security Service mill-20 ta' Marzu 2013 għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni, sfond ta' studji internazzjonali, sfond legali jew servizzi finanzjarji?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà l-Onor. Interpellent kien infurmat kemm-il darba, informazzjoni dwar is-servizzi tas-sigurtà hija strettament kunfidenzjali minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

traffic light counts

Question

B'referenza għall-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru u dak li stqarret il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-traffic light counts kollha li saru ġewwa Malta mis-sena 2008 sal-lum, sena b'sena? Jista' jpoġġi wkoll kopja tal-analiżi li saret wara kull traffic light count, għall-iskop ta' fine-tuning, improvement, maximisation u effiċjenza tal-junctions innifishom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur, Transport Malta kienet kontinwament qed tagħmel moniteraġġ tas-sistemi tat-traffic lights kif ġej: · Kull sitt xhur jinqaleb il-ħin tal-programm skont il-ħin uffiċċjali tal-pajjiż · Kull sitt xhur jiġi ċċekkjat il-programm li għadu qed jaħdem sew skont kif programmat · Kull meta jkun hemm ħsara f’xi sistema ta’ traffic lights dawn jerġgħu jiġu pprogrammati mill-ġdid malli l-ħsara tkun issewwiet · Kull meta jkun hemm qtugħ ta’ dawl li jdum aktar minn sagħtejn, il-precision clock tas-sistema tat-traffic lights taqa’ default u għaldaqstant il-programm irid jerġa’ jitranġa · Fejn ikun hemm traffic light junctions li ma jkunux qed ilaħħqu mad-domanda tat-traffiku, jittieħdu traffic queue length counts li jiggwidaw lill-Awtorità dwar l-aġġustamenti li jkun hemm bżonn fil-programm sabiex il-junction taħdem b’mod aktar effiċjenti. Kien hemm tlett traffic light junctions fejn ġie emendat il-programm. Dawn kienu: · Vjal Santa Luċija k/m Vjal Sir Paul Boffa k/m Vjal il-Labour, Marsa · Imdina Road k/w Triq Mrieħel, Birkirkara · Triq Għar Dalam k/m Triq Marsaxlokk, Marsaxlokk Dawn l-emendi saru wara li ttieħed l-ewwel traffic queue length count sabiex jiġi identifikat sewwa d-daqs tal-problema u fejn kien hemm reserve capacity li setgħet ntużat. Il-ħinijiet tat-traffic lights ġew imnaqqsa fejn kien hemm reserve capacity u ġew miżjuda fejn kien hemm overcapacity. Sussegwentament dawn l-emendi ġew ikkonfermati meta reġgħu saru t-tieni queue length counts u ġew imqabbla ma’ ta’ qabel fejn urew progress. Dan il-progress qiegħed jiġi muri f’tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – kampanji edukattivi favur modal shift

Question

Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru, il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament semmiet li barra l-programmi infrastrutturali hemm bżonn ta' modal shift, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar jekk Transport Malta għandhiex ippjant kampanji edukattivi li jħeġġu lill-pubbliku juża mezzi alternattivi ta' trasport flok vetturi privati u fl-istess ħin jgħid x’inhi l-viżjoni u l-istrateġija ta’ Transport Malta biex jintlaħaq dan il-modal shift?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-viżjoni u l-istrateġija ta’ Transport Malta biex jintlaħaq il-modal shift hija kif ġej: Li jiġu pprovduti rotot tat-trasport pubbliku li jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini L-aktar aspett importanti li tippromwovi l-modal shift huwa li jiġu pprovduti rotot tat-trasport pubbliku li jaqdu l-ħtiġijiet tal-poplu li qed jagħmel użu minnhom. Għaldaqstant, Transport Malta, flimkien mal-Ministeru għat-Trasport għamlu studju serju u konsultazzjonijiet estensivi sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fir-rotot eżistenti u sabiex jiġu identifikati r-rotot li għandhom bżonn iċ-ċittadini. Dawn l-istudji u konsultazzjonijiet wasslu għat-tfassil ta’ rotot ġodda u diversi emendi fir-rotot eżistenti. Li l-infrastruttura neċessarja għall-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku tkun aċċessibbli għal kullħadd L-infrastruttura tas-servizz tat-trasport pubbliku ġiet mibnija sabiex tilħaq il-bżonnijiet ta’ persuni anzjani, persuni b’diżabbiltà u sabiex tkun komda għal kull min jużaha. Dan sar billi ġie ntrodott tactile paving u l-qisien u l-wisgħat tal-infrastruttura huma skont standards internazzjonli. Li l-infrastruttura, fejn possibbli, tkun li tagħti prijorità lit-trasport pubbliku fit-toroq Kull fejn kien possibbli, ġew introdotti l-bus lanes u kien hemm bus lanes eżistenti li ġew mtejba sabiex tingħata prijorità lit-trasport pubbliku. Uħud minn dawn il-bus lanes se jiġu attrezzati b’sistemi ta’ Intelligent Traffic Management sabiex ikun aktar faċli u sikur li xarabank toħroġ minn fuq bus lane. Li t-tfassil tal-parkeġġ fit-toroq pubbliċi jkun jippromwovi l-użu ta’ sistemi tat-trasport alternattiv għal vjaġġi lejn u mill-postijiet tax-xogħol Il-polza tal-Immanniġġjar tal-Parkeġġ fit-Toroq Pubbliċi se tipproponi miżuri li jippromwovu l-użu tat-trasport pubbliku u drawwiet aktar ambjentalment sostenibbli bħal car pooling. Li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jagħmlu l-aħjar użu mis-servizz tat-trasport pubbliku L-aktar kampanja edukattiva li tippromwovi l-modal shift se tkun dik li tħabbar u tispjega r-rotot il-ġodda li verament għandhom bżonn iċ-ċittadini sabiex jinqdew tajjeb bit-trasport pubbliku. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha programm edukattiv li jsir fl-iskejjel tat-tfal li jippromwovi l-użu tar-roti bħala mezz alternattiv ta’ trasport li huwa wkoll ambjentalment sostenibbli. L-Awtorità għandha wkoll kompetizzjoni għat-tfal li se tiffoka fuq l-użu tat-trasport pubbliku bħala mezz ta’ trasport alternattiv u l-vantaġġi tiegħu.
Leg 12 PQ #6190 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Baġit 2014 – billboards – spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew lill-kaxxa ta’ Malta l-billboards li saru biex jirriklamaw il-miżuri tal-baġit? Jista’ jgħid mingħand min inkrew il-billboards, u għand min sar ix-xogħol tal-produzzjoni u l-istampar? Jista’ jgħid jekk ħarġux sejħiet pubbliċi għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet, u jekk le, għaliex?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Baġit 2014 – billboards – permessi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess illi ħarġet Transport Malta għat-tqegħid tal-billboards li qed jirriklimaw il-miżuri tal-baġit?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6180.

Maritime Superviory Committee — membri

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5605, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri tal-Maritime Superviory Committee u xi kwalifiċi akkademiċi għandhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Maritime Supervisory Committee huma persuni li għandhom il-kwalifiċi u esperjenza vasta fis-settur marittimu.

Land Transport Supervisory Committee — membri

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5605, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri tal-Land Transport Supervisory Committee u xi kwalifiċi akkademiċi għandhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Land Transport Supervisory Committee huma persuni li għandhom kwalifiċi u/jew esperjenza vasta fis-settur tat-trasport fuq l-art.
Leg 12 PQ #6295 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Kunsill tal-Ispiżjara – Qualified Persons

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ qualified persons liċenzjati taħt il-Kunsill tal-Ispiżjara?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ qualified persons irreġistrati taħt il-Kunsill tal-Ispiżjara.
Leg 12 PQ #6296 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Xiri ta’ Mediċina — Suppliers

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ suppliers li mingħandhom il-Gvern xtara mediċini u b’kemm xtara kull sena għall-perijodu bejn 2008 u 2013, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ suppliers li mingħandhom il-Gvern xtara mediċini mis-sena 2011-2013 qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-estrapolazzjoni tal-informazzjoni għall-perijodu ta’ qabel (2008-2010) qed jiġi diskuss mas-software service provider minħabba l-fatt li s-sistema kompjuterizzata kienet nbidlet.
Leg 12 PQ #6305 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – applikazzjoni għall-post ta’ Principal Scientific Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ Principal Scientific Officer fil-Ministeru għas-Saħħa ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fid-19 ta’ Lulju 2013 ġiet ikkanċellata u reġgħet inħarġet sejħa oħra identika għall-istess post nhar it-22 ta’ Novembru 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li minħabba żball klerikali fis-sejħa ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tad-19 ta’ Lulju 2013, li minħabba fih is-sejħa ġiet effetivament waħda miftuħa biss għal Uffiċjali Pubbliċi. Wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, ġie kjarifikat li s-sejħa kellha terġa’ tinħareġ bir-rekwiżiti skont il-Ftehim Settorjali għall-Klassi Xjentifika. Dan sar bil-kundizzjoni li min kien applika taħt is-sejħa preċedenti ma kellux għalfejn jerġa’ japplika.

Il-Qawra — kumpess sportivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'komunikazzjonijiet kellu l-Ministeru, mingħand il-Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar, għal dak li jirrigwarda l-kumpless sportiv tal-Qawra, u dwar il-fatt li l-art inkwistjoni ngħatat lura lid-Diviżjoni tal-Artijiet? Jista' fl-istess waqt jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikulari dwar dan ix-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-anqas żviluppi partikolari dwar dan ix-xogħol.

San Pawl il-Baħar — skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma li diġà saru diskussjonijet mal-privat biex l-iskola primarja tal-Gvern ta' San Pawl il-Bahar tgħaddi għand il-privat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex xi rakkmandazzjonijiet partikulari dwar din il-possibilità mingħand is-settur privat u mingħand il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ma saru l-ebda diskussjonijiet biex l-iskola primarja tal-Gvern ta' San Pawl il-Baħar tgħaddi għand il-privat u ma saret l-ebda rakkomandazzjoni mis-settur privat f'dan is-sens.

Il-Qawra — Għassa tal-Pulizija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar xogħol ta' tisbiħ fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra? Minn min sar dan l-istess xogħol? Kemm sewa?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Kif diġà spejgajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5455, l-aħħar li sar xogħol ta’ manutenzzjoni u tisbih fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra kien matul din is-sena. Dan sar mill-membri tal-Korp stess, għaldaqstant l-ispiża kienet tinvolvi biss il-materja prima.
Leg 12 PQ #6400 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — sit elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kunsill lokali partikulari jistax jirrifjuta li jaċċetta bħala membru fuq is-sistema elettronika tiegħu lil xi residenti partikulari? X'passi jista' jieħu membru tal-komunità ta' lokalità partikulari jekk dan jiġri? Fejn jista' jirrpporta tali abbuż?

Response (VELLA, KARMENU)

Kull ċittadin għandu dritt jaċċessa sit elettroniku. Min-naħa tagħha l-persuna għandha tuża tali aċċess skont kif tippermettilu l-liġi. Jekk l-Onor. Interpellant hu konxju ta’ xi każ partikolari nistiednu jgħaddieli l-informazzjoni ħalli d-Dipartiment għall-Gvern Lokali jkun jista’ jinvestiga.
Leg 12 PQ #6401 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ix-Xemxija — estensjoni tal-bajja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'pożizzjoni ħa l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar għal dak li jirrigwarda l-estensjoni tal-bajja tax-Xemxija? X'rappreżentazzjonijiet saru sa issa dwar din il-proposta, dejjem mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li rappreżentanti tal-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, infurmaw lill-Kunsill dwar il-pjani maħsuba. Infurmat li fid-diskussjonijiet il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar wera d-diżapprovazzjoni tiegħu li jsir multi storey car park fil-viċinanzi tal-Ġnien Olimpiku jew f’xi soft areas oħra fl-istess inħawi.
Leg 12 PQ #6402 Sitting 101 2013-12-10 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

San Pawl il-Baħar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar f'liema nħawi tal-kampanja (non urban areas) għamel xogħol il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar matul din is-sena, kemm għal dak li jirrigwarda qtugħ ta' ħaxix jew arbuxelli, kif ukoll għal dak li jirrigwarda xogħol ta' infrastruttura?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar nieda xogħol ta’ qtugħ ta’ ħaxix f’diversi toroq fil-Wardija, l-Imbordin, San Martin, il-Bidnija, il-Qawra u Burmarrad. Intant għadu ma sarx xogħol ta’ infrastruttura.

Benefiċċju tal-qagħad – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6141, tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu peress li kien jaħdem full-time self-employed iżda għal xi raġuni tniżżel li qiegħed jaħdem part-time minkejja li kien iħallas bolla ta’ full-time u issa għandu problema sabiex jieħu l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ħal Qormi — lift f'appartamenti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4954 u tara li jibda x-xogħol fuq il-lift fl-appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament peress li minkejja li r-residenti ilhom li applikaw mis-sena 2008 u għandhom il-permessi approvati x-xogħol għadu ma bediex? Tista' tara li din is-sitwazzjoni tiġi riżolta minħabba l-fatt li hemm numru ta’ anzjani u nies oħra li qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.