Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta’ għajnuna finanzjarja sabiex studenti li l-ġenituri tagħhom jinsabu qiegħda u jixtiequ jagħmlu l-eżamijiet tal-O’Levels, titħallsilhom il-miżata relatata?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta student ikollu ġenituri li jinsabu qiegħda l-ħlas tal-eżamijiet tac-CES, tal- Matrikola u tal–ECDL kif ukoll il-miżata amministrattiva jiġu eżentati minn kull ħlas. Dan japplika għal dawk li jkollhom benefiċċju ta’ qagħad jew benefiċċju speċjali ta’ qagħad kif ukoll għal dawk li jkunu fuq xi tip ieħor ta’ benefiċċju soċjali.
Jekk studenti japplikaw għall-eżamijiet fil-perjodu ta’
late applicants
, f’dak il-każ jiġu eżentati milli jħallsu l-miżata tas-suġġett kif ukoll il-miżata amministrattiva, imma jridu jħallsu l-miżata tal-
late application
li tammonta għal €46.59.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq kont tad-dawl li jmur lura sal-2005 iżda ġie mitlub jħallas bir-rati tal-lum?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd għamlet kuntatt mal-klijent fejn dan ġie infurmat illi l-każ tiegħu ġie riferut għal Water Services Corporation Advisory Board sabiex dawn jirrevedu l-każ tiegħu u tittieħed azzjoni hekk kif meħtieġ skont l-esiġenzi tal-każ innifsu.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6140, jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata din il-persuna peress li l-problema tagħha mhix fuq il-pensjoni ġenerali iżda fuq żmien partikolari?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninsab infurmat illi l-pensjoni kienet ġiet mnaqqsa skont kif kienet tgħid l-Ordinanza tal-Pensjonijiet Kap 93. fiż-żmien imsemmi.
Pulizija li spiċċa b’servizz komplut imma ma kellux 55 sena eta’ ried jinforma lit-Teżor jekk ikollu mpjieg u jekk bejn il-pensjoni mhux ikkomutata u l-impjieg li sab wara li rtira, id-dħul tiegħu jaqbiżx is-salarju li kieku baqa’ Pulizija. Id-dħul żejjed jitnaqqas mill-Pensjoni kif fil-fatt ġara.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif intefqu is-€652.80 li hemm imsemmija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6225? Jista' jagħti tagħrif dwar min għamel ix-xogħol, x'materjal intuża, min ipprovoda l-materjal, u kemm ħaddiema ntużaw f'dan l-istess xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħlijiet saru mill-Kuntrattur tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, B. Grima & Sons Limited. Il-materjal li kien użat kien zebgħa u kien provdut mill-istess Kuntrattur. Il-ħaddiema li kien hemm huma propju l-impjegati tal-Kuntrattur imsemmi.
San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajjada - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol sar matul dawn il-jiem, fi Triq Toni Bajjada, San Pawl il-Baħar? Min għamel dan ix-xogħol? X'materjal intuża u kemm intuża minn dan l-istess materjal? Kemm-il vjaġġ bil-materjal kellu jsir? Il-materjal li tneħħa qabel ingħata l-konkos fejn inxteħet?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fi Triq Toni Bajada saru xogħlijiet ta’ patching mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar. Il-materjal li kien użat hu 22kgs ta’ konkos u tarmak u steel reinforcing rebars. Saru żewġ vjaġġi u l-materjal li tneħħa ġie meħud f’open skip.
proprjetà jew art tal-Gvern – Trasferiment lil NGOs
Question
Jista' l-Prim Ministru jelenka t-trasferimenti ta' proprjetajiet jew art tal-Gvern li saru lil NGOs bejn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza bi kwalsiasi titolu?
Jista' l-Prim Ministru jelenka l-guardianship deeds kollha li saru mill-Gvern dwar art jew proprjetà pubblika fl-aħħar leġi¿latura? Jista' jagħti dettalji ta' dati, lil min u dwar liema art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-guardianship deeds ma jsirux mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, għaldaqstant, l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-Segretarju Parlamentari responsabbli għad-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru tiegħu ma mexiex mal-liġi fil-ħatra tal-Animal Welfare Council – u b’mod partikolari ma mexiex mal-Artikoli 4 (1) (e) u 4 (3) tal-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta – fis-sens illi ma ħatarx iż-żewġ rappreżentanti magħżula mill-Animal Rights Coalition kif kienet il-prattika kostanti matul is-snin li għaddew? Jista’ jgħid x’passi se jittieħdu biex il-liġi tkun mħarsa? Jista’ f’kull każ jgħid x’rabta preċiża għandhom iż-żewġ persuni maħtura a tenur tal-Artikolu 4 (1) (e) ma’ animal welfare groups, f’liema għaqda jew għaqdiet huma attivi dawn l-istess persuni, u b’liema mod jassigura li jkun qed jimxi mar-rakkomandazzjoni tal-istess assoċjazzjonijiet jew gruppi, dejjem skont l-istess liġi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħatra tar-rapprezentanti fuq l-Animal Welfare Council saret skont Artiklu 4 (1) (e) u Artiklu 4 (3) tal-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta, fejn inħatru żewġ persuni li skont is-Segretarju Parlamentari jirrapreżentaw l-interessi tal-ħarsien tal-annimali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant ukoll li billi il-Gvern irid li l-Animal Welfare Council jiġi msaħħaħ, ser tiġi ukoll emmendata l-liġi sabiex jiżdiedu aktar membri fih.
Għajnuna lill-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jagħti xi tip ta’ għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta lil xi għaqda jew għaqdiet li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba jew għaqda jew għaqdiet li jirrappreżentaw lil dawk li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-għasafar? Jekk din l-għajnuna fil-fatt tingħata, għal kemm tammonta u għal-liema raġuni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li il-Ministeru qiegħed jipprovdi għajnuna finanzjara kemm lill-BirdLife (Malta) u kemm lill-FKNK. L-għajnuna lill-BirdLife (Malta) hija pprovduta permezz ta’ ftehim tal-immaniġjar għar-riservi naturali tas-Simar u tal-Għadira. L-ammont ta’ din l-għajnuna huwa ta’ 28,650 Ewro favur l-Għadira u 11,650 Ewro favur is-Simar, fis sena. Apparti dawn l-ammonti jingħata ukoll pagament in kind. Fil-każ tal-FKNK, l-għajnuna hija pprovduta ghall-disseminazzjoni ta’ informazzjoni regolatorja lill-kaċċaturi, sħubija f’organizazzjonijiet internazzjonali u parteċipazzjoni f’laqgħat. FKNK tircievi l-ammont ta' 10,000 Ewro fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti u ġew mixlija li nasbu illegalment għall-pluvieri (golden plovers) u għall-merilli (song trush) xahar b’xahar waqt l-istaġun li fetaħ fl-20 ta’ Ottubru 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi matul l-istaġun li fetah fl-20 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, kien hemm persuna waħda li nstabet tonsob illegalment għal-pluvieri (golden plover) f’Novembru, filwaqt li ma nstab ħadd li kien qed jonsob illegalment la għall merilli (blue rock trush) u lanqas għall malvizz (song trush).
Insib illegali fuq sponsuni – konfiska ta’ apparat mill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jikkjarifika x’inhu l-modus operandi tal-pulizija meta jiltaqgħu ma' siti fejn ikun qed jiġi minsub b’mod illegali l-isponsun? Il-pulizija qed tikkonfiska l-apparat u l-għasafar li jinqabdu b’dan il-mod? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-materjal konfiskat u d-dati meta ġew konfiskati? Jista’ jgħid x’sar mill-materjal u mill-isponsuni konfiskati?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi meta l-pulizija tiltaqa` ma’ siti fejn ikun qed isir insib illegali għal kwalunkwe għasfur tal-għana, inkluż l-isponsun, jittieħdu l-proċeduri skont il-liġi kontra il-persuna jew persuni li jkun qed jonsbu bi ksur tal-ligi. Fejn ma jinstab hadd fuq is-sit u ma jkunx magħruf min kien qed juża dak is-sit, l-għasafar, jekk ikun hemm, jiġu meħlusa dak il-hin stess fuq il-post u x-xbieki jinġabru u jiġu meqruda. Fil-każ li l-persuna tkun magħrufa, il-pulizija jżomm biss dak l-apparat li ma jkunx konformi mal-ligi. Dan l-apparat susegwentement jiġi esebit fil-proċeduri quddiem il-Qorti.
Qed inpoġġi lista ta’ oġġetti maqbuda mill-pulizija matul dan l-istagun li kienu bi ksur tar-regolamenti dwar kaċċa u nsib fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ liċenzji għall-insib f’Malta u Għawdex separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li waqt dan l-istaġun preżenti, l-insib huwa permess biss b’Liċenzja Speċjali għal żewġ speċi: il-pluviera u l-malvizz. Ninsab infurmat ukoll li hawn 916 liċenzja speċjali f’Malta u 248 liċenzja speċjali f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pulizija li jagħmlu rondi fil-kampanja fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata f’Malta u f’Għawdex matul il-perijodu li tapplika għalih din id-deroga? Jista’ jgħid kemm-il ronda saret xahar b’xahar f’Malta u Għawdex separatament mill-20 ta’ Ottubru sal-lum?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel ronda b’mod regolari f’ħinijiet differenti u għaldaqstant mhux possibli li wieħed jikkwantifika kemm saru.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ għasafar midruba li ntlaqgħu mill-pulizija, mill-awtoriitajiet responsabbli mill-ħarsien tal-annimali u mid-diviżjoni veterinarja tal-Gvern mill-1 ta’ Jannar sal-lum u x’kienet l-ispeċi tagħhom separatament? Jista’ jgħid x’kienet id-djanjosi tagħhom? Kemm minn dawn l-għasafar kienu vittmi ta’ kaċċa illegali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
proprjetà jew art tal-Gvern – trasferiment lil NGOs
Question
Jista’ l-Prim Ministru jelenka t-trasferiment tal-artijiet jew proprjetà tal-Gvern li saru lill-NGOs permezz ta’ riżoluzzjoni parlamentari fl-aħħar leġiżlatura, inkluż data, lil min ingħataw u x’proprjetà kellhom? Jista’ jagħti l-istess tagħrif għal-leġiżlatura 2003-2008?
Sptar Ġenerali t’Għawdex – Lift fil-Geriatrics Wards
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-lift li jwassal għal Geriatrics Wards fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li ilu wieqaf għal xi żmien u qed joħloq inkonvenjent lill-istess residenti, issirlu t-tiswija meħtieġa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninsab infurmat li dan il-lift se jissewwa kif jaslu l-parts minn barra minn Malta.
Rural Development Program for Malta 2014-2020 – fondi allokati
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6331, filwaqt li nifhem li bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020, peress li l-mistoqsija oriġinali ma kenitx qiegħda titlob lista tas-sejħiet għal proġetti u inizjattivi lil hinn mill-Partnership Agreement, iżda fid-dawl li hemm persentaġġ minimu ta’ kemm il-Gvern jista’ jalloka lil-local action groups, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun dan il-persentaġġ u allura kemm se jkunu l-fondi allokati lil-local action groups? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità Maniġerjali li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu hix se tkun qiegħda taċċetta li l-local action groups ikollhom il-fakultà li jadottaw miżuri li l-benefiċjarji tagħhom jkunu NGO, każini tal-baned, għaqdiet reliġjużi u għaqdiet sportivi fost oħrajn sabiex dawn ukoll jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-fondi sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet u jirranġaw il-każini u proprjetà tagħhom, fost attivitajiet oħrajn, sabiex b’hekk dawn l-għaqdiet ikomplu jkunu assistiti fl-operat tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ammont ta’ fondi allokat lill-Grupp ta’ Azzjoni Lokali sejjer ikun ta’5% ta’ l-ammont allokat għal programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Għadu prematur f’dan l-istadju li jingħataw aktar dettalji qabel ma’ jiġi ffinalizzat il-pjan ta’ strateġija fuq bażi lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fi Triq Wied il-Knejjes ġewwa Ħal Luqa peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u qiegħda tkun ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ din it-triq u dawk li jgħaddu minnha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa qed tippjana sabiex tkun tista’ toħroġ is-sejħa għat-tender għal dan ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex tissolva l-problema ta’ konġestjoni tat-traffiku li qiegħda tinġema’ fil-bidu ta’ Triq l-Imqabba, is-Siġġiewi, li tagħti għal Triq Mons, Mikiel Azzopardi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien ninsab infurmat illi l-Crash Barriers li twaħħlu f’parti minn Triq l-Imqabba u li dawn qed jikkawżaw konġestjoni tat-traffiku minħabba li dejjqu il-wisgħa tat-triq, ser jitneħħew iżda xorta ser jittieħdu miżuri ta’ sigurta’ fil-post.