Tista’ l-Ministru tara fiex wasal il-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema mal-Awtorità tad-Djar?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirrizultax li wasal rapport mill-persuna indikata għand l-Awtorità tad-Djar. Madanakollu qed tittiehed nota tal-każ imsemmi sabiex issir spezzjoni mit-teknici tal-Awtorità f’qasir zmien.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess sabiex jiġu stallati bus shelters ġodda fil-lokalità tas-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif ġie spjegat fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4820, Transport Malta kienet irċeviet tlett talbiet sabiex jiġu stallati bus shelters ġewwa l-lokalità tas-Siġġiewi. Dawn it-talbiet ġew evalwati u fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qiegħda tressaq applikazzjoni mal-MEPA sabiex jiġu stallati bus shelters fi Triq Blat il-Qamar u Triq Monsinjur F.X. Mangion.
Infurmat ukoll li fil-post li kien ġie indikat fi Triq Ħesri m’ hemmx spazju meħtieġ sabiex jiġi stallat bus shelter. Transport Malta se tkun qiegħda tevalwa alternattivi oħra f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward l-iżvilupp ta' ġnien għall-memorja ta' Annabelle Vassallo fiż-żona ta' ħdejn il-Kappella tal-Providenza fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MEPA m’accettatx id-disinn li ġie sottomess għal dan il-ġnien billi ikkunsidratu mhux kompatibbli mal-karatttru rurali taż-żona.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ta' sigurtà se jittieħdu fi Triq l-Imqabba fis-Siġġiewi minflok il-crash barriers li kif qal il-Ministru stess se jitneħħew minn din it-triq? Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi rigward id-deċiżjoni li jitneħħew dawn il-crash barriers u dwar il-miżuri ġodda ta' sigurtà fi Triq l-Imqabba fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li saret spezzjoni fuq il-post mill-periti ta' Transport Malta. Il-crash barrier se tinqala' u se ssir struttura aktar adekwata fi Triq l-Imqabba li ma ddejjaqx it-triq.
Transport Malta mhux se tippreġudika l-qbil li kien hemm mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li jkun hemm miżuri ta’ sigurtà f’din l-istess triq.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar s’issa u x’xogħol imiss isir sabiex jitlesta l-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa tlesta x-xoghol fuq il-pontijiet ta’ Triq Manwel Dimech, u Triq il-Mitħna. Tlesta wkoll ix-xogħol ta' rikostruzzjoni tal-pont ta’ Triq Correa li infetaħ għat traffiku iżda li fuqu ghad irid isir xogħol ta’ asfaltar.
Issa se jitkompla x-xogħol ta’ livellar ta’ parti mill-art tal-kanal fi Triq il-Wied, ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ culverts kbar fil-golf course u ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ erba’ culverts kbar taħt it-triq Aldo Moro.
Matul l-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida mistenni jinbeda wkoll, jekk ma jkunx hemm problemi mhux prevvisti, ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ culverts kbar fi triq il-Wied u għal Frar se ssir ix-xogħol biex tinfetaħ fetħa ġdida ħdejn il-pont li hemm fid-daħla ta’ triq San Bastjan.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss f’Ħal Qormi, li jinkludi wkoll anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’ liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat f’diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari, il-Gvern beda biex jattwa dak li ġie imwiegħed fil-Manifest Elettorali, kif ukoll qiegħed fil-proċess biex imexxi ‘l quddiem il-proġetti skont il-prijoritajiet u dan wara il-ħafna laqgħat fosthom mal-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż imħallsa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bejn l-2008 u sa din is-sena, għar-rigward tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fuq telefon tad-dar, kiri jew xiri ta’ karozza uffiċjali, fuel imħallas fuq din il-karozza, mobile phone, internet tad-dar u ħlas ta' sptar privat għalih, għall-mara u dipendenti oħra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispejjez imhallsa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bejn l-2008 u sa din is-sena għar-rigward tal-persuna li d-dettalji ngħataw separatament hu kif ġej:
telefon tad-dar - €1,977.76
kiri ta’ karozza ufficjali - €35,113.72
fuel imhallas fuq din il-karozza - €5,670.13
mobile phone - €2,285.82
internet tad-dar - €1,344.61
hlas ta' sptar privat ghalih, ghall-mara u dipendenti ohra - €5,588.72
Dan kollu sar mingħajr mal-persuna msemmija kellha kuntratt iffirmat.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienet magħmula d-delegazzjoni li attendiet għall-Konferenza 20+20 f’Rio f’Ġunju 2012, li hemm referenza għaliha fl-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali ? Jista’ jgħid f’liema lukanda kienet alloġġjata d-delegazzjoni? Jista’ jgħid hix il-prassi li spejjeż għal-lukandi ta’ delegazzjonijiet bħal din jitħallsu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kif jirriżulta li ġara f’dan il-każ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra korrispondenza li għaddiet dwar il-ħlas għal-lukanda għal din il-konferenza bejn l-Awtorità, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru lura fl-2012?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li d-delegazzjoni li attendiet għall-Konferenza 20+20 f’Rio de Janeiro f’Ġunju 2012 kienet magħmula mill-Onor. Dr. Mario de Marco, is-Sur Peter Portelli, is-Sur Sergei Golovkin u s-Sinjorina Karina Fiorini, Dr. Petra Bianchi, is-Sur Godwin Sant, is-Sur Adam Kuymizakis u s-Sur Frank Lauwers.
Infurmat ukoll mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li d-delegazzjoni kienet alloġġjata f’żewġ (2) lukandi, ir-Real Palace Hotel u Everest Rio Hotel. L-Awtorita’ ħallset l-ammont ta’ tnax-il elf, mitejn u sbatax-il Ewro u tmienja u għoxrin centeżmi tal-ewro (€12,217,28) lill-Aġenzija Terramar Turismo Eve Campinas għall-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni għan-nom tal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza datata Mejju u Awissu 2012 li għaddiet, bejn l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent u l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, dwar il-ħlas għall-akkomodazzjoni tad-delegazzjoni.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi fi żmien li saret din is-safra, il-cost centre fuq safar tal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent kien jiġi amministrat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu f'ammonti għall-espropriazzjoni mill-gvern ta' proprjetà privata sena b'sena, u każ każ bejn is-sena 2000 u 2012 u jelenka fejn qegħdin u d-daqs tagħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ flus li ġew imħallsa bejn is-sena 2000 u 2012, lis-sidien bħala kumpens għal art li ġiet esproprijata huwa kif ġej:
Sena
Ammont Imħallas
(LM)
2000
3,169,949
2001
2,754,997
2002
1,044,651
2003
1,252,996
2004
3,295,360
2005
6,199,753
Sena
Ammont Imħallas
(Euros)
2006
12,695,229
2007
2,329,371
2008
5,841,521
2009
10,677,128
2010
11,513,602
2011
14,248,417
2012
12,079,789
Dawn l-ammonti ma jirriflettux eżatt l-ammonti allokati għal dan il-għan fl-estimi ta’ kull sena peress li l-ammont ivvutat ikun ferm anqas. Dawn l-ammonti jinkludu wkoll ħlasijiet fejn il-flus ġew trasferiti minn Dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern . Dan peress li fl-emendi li saru fl-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88), l-entitajiet li jagħmlu talba għal espropriju huma obbligati li jittrasferixxu l-fondi tal-kumpens dovut lis-sidien qabel ma toħroġ id-Dikjarazzjoni tal-President għall-akkwist tal-proprjeta’ mitluba fil-Gazzetta tal-Gvern.
Dwar il-kumplament tad-domanda, mhux possibbli li jingħataw dawn id-dettalji peress li trid ħafna ħin u rizorsi sabiex tinġabar din l-informazzjoni. Madankollu, jekk l-Onorevoli Membru jrid xi dettalji fuq xi każ partikolari, jgħaddi d-dettalji u tinġabar l-informazzjoni relatata.
Biċċerija tal-Gvern – korriment fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li jaħdmu fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa? F’liema kategorija ta’ xogħol differenti jaħdmu dawn l-istess impjegati, skont il-grad li jaħdmu fih? Kemm minn dawn il-ħaddiema (inklużi l-professjonisti) qed jaħdmu fuq bażi full-time, kemm fuq bażi part-time u kemm fuq bażi ta’ kuntratti temporanji? Kemm-il każ ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-biċċerija, matul din is-sena (2013)? Kemm minn dawk li korrew fuq il-post tax-xogħol kellhom jieħdu sick leave b’riżultat ta’ dan il-korriment? Kemm minn dawn il-korrimenti seħħew, maqsuma xahar b’xahar matul dan il-perijodu? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li korrew għadhom ma rritornawx għax-xogħol regolarmanent?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li jaħdmu fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa huwa ta’ 81 li minnhom 14 jaħdmu fl-Amministrazzjoni u 67 fuq il-linja u xogħol anċillari. Il-ħaddiema kollha jaħdmu fuq bażi full-time u minnhom 19 il-ħaddiem jaħdmu fuq bażi ta’ kuntratt.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ukoll għat-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra rigward korrimenti fuq il-post tax-xogħol li kien hemm matul is-sena 2013 fejn ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha irritornaw għax-xogħol.
Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema biex tirranġa r-residenza tagħha?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser issir spezzjoni sabiex jiġi verifikat ix-xogħol li sar min-naħa tas-Sinjura li se tintalab ukoll biex tersaq għall-iffirmar tal-ftehim fuq l-għotja li l-Awtorità tad-Djar ser tagħti lilha. Fil-fatt nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar, din is-Sinjura ġiet mitluba sabiex tiġi tiffirma dan il-ftehim. Tali appuntament ġie kkonfermat mis-Sinjura ukoll.
Hekk kif ix-xogħljiet approvati mill-Awtorità jiġu verifikati kollha li tlestew, l-Awtorità tad-Djar ser tkun f’pożizzjoni li toħroġ il-pagament.
Għawdex — Marsalforn - studji dwar il-protezzjoni tal-bajja
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6689, jista’ l-Ministru jgħid kif rapport li jistudja u jagħti proposti dwar x’għandu jsir biex il-maltemp ma jibqax jagħmel ħsara f’Marsalforn, jista’ jkun kummerċjalment sensittiv? Jista’ jneħħi l-partijiet li skont hu huma kummerċjalment sensittivi u jippubblika l-kumplament tar-rapport f’ġieħ it-trasparenza li kienet waħda mill-għajtiet li rebaħ bihom l-elezzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6689
Dipartiment tal-Artijiet – permessi għall-billboards proviżorji
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6690, jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tat-toroq li fihom ġew approvati biex jipoġġew billboards mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum u dan peress li filwaqt li fir-risposta tiegħu ta l-lokalitajiet, naqas li jagħti l-ismijiet tat-toroq kif mitlub?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru adozzjonijiet kull sena mis-sena 2005 sal-lum u mil-liema pajjiżi saru dawn l-addozzjonijiet f’kull sena?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figuri li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra jaghtu rendikont tan-numri ta’ tfal li gew adottati fil-pajjizi rispettivi tagħhom. L-informazzjoni ta’ meta dawn l-adozzjonijiet gew registrati fil-qorti Maltija tinsab il-Qorti.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tal-Istandards ta’ Malta (MSA) hijiex twaqqaf prodotti li ma jkollhomx il-marka CE milli jaslu għand il-persuni li jkunu xtrawhom?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li prodotti li jaslu d-Dwana ta’ Malta u li ma jkollhomx ir-rekwiżiti neċessarji dwar il-liġijiet tas-sigurtà tal-prodotti, fosthom il-marka CE jekk din tkun applikabbli, jiġu miżmuma mid-Dwana stess għaliex dawn jistgħu ikunu ta’ riskju serju għal min jużahom. L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur tikkollabora mad-Dwana fuq l-aspetti tekniċi tal-prodotti.
Prodotti li jinstabu fuq is-suq u li ma jkollhomx il-marki neċessarji jitneħħew mis-suq sakemm isiru t-testijiet u r-
Risk Assessment
neċessarji sabiex ikun żgurat illi dawn il-prodotti ma jpoġġux riskji serji għal min jużahom.
Reklamazzjoni tal-art – espressjonijiet ta’ interess
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn min huwa magħżul il-kumitat ta’ evalwazzjoni ta’ proposti marbutin mas-sejħa ta’ espressjonijiet ta’ interess għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-proposti għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art ġie magħżul mill-Gvern.
Reklamazzjoni tal-art – espressjonijiet ta’ interess
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti proposti marbutin mas-sejħa ta’ espressjonijiet ta’ interess għall-proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art? Fl-istess lista, jista’ jindika l-konsorzji/kumpaniji/individwi li għamlu kull waħda minn dawn il-proposti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej l-evalwazzjoni tal-proġetti proposti. Hi l-intenzjoni tal-Gvern li fi stadju tal-evalwazzjoni, l-informazzjoni mitluba ssir pubblika.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għala l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ħassitx il-ħtieġa li tifformola policy dwar reklamazzjoni tal-art qabel ma ħarġet sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art? Issa li ġew sottomessi l-proposti, jista’ jgħid jekk tali policy hux se tiġi fformulata?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-proċess tal-espressjonijiet ta’ interess għal proġetti li jinvolvu reklamazzjoni tal-art huwa intenzjonat li jiddetermina l-livell ta' interess f'dan il-qasam kif ukoll in-natura tal-proġetti tagħhom. Diġà hemm qafas ta' liġijiet u policies li ma jinħtigux policy speċifika fuq is-suġġett.