Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għala l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma ġietx aċċettata?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li din l-applikazzjoni għal Parkeġġ Riservat għal Persuni b’Diżabbiltà ġiet approvata fit-23 ta’ Diċembru 2013, u l-applikant ġie nfurmat bil-miktub b’ittra bid-data 27 ta’ Diċembru 2013.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5536 u jgħid kemm kien hemm każijiet ta' impjegati li kienu fuq kuntratt ta' impjieg definit mal-Korporazzjoni Enemalta u li ngħataw kuntratt indefinit mal-istess korporazzjoni bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-1 ta' April 2013? F'kull każ, jista' jagħti l-grad u d-dipartiment/sezzjoni tal-impjegat/a, id-data ta' meta ġie ffirmat il-kuntratt definit oriġinali, it-tul tal-kuntratt definit, is-salarju u benefiċċji oħrajn tal-kuntratt definit, id-data ta' meta l-kuntratt definit inbidel f'wieħed indefinit u s-salarju u benefiċċji oħrajn tal-kuntratt indefinit?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra:
a) Kemm kienet l-ispiża totali (inkluż materja prima,
overtime
,
monitors
eċċ.) li ntefqet fuq bini ta’ replika tat-tempji li kien sar meta din Heritage Malta kienet taħt it-tmexxija taċ-Chairman li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament;
b) Fejn tpoġġiet għall-wirja din ir-replika;
c) Għadhiex disponibbli sal-lum;
d) X’kien l-iskop tagħha;
e) Jekk l-iskop intlaħaqx; u
f) Kemm kien id-dħul globali li gawdiet minnu Heritage Malta?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li r-replika ta’ parti minn tempju kienet saret fl-2009 u ntramat fil-Mużew Marittimu sabiex tiġi ppreżentata lil diversi persuni li wrew interess li dan il-mudell jiġi esportat bħala promozzjoni. Din ir-replika kienet ukoll tinkludi faċċata ta’ tempju li Heritage Malta kienet użat preċedentement f’wirja dwar il-preistorja Maltija f’Alicante (Spanja). L-ispiża għall-bini ta’ din ir-replika kienet ta’ €1702.85 għall-materjal meħtieġ u €5,779.33 f’overtime. Eventwalment il-pjanijiet ma mmaterjalizzawx. Din ir-replika bħalissa tinsab żarmata fil-Mużew Marittimu.
Kunsill Lokali tax-Xagħra (Għawdex) – kuntratti ta’ servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu l-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex? X’inhi l-kariga ta’ kull impjegat u x’inhi r-remunerazzjoni? Kemm għandu kuntratti ta’ servizz l-istess Kunsill Lokali? Min ħa dawn il-kuntratti ta’ servizz u kemm huwa l-ħlas għal kull persuni li ħadet dawn il-kuntratti ta’ servizz?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li għandu żewġ impjegati fuq bażi full-time fil-karigi ta’ assistant principals. Il-ħlas gross tagħhom huwa ta’ (Skala 11 – Salary point 7 ) u (Skala 11 – Salary point 3) rispettivament, b’dan tal-aħħar jirċievi wkoll allowance bħala Deputat Segretarju Eżekuttiv. Intant fil-preżent il-Kunsill Lokali tax-Xagħra għandu wkoll seba’ kuntratti ta’ servizz, li jinkludu servizzi ta’ kenniesa tat-toroq, Assistenza fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani u handyman.
Wara dak li ngħad mill-media fis-27 ta’ Diċembru 2013 u ċjoè li l-istipendji tal-istudenti tal-MCAST tnaqqas iktar milli jitlob l-avviż legali li jirregola tali stipendji post sekondarji, u wara ċ-ċaħda mill-MCAST fi stqarrija li ħarġet dakinhar stess, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ċċekkjax jekk fil-fatt itteħdux xi żbalji fil-komputazzjoni tal-istipendji individwali? Jekk iva, x’irriżulta? Jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu dwar dawn l-iżbalji?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda żbalji fil-komputazzjoni tal-istipendji individwali u kompliet tintuża sistema li ilha tintuża numru ta’ snin. Għal din is-sena akkademika, s’issa l-istudenti tal-MCAST tħallsu żewġ pagamenti ta’ stipendji li jkopru perijodu ta’ seba’ ġimgħat bejn l-1 ta' Ottubru 2013 (l-ewwel jum tas-sena akkademika) u l-15 ta' Novembru 2013.
L-ewwel pagament tħallas fit-2 ta' Diċembru 2013 fejn l-istudenti kollha tħallsu €83.86, jiġifieri ħlas għall-erba’ ġimgħat b’mod sħiħ mingħajr l-ebda tnaqqis għall-assentejizmu. It-tieni pagament sar fit-30 ta' Diċembru 2013 fejn l-istudenti kollha tħallsu għat-tliet ġimgħat l-oħra, bit-tnaqqis għal xi nuqqas ta’ attendenza bejn l-1 ta' Ottubru 2013 u l-15 ta' Novembru 2013.
Il-ħlas li jmiss ikopri l-perjodu mit-18 ta' Novembru 2013 sat-13 ta' Diċembru 2013 u l-ħlas se jsir fis-27 ta' Jannar 2014. L-istudenti imbagħad ikomplu jitħallsu f’perijodi ta’ erba’ ġimgħat, dejjem bit-tnaqqis għal xi nuqqas ta’ attendenza skont il-każ, sakemm l-istudenti kollha jitħallsu l-ammont kollu dovut lilhom skont l-avviż legali li jirregola l-istipendji.
Dan kollu ġie spjegat b’mod ċar fuq il-paġna tal-
facebook
tal-MCAST fejn reġgħet ġiet imtennija l-istedina lil kull student li seta’ kellu xi mistoqsija fuq il-każ tiegħu jew tagħha partikolari sabiex isir kuntatt mal-uffiċċju tal-istipendji tal-MCAST ħalli jiġi spjegat kull każ b’mod individwali.
Malta Qualification Recognition Information Centre – ċertifikat ta’ rikonoxximent
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum l-Malta Qualification Recognition Information Centre sabiex jagħti ċertifikat ta’ rikonoxximent għall-Masters li tkun ingħatat mill-Università ta’ Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Konvenzjoni ta’ Liżbona tagħti bejn tlieta u erba’ xhur sabiex tingħata risposta meta ċertifikati mressqa għar-rikonoxximent jiġu ppreżentati lil xi Ċentru. Fil-każ ta’ Malta, peress li bħalissa hemm ħafna ċertifikati pendenti dan it-tul ta’ żmien jista’ jieħu anki aktar. Fil-fatt il-medja qed tkun ta’ bejn sitta u tmien xhur. Qed isiru sforzi sabiex is-sistema preżenti titranġa u r-rikonoxximenti jibdew joħorgu fil-ħin adattat.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li ċertifikati maħruġa minn istituzzjonijiet edukattivi statali Maltin, bħall-Università ta’ Malta, m’għandhomx bżonn rikonoxximent mill-MQRIC, jekk iċ-ċertifikat se jintuża Malta, peress li l-Liġi diġà tagħti dan ir-rikonoxximent lil dawn l-istituzzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx possibbiltà li l-liċenzja tan-nar tibda titħallas Għawdex u mhux iridu joqgħodu jitilgħu jħallsuha d-depot tal-Furjana?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi is-sġġerimtent tal-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Trasport Pubbliku — Unscheduled Bus Service – vetturi
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' vetturi tal-Unscheduled Bus Service li qed jagħtu servizz bħala karozzi tal-linja? Kemm hu l-ħlas li qed isir kuljum għall-użu ta' dawn il-vetturi? Kif qed isir il-ħlas mill-passiġġieri li jitilgħu fuq dawn il-vetturi? Min qed isuq dawn l-istess vetturi preżentement?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li fil-preżent qed jintużaw 40 vettura minn tal-Unscheduled Bus Service mit-Tnejn sas-Sibt u s-somma li qed titħallas għal dan is-servizz tammonta għal €35,472 kuljum. Nhar ta’ Ħadd jintużaw anqas karozzi, jiġifieri 36 karozza fejn ghas-servizz pprovdut qed jitħallas l-ammont ta’ €32,572. Il-vetturi tal-Unscheduled Bus Service qed jinstaqu mix-xufiera tal-operaturi tal-coaches.
Infurmat ukoll li l-passiġġieri li qegħdin jagħmlu użu minn dawn il-coaches m’humiex qegħdin jintalbu li jħallsu lix-xufier tal-coach, madankollu l-passiġġieri huma mistennija li jixtru l-biljetti mit-ticketing machines li jinsabu stallati f’diversi lokalitajiet madwar Malta jew inkella mingħand nies li huma ingaġġati sabiex ibiegħu l-biljetti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' biljetti li tħallsu minn persuni mhux Maltin matul l-2013? Kemm hu l-valur tad-differenza bejn dan il-ħlas u l-ħlas li kien isir mill-Maltin, għall-istess numru ta' biljetti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ biljetti mibjugħa lill-persuni li m’humiex residenti f’Malta fis-sena 2013 kien ta’ 2,698,922. Dan in-numru jinkludi biljetti li kienu validi għal sagħtejn, ġurnata, kif ukoll sebat ijiem. Huwa stmat illi d-differenza bejn il-ħlas li kien isir mill-Maltin għall-istess numru ta’ biljetti huwa ta’ €3,736,072.
Wara li Gvern Nazzjonalista, għal sentejn sħaħ, injora twissijiet mill-UE, li kellha kull dritt timponi multi fuq pajjiżna minħabba tariffi diskriminatorji, il-Gvern preżenti evita li jittieħdu proċeduri legali fil-konfront ta’ Malta, meta mill-bidu ta’ Jannar, wara li nforma lill-Kummissjoni Ewropea, ħa deċiżjoni biex il-barranin jibdew iħallsu l-istess tariffa daqs il-Maltin.
Trasport Pubbliku — trasferiment ta’ karozzi mingħand l-Arriva
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi tal-linja li għaddew mingħand l-Arriva Malta għal għand il-kumpanija li qed tipprovdi trasport pubbliku preżentement? Kemm minn dawn il-karozzi kienu bil-ħsara fil-jum li fih għaddew għand min qed jieħu ħsieb bħalissa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi li ġew mgħoddija lill-Gvern jammontaw għal 357 hekk kif huma ndikati hawn taħt:
Jintużaw fis-servizz
231
Karozzi tal-linja tat-tip
articulated
li minnhom 68 biss kienu jintużaw fis-servizz. Minn dawn kien hemm waħda maħruqa u 4 oħra bi ħsara li kienu jintużaw għall-
parts
81
Karozzi tal-linja użati għat-taħriġ
4
Karozzi tal-linja oħra li kienu trasferiti oriġinarjament lill-Arriva Malta Ltd f’Novembru tal-2010, liema vetturi kienu jintużaw mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Dawn il-vetturi ma jintużawx fis-servizz għax għandhom ħsarat estensivi
41
357
Minbarra l-vetturi bil-ħsara msemmija hawn fuq li jammontaw għal 46, ikun hemm bejn 15 jew 20 karozza tal-linja bil-ħsara kuljum li jkunu qegħdin jiġu rranġati jew qed jingħataw il-manutenzjoni meħtieġa.
Trasport Pubbliku – trasferiment ta’ ħaddiema minn mal-Arriva
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema li għaddew mingħand Arriva Malta għal għand min qed jipprovdi t-trasport pubbliku? X'kategorija ta' ħaddiema huma dawk li għaddew mingħand l-Arriva?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Arriva Group, l-ishma tal-kumpanija li kienet topera t-trasport pubbliku f’Malta, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd, għaddew f’ idejn il-Gvern u l-isem tal-kumpanija inbidlet f’Malta Public Transport Services (Operations Ltd). B’hekk il-ħaddiema li kienu impjegati ma’ din il-kumpanija għadhom impjegati mal-istess kumpanija b’ isem differenti. B’ kollox hemm 975 ħaddiem maqsumin fil-kategoriji hekk kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt:
Full -Time
Part -Time
Total
Xufiera
610
86
696
Amministrazzjoni u Rizorsi Umani
35
3
38
Kummerċjali
21
12
33
Operations
149
2
151
Engineering
56
1
57
871
104
975
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Human Resources Manager
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għal Human Resources Manager fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk iva, meta ħarġet u fejn ġiet ippubblikata s-sejħa? Kemm applikaw, u min intgħażel?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma ħarġet l-ebda applikazzjoni għal Human Resources Manager.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha li applikat għal sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar fir-residenza tagħha mill-2012 u għadha qed tistenna?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura li għaliha qiegħda issir referenza, saritilha l-ispezzjoni fid-9 ta’ Jannar 2014 fejn ġie vverifikat li x-xogħlijiet tlestew. Fil-ġranet li ġejjin is-Sinjura se tintalab sabiex tiġi l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-kuntrattur li għamel ix-xogħlijiet sabiex ikun jista’ jsir il-pagament kontra l-irċevuti fiskali.
Peress li fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Korporazzjoni Enemalta ħarġet is-sejħa għal Surveillance Coordinator (Skala 5) il-kwalifiċi mitluba huma ta’ ‘preferably with O’level standards’, ma jaħsibx il-Ministru li dawn huma baxxi wisq għal kariga bħal dik? Jekk le, jista’ jagħti spjegazzjoni għaliex huma daqshekk baxxi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekwiżiti għall-pożizzjoni ta’ Surveillance Coordinator ġew stabbiliti skont il-kwalifiki u l-livell ta’ esperjenza meħtieġa biex l-applikanti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma mixtieqa mingħajr diffikulta’, fl-aħjar interess tal-Korporazzjoni. Minbarra l-kwalifiki msemmija, is-sejħa għall-applikazzjonijiet titlob ukoll li l-applikanti jkollhom esperjenza twila fil-Korporazzjoni kif ukoll għarfien tajjeb ta’ għadd ta’ operazzjonijiet u ħidmiet differenti li jseħħu fl-Enemalta.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-webserver tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (www.mepa.org.mt) kien down f’dawn l-aħħar tliet xhur? Kemm dam hekk f’kull istanza?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Mill-informazzjoni li għandha l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, d-down time fil-website kien darbtejn kif se jiġi spjegat. F'Novembru 2013 is-sistema kienet down għal nofs siegħa, u dan sakemm sar tibdil fis-sistema tal-konnetivita tal-internet. Fil-25 ta' Dicembru kien hemm interuzzjoni tas-servizz għal xi ħin u dan is-servizz reġa ġie lura fl-inqas żmien li kien possibli.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm single parents matul is-sena 2013 li kienu intitolati għal għajnuna soċjali? Tista’ tgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Tista’ tgħid kemm minnhom kellhom wild wieħed, tnejn, tlieta u aktar?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni single parents li kienu intitolati għal għajnuna socjali matul is-sena 2013 kien ta’ 3,399 persuna.
3,356 persuna kienu nisa filwaqt li 43 persuna kienu rġiel.
Single Parents
Numru ta’ tfal
2,282 nisa
1
37 irġiel
1
810 nisa
2
3 irġiel
2
202 nisa
3
3 irġiel
3
45 nisa
4
13 nisa
5
3 nisa
6
1 mara
7
Uffiċċju tal-Prim Ministru – xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onor. Interpellant li minn wara 9 ta’ Marzu 2013 ma nxtraw jew inkrew l-ebda opri tal-arti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-Dekasteru li jaqgħu taħtu.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li nxtraw tliet ritratti pprintjati fuq canvas mill-Ministeru. Ma ntalab l-ebda parir tekniku rigward din l-għażla.