Malta Freeport Corporation – kunflitt ta’ interess
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-fatt li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġie maħtur direttur tal-Malta Freeport Corporation li hija l-entità regolatorja tal-attività li sseħħ ġewwa l-Port Ħieles, jistax joħloq kunflitt ta’ interess peress li l-individwu sa ftit taż-żmien ilu, kien konsulent tal-Malta Freeport Terminals Limited, li hija operatur tal-Port Ħieles, kif ukoll ta’ kuntrattur ewlieni li jaħdem ġewwa l-Port Ħieles f’xogħol marbut mal-port? Jista’ jgħid ukoll għalfejn l-istess individwu, minkejja li sa fejn ġie ppublikat, inħatar bħala direttur tal-bord u allura mhux f’pożizzjoni eżekuttiva, qiegħed jitlob għal u jara files personali tal-istaff tal-Malta Freeport Corporation?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti u kemm ilhom jistennew biex jinbdew?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Quddiem il-Qorti Kriminali preżentement hemm 80 att t’Akkuża pendenti.
Dawn it-80 att ta’ akkużi ilhom pendenti skont il-lista hawn taħt murija:
SENA Numru ta’ Atti ta’ akkuza pendenti
2002 1
2006 1 2007 1
2008 62009 11
2010 16
2011 10
2012 20
2013 14
Jista’ l-Ministru jara illi jsir ix-xogħol neċessarju biex titranġa l-entratura u t-triq li tagħti għall-Marsa Sports Club minn Triq Aldo Moro l-Marsa peress illi kawża tax-xogħlijiet li qed isiru b'konnesjoni mal-proġett tal-għargħar fi Triq Aldo Moro, il-Marsa, din tkissret u saret kważi inaċċessibli speċjalment meta tagħmel ix-xita?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li qed jaħdem fuq il-proġett tal-NFRP f'Triq Aldo Moro ġie mitlub li jara li jżomm il-parti tat-triq fil-proġett tiegħu f'kundizzjoni tajba.
Sadanittant id-Dipartiment tal-Manutenzjoni ġie mitlub jagħmel patching fil-kumplament tal-imsemmija triq.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 306, peress li l-Ministru kien qal illi l-arretrati tal-ħaddiema tax-xatt huma s-suġġett ta’ erba’ kaw¿i miftuħa mill-ħaddiema tax-xatt, u xi xahar ilu fil-Qorti, wieħed mill-avukati tal-ħaddiema qal illi l-kaw¿a ser tiġi diferita għax intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-ħaddiema, jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim intlaħaq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument opportun, tingħata informazzjoni dwar l-arretrati tal-ħaddiema tax-xatt.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5571, peress li servizz ta' konsulenza ta' professjonist mhux entità kummerċjali u għalhekk kuntrarju għal dak li qal il-Ministru, l-informazzjoni mitluba, u ċjoè kopja tal-kuntratt kif wkoll ir-remunerazjoni involuta, mhux informazzjoni sensittiva u peress illi tali informazjoni hi informazjoni pubblika, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Ministru qed jirrifjuta milli jpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra għall-informazzjoni tal-Membri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 5571, ħlief li taħt l-amministrazzjoni preċedenti ukoll ma kenitx il-prassi li titqiegħed din it-tip ta’ informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Iż-Żejtun — Triq Alfred Cachia Zammit u Triq taċ-Ċawsli - xogħlijiet
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5586, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq Alfred Cachia Zammit u Triq taċ-Ċawsli fiż-Żejtun hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li t-toroq li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma fi stat irreparabbli u għandhom bżonn xogħol estensiv.
Għaldaqstant f’Mejju li għadda l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ippreżenta rapport dettaljat lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li jelenka x-xogħol infrastrutturali meħtieġ fiż-Żejtun, fosthom it-toroq imsemmija.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5587, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq l-Iskola fix-Xgħajra hux imdaħħal fil-programm ta' xogħlijiet ta' Transport Malta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant diġa’ sar xogħol fuqha minn Trasport Malta bħal daż-żmien sena ilu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm spazji ta’ parkeġġ riżervati fil-Belt Valletta għall-Ministri, Segretarji Parlamentari u uffiċjali u/jew dipartiment/entitajiet oħra tal-Gvern fit-28 ta’ Frar 2013 u fit-30 ta’ Novembru 2013?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ingaġġati l-uffiċjali pubbliċi li għaddew mis-sejħa għall-Assistant Technical Officer fid-DES (PAHRO 109/12) wara li r-riżultat ġie ppubblikat f’Mejju 2012?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Prim Ministru li taħtu taqa' l-PAHRO.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista sħiħa tas-swali kollha li hemm fl-Isptar Mater Dei u għal kull sala jgħid x’inhi l-ispeċjalizzazzjoni tas-sala, min imexxiha, kemm fiha sodod u kemm hemm staff allokat fiha?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Qasam tas-Saħħa – Rapport – varjazzjonijiet f’Kuntratti
Question
Peress li fir-rapport tiegħu s-Sur John Dalli saħaq li kien numru kbir ta’ istanzi fejn ingħataw varjazzjonijiet aktar minn dak provduti fil-kuntratt, jista’ l-Ministru jagħti l-lista sħiħa ta’ dawn l-istanzi u għal kull każ jgħid:
a. min kien is-supplier;
b. x’kien l-iscope of supply tal-kuntratt;
c. kif ingħata oriġinarjament il-kuntratt (jiġifieri b’tender/direct order/sejħa għal quotations, eċċ.);
d. x’kienu l-varjazzjonijiet approvati, waħda waħda, u jagħti d-data meta dawn ingħataw;
e. għal kull approvazzjoni, jekk din saritx skont il-provvedimenti fil-kuntratt;
f. għal kull approvazzjoni min kien l-uffiċjal li approvaha u jekk mexiex skont il-public contracts regulations;
g. x’azzjoni ttieħdet jew se tittieħed dwar dawn il-varjazzjonijiet; u
h. jekk u meta se joħroġ tender ġdid għall-imsemmi servizzi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna li tpejjep tiġix skwalifikata milli tingħata xi mediċini b’xejn (taħt il-Kartuna s-Safra) sempliċement għaliex tpejjep?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-entitlement policies għall-għoti ta’ mediċini b’xejn ma jagħmlux distinzjoni bejn nies li jpejpu u oħrajn li ma jpejpux.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu x-xogħol li qed isir fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar? X'inhu l-iskop li għalih qed isir l-istess xogħol? X'xogħol ieħor hu mistenni li jsir fl-istess triq? Xi stima ta' nefqa hemm għal dan l-istess xogħol u għal dak li hemm ippjanat?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li fi Triq il-Mosta kien qiegħed isir xogħol ta’ tisbieħ. Fil-preżent m’hemmx aktar xogħol ippjanat. Ix-xogħol li sar twettaq mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali u ma ġie jiswa xejn lill-Kunsill.
Kunsilli lokali — xogħol infrastrutturali - kontijiet pendenti
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6164, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub u jagħti wkoll l-istess tagħrif għal xogħol li sar matul Ottubru u Novembru 2013, fejn jikkonċerna San Pawl il-Baħar?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm twaħħlu, u fejn twaħħlu tabelli ġodda, jew mibdula minflok oħrajn li kienu eżistenti, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, matul Ottubru u Novembru? X'jindikaw dawn it-tabelli li twaħħlu? Jista' jagħti tagħrif dwar kif intgħażlu l-lokalitajiet jew postijiet li huma indikati fl-istess tabelli? Min kien il-kuntrattur li pprovda u waħħal l-istess tabelli?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-għażla tal-postijiet fejn tali tabelli jitwaħħlu issir skont it-talbiet tar-residenti li jkunu daħlu l-ilment li l-istess tabelli jkunu jew tkissru, jew insterqu eċċ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema l-business licences hu mistenni li jitneħħew? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan ifissirx li kull ħlas li jsir bħalissa għal dawn il-liċenzji se jitneħħa?
Response (CARDONA, CHRIS)
Fil-preżent, id-Dipartiment tal-Kummerċ qiegħed jagħmel l-istudji neċessarji w jkun jista’ joħroġ l-informazzjoni mitluba aktar ‘il quddiem, jekk ikun il-każ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' liċenzji li jitħallsu preżentement wara li nħarġu mid-Dipartiment tal-Liċenzji? Jista' jagħti tagħrif dwar kif inhuma mqassma lokalità lokalità dawn l-istess liċenzji? Minbarra dawn il-liċenzji, jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx liċenzji oħra li jitħallsu għand dipartimenti governattivi jew awtoritajiet governattivi oħra?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru tal-liċenzji kummerċjali li nħarġu għall-ħlas mid-Dipartiment tal-Kummerċ, u kemm minn dawn il-liċenzji tħallsu sa issa.
Hemm entitiajiet oħra tal-gvern li għandhom l-obbligu li jilliċenzjaw u għalhekk, dawn għandhom jiġu mitluba jgħaddu l-informazzjoni rikjesta mill-Onor. Interpellant.
B’referenza għall-inċidenzi ta’ kaċċa illegali fuq l-ajkla f’Ottubru 2013, fejn huwa allegat li saru diversi tfittxijiet għand balzmaturi u kolletturi illegali, jista’ jgħid kemm kien in-numru u x’kienet l-ispeċi tal-għasafar ibbalzmati maqbuda? Fejn spiċċaw l-għasafar ibbalzmati maqbuda wara li nqabdu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi b’riżultat tal-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija dwar kaċċa illegali fuq ajkli, kienu ġew maqbuda 623 tajra ibbalzmata, kif jidher fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan it-tajr qed jinzamm fil-mużew tal-istorja naturali.