Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Buskett – kaċċa illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tiġi pjanata sabiex tindirizza dik li tidher li hi problema dejjem tikber ta’ kaċċa illegali fil-Buskett?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-pulizija saħħet il-preżenza tagħha fl-inħawi tal-Buskett ankè billi ġew introdotti rondi mit-Taqsima tal-Kavallerija.

Il-Buskett – kaċċa illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tiġi pjanata sabiex tindirizza dik li tidher li hi problema dejjem tikber ta’ kaċċa illegali fil-Buskett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu dis-sena sabiex tiġi indirizzata l-kaċċa illegali kemm fil-Buskett kif ukoll f’żoni oħra magħrufa għall-isparar fuq tajr protett huma: - Iż-żieda fuq is-sorveljanza li rduppjat fir-rebbiegħa u l-ħarifa meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. - Ingaġġar ta’ aktar nies għas-sorveljanza fejn fil-qofol tal-passa ġew ingaġġati 4 uffiċjali mill-kavallerija tal-Pulizija. - It-twaqqif tal-Ispecialist Enforcement Branch tal-Wild Birds Regulation Unit. - Iż-żieda fil-penali b’seħħ minn Ottubru 2013 fejn il-penali għar-reati serji rduppjaw. Ninsab infurmat ukoll li fl-isforz sabiex jiżdied aktar l-infurzar qed tiġi diskussa proposta sabiex jitwaqqaf Wildlife Crime Investigation Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Avviż Legali Nru 79 – implimentazzjoni

Question

B’referenza għall-emendi l-ġodda għall-Avviż Legali Nru 79 tal-2006 permezz ta’ Avviżi Legali 341 u 403 tal-2013 li introduċew diversi miżuri fosthom sistema ta’ multi u tribunal li jirrevedi multi amministrattivi, jista’ l-Ministru jgħid kif din is-sistema se tkun qed taħdem? Jista’ jgħid kemm inħarġu multi s’issa u l-ammont ta’ kull waħda? Jista’ jgħid jekk sarx xi ftehim mal-Korp tal-Pulizija biex il-pulizija jingħataw taħriġ fit-tħaddim ta’ din is-sistema? Jista’ jgħid jekk it-tribunal bediex jaħdem, u jekk fl-affermattiv kemm-il seduta saret s’issa? Jista’ jgħid min huma l-membri ta’ dan it-tribunal?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskeda VIII żdiedet mar-Regolamenti b’lista ta’ reati żgħar suġġetti għal-multi amministrattivi, dment li tali reati ma jitwettqux flimkien ma’ fatturi oħra aggravanti, f’liema każ min iwettaq tali reati jitressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u jekk jinstab ħati jkun suġġett għal-multi speċifikati f’regolament 27 (2) u (3). Min jeħel multa amministrattiva jista’ jappella quddiem it-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva. L-emendi jispeċifikaw ukoll li qabel ma jitħallsu l-multi pendenti, l-liċenzja ma tkunx tista’ tiġedded. Din is-sistema hija amministrata mil-WBRU, permezz ta' kooperazzjoni mal-Pulizija, li jiskopru reati u jirreferu riferti għal ipproċessar mill-WBRU. Bejn il-25 t’Ottubru u l-11 ta’ Diċembru ngħataw 15-il multa amministrattiva, inkluż 14-il multa ta’ 250 Euro – il-waħda, u multa ta’ 500 Euro għal żewġ reati. L-emendi kollha msemmija ġew diskussi mal-istakeholders kollha f’dan is-settur, inkluż il-Pulizija. Fir-rigward ta’ multi amministrattivi mniżżla fi Skeda VIII, il-liġi tipprovdi għal-possibilta’ ta’ appell quddiem It-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva, mfassal taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap. 490). Ir-Regolamenti tal-2013 li jemendaw ir-Regolamenti dwar it-Twaqqif ta’ Elenki fit-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva jinkludu f’dan it-Tribunal diġa stabbilit, ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Ninsab infurmat ukoll li sallum ma kienx hemm appelli. It-Tribunal jikkonsisti minn Imħallef u żewġ avukati.
Leg 12 PQ #6631 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti dwar carnet de chasse

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex ir-rapporti dwar carnet de chasse maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilhom ma jiġu ppubblikati mill-2009? Jista’ jara li dawn ir-rapporti li jindikaw l-iskala tal-kaċċa waqt l-istaġuni tal-ħarifa u x-xitwa jiġu ppubblikati kull sena? Jista’ jgħid jekk dawn il-figuri ġewx komunikati lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’Novembru 2012 il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura ta’ dak iż-żmien, u li taħtu kienet taqa’ il-MEPA, kien kiteb lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal awtorizzazzjoni biex il-MEPA tkun tista’ tippubblika r-rapport inkwistjoni għas-sena 2010. Għalkemm il-MEPA kienet ikkuppjata f'din il-korrispondenza, jidher li l-istess MEPA qatt ma rċeviet l-awtorizzazzjoni biex tkun tista’ tippubblika dan ir-rapport. Ir-rapporti tal-Carnet de Chasse huma rapporti nazzjonali. Rapporti oħra li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, fosthom dawk magħrufa bħala ‘derogation reports’, kienu mibgħuta kif kien rikjest jew mistenni.

Rapporti dwar carnet de chasse

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-rapporti dwar carnet de chasse m’għadhomx jiġu ppubblikati? Jista’ jara li dawn ir-rapporti li jindikaw l-iskala tal-kaċċa waqt l-istaġuni tal-ħarifa u x-xitwa jiġu ppubblikati kull sena? Jista’ jgħid jekk dawn il-figuri ġewx komunikati lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mir-rapporti tal-Gvern dwar id-derogi tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Ninsab infurmat ukoll li dan l-aħħar, il-MEPA għaddiet l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse għas-snin 2010–2012 lill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), li twaqqfet riċentament, u qiegħda fil-proċess li tipprepara dawn ir-rapporti biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu ppubblikati. L-informazzjoni tal-Carnet de Chasse għas-sena 2013 tiġi estratta wara li l-kotba tal-Carnet de Chasse jinġabru fi Frar 2014.
Leg 12 PQ #6686 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill tan-Nutara — uffiċċju

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra (termination letter) li ntbagħtet mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-Kunsill tan-Nutara fejn tal-aħħar ġie infurmat li qed tiġi tterminata l-kirja tal-post użat bħala uffiċċju tal-Kunsill tan-Nutara?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 12 PQ #6687 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill tan-Nutara — uffiċċju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li l-kirja tal-post użat għall-uffiċċju mill-Kunsill tan-Nutara tiġi tterminata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 12 PQ #6692 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – encroachments mogħtija

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6432, jista' l-Prim Ministru jgħid l-ismijiet tal-persuni jew kumpaniji li favur tagħhom inħarġu l-encroachment permits deskritti bħala "Site for Newspaper Dispensers" u li ħarġu bejn Jannar u Marzu 2013 kif imniżżla fit-tweġiba li l-istess Prim Ministru ta għall-imsemmija mistoqsija parlamentari 6432?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-encroachment permits deskritti bħala "Site for Newspaper Dispensers" u li ħarġu bejn Jannar u Marzu 2013 inħarġu kollha f’isem kumpanija waħda
Leg 12 PQ #6693 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – encroachments mogħtija

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6432, jista' l-Prim Ministru jindika liema huma dawk l-encroachment permits li ħarġu bejn Jannar u Marzu 2013 li għalihom hemm il-firma tal-Ministru responsabbli mill-artijiet f'dak iż-żmien?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-encroachment permits kollha li ħarġu bejn Jannar u Marzu 2013, għandhom il-firma tal-Ministru responsabbli mill-artijiet, ħlief għal dawk il-permessi li jkunu koperti wkoll bil-permessi tal-MEPA, MTA u Kunsilli Lokali.
Leg 12 PQ #6696 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

Donazzjoni tad-demm — Donaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm donaturi tad-demm f’dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jagħti tabella li turi n-numru ta’ donaturi ta’ demm bejn l-2008 u l-2013? Għaliex donatur jissejjaħ regolari u kemm hemm donaturi regolari reġistrati? Jeżisti xi inċentiv biex aktar donaturi jsiru regolari?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Qorti – Individwi mressqa fuq prostituzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu individwi l-Qorti f’dawn l-aħħar ħames snin rigward prostituzzjoni? Jista’ jagħti t-tabella li turi n-numru ta’ individwi li tressqu l-Qorti bejn l-2008 u l-2013? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom kienu Maltin u kemm minnhom kienu barranin u minn liema pajjiżi kienu ġejjin? Jista’ jgħid jekk dawn l-individwi jsirilhomx screening ta’ mard li jiġi trasmess sesswalment u jekk dawn l-individwi jingħatawx għajnuna sabiex jirriformaw ruħhom u jsibu xogħol?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi it-tagħrif mitlub huwa kif ġej: Persuni imressqa l-Qorti Numru ta’ każi. Nisa Irġel Maltin Barranin 2008 51 14 65 nil 204 2009 49 12 61 nil 335 2010 97 8 105 nil 722 2011 79 13 91 1 Fillipini 634 2012 65 9 73 1 Ukrain 718 2013* 55 8 63 nil 322 *sa l-aħħar ta’ Novembru. Ma hux kompetenza tal-pulizija li jsir screening għall mard, filwaqt li jekk xi persuna minn dawn titlob l-għajnuna, l-pulizija jirreferu din it-talba lill-enitajieit li jipprovdu tali għajnuna.

Delegazzjoni fiċ-Ċina

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar iż-żjara fiċ-Ċina minn delegazzjoni li tmexxiet mis-segretarju parlamentari? Minn min kienet magħmula l-istess delegazzjoni? X’kien il-ftehim li suppost intlaħaq dwar il-koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina waqt l-istess żjara? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istess ftehim?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-istqarrija għall-istampa li nħarget fil-11 ta’ Diċembru mill-Ministeru tiegħi, ninsab infurmat li d-delegazzjoni kienet magħmula mill-Onorevoli Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali u l-Kap tas-Segretarjat tiegħu kif ukoll mis-Segretarju Permanenti u mill-Kap tal-Aġenzija tal-Pagamenti.
Leg 12 PQ #6714 Sitting 103 2013-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat (Għawdex) — esproprjazzjoni ta' artijiet privati fiċ-Ċittadella

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tal-esproprjazzjoni riċenti li saret ta' diversi medded tal-artijiet privati fiċ-Ċittadella, r-Rabat Għawdex? Jista' jgħid x'inhi l-area tal-artijiet espropjati u jipprovdi mappep tal-istess artijiet? Is-sidien tal-artijiet in kwistjoni ġew ikkonsultati qabel saret l-espropjazzjoni? Jekk le għaliex ma ġewx konsultati? Jista' jgħid bl-liema kundizzjonijiet saret din l-esporjazzjoni u jekk hux se terġa tingħata lura lis-sidien wara perijodu ta' żmien? Se jkun hemm kumpens lis-sidien għal din l-esporpjazzjoni u jekk iva kemm se jkun? Dan il-kumpens ġie miftiehem mas-sidien?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li medded ta’ artijiet privati ġewwa ċ-Ċittadella li llum huma rovini ġew akkwistati mill-Gvern taħt titolu ta’ possession and use bħala parti mill-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea intitolat ‘implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Master Plan taċ-Ċittadella ERDF 246’. Minħabba l-importanza arkeoloġika u ekoloġika ta’ dawn is-siti, l-interventi fuqhom ser ikunu limitati għat-tindif superfiċjali tal-wiċċ u konsolidazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ u ta’ partijiet ta’ ħitan oriġinali li għadhom jeżistu. Avviż dwar dan l-akkwist tal-art ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta’ Novembru 2013. L-artijiet akkwistati permezz ta’ dan l-avviż jidhru fuq il-pjanta li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-art se tingħata lura lill-propjetarji ma’ tmiem il-proġett f’Ġunju 2015. Il-kumpens dovut għal kull biċċa art tidher fil-lista annessa.
Leg 12 PQ #2788 Sitting 102 2013-12-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – kiri ta’ vetturi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 645 u ċjoè: Peress li l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, fis-Seduta 12 tal-24 ta' April 2013 qal bħala tweġiba supplimentari għall-mistoqsija parlamentari 57 li l-Ministeru qed jikri żewġ vetturi bir-rata ta' €8.75 kuljum, waqt li l-Prim Ministru qal fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 317 li l-vettura li qed tinkera għas-Segretarju Parlamentari qed tinkera bir-rata ta' €59 kuljum, u peress li d-differenza hi kbira u allura seta’ kien hemm iffrankar jew tnaqqis ta' spejjeż f'kirjiet, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex l-Uffiċċju tiegħu ma keriex il-vetturi b'rati orħos?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ż-żewg vetturi li qed jagħmel riferenza għalihom, huma vetturi wżati minn membri tas-segretarjat tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura. Għaldaqstant il-paragun li qed isir minnu ma jreġix. Fl-istess waqt ngħarraf lill-istess Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija 1071 u li minnha rriżulta li l-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, li rrefera għaliha fil-mistoqsija tiegħu, inkriet wara li inġabru tliet kwotazzjonijiet u intgħazlet l-irħas waħda. Infakkar ukoll lill-Onor Interpellant li fi żmien l-amministrazzjonijiet li fihom huwa l-ewwel kien Segretarju Parlamentari u eventwalment Ministru, il-Gvern kien daħal għal spiża ta’ €58,000 b’rabta mal-karozza li kienet tintuza mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien. Din l-ispiża marret fuq tiswijiet tal-karozza imsemmija u fuq kiri ta’ karozzi li intużaw sakemm din il-karozza kienet għat-tiswija. L-istess karozza oriġinarjament kienet inxtrat għal iktar minn €62,000.

Persuni fis-Security Services – transfers

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala mit-transfers li saru lejn is-Security Services u li ġew ordnati l-ġimgħa li għaddiet u li effettivament kellhom jidħlu fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2013, fit-12 ta’ Ġunju 2013, tnejn mill-għaxar persuni trasferiti ddeċidew li jmorru lura minn fejn ġew? Fejn marru lura?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 2731.

Pulizija – re-instatements

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2422 rigward re-instatements lura fil-Korp tal-Pulizija, jista’ l-Ministru jgħid meta saru t-talbiet għalihom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi id-dati li fihom saru it-talbiet għall re-instatement fil-Korp tal-Pulizija imsemmija fit-Twegiba għall-mistoqsija parlamentari 2422 kien saru bejn is-16 ta’ April u l-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena.

Vettura mimlija sigaretti tal-kuntrabandu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-vettura truck li fil-ġranet viċin l-14 ta’ April 2013 instabet f’Għawdex mimlija sigaretti tal-kuntrabandu u ttieħdet il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija biex jitressqu l Qorti dwar indizjati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onor.Interpellant għadha mhux konkluża. Għaldaqstant ma nħossx illi tagħrif dwar l-andament ta’ din l-istess investigazzjoni għandu jkun ippubblikat.

Community Service Orders

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ingħataw community service orders permezz ta' sentenzi mill-Qrati tagħna fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ community service orders mogħtija permezz ta’ sentenzi tal-Qorti li ġew reġistrati fl-uffiċċju tal-kondotti tal-pulizija fis-snin imsemmija mill-Onor. Interpellant kienu hekk: 2009 2010 2011 2012 8 Xejn 8 23

sezzjoni YOURS — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sezzjoni YOURS mhijiex se tkun rilokata għall-art li kienet ġiet identifikata f’Ħad-Dingli?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa s-sezzjoni tal-YOURS qiegħda is-SATU l-Imtaħleb, liema sit taħt il-Gvern preċedent għamel sena u nofs ma jintuzax. Is-sezzjoni tal-YOURS il-ġdida ser tinbena viċin is-SATU biex fi żmien li ġej is-SATU, wara li titlesta s-sezzjoni l-ġdida tal-YOURS is-sezzjoni tas-SATU, ser tkun qed tospita nies li għandhom problemi ta’ abbuż minn sustanzi. Dan ser jippermetti biex b’mod effetiv is-SATU u l-YOURS ikunu jistgħu jaħdmu id f’id. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien dan il-Gvern li rnexxielu joħrog is-sezzjoni tal-YOURS mill-ħabs , wara ħmistax –il sena.

Roads and Infrastructure Supervisory Committee — membri

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5605, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri tar-Roads and Infrastructure Supervisory Committee u xi kwalifiċi akkademiċi għandhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tar-Roads and Infrastructure Supervisory Committee huma kollha persuni li għandhom kwalifiċi u/jew esperjenza vasta fis-settur tal-infrastruttura tat-toroq.