Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx il-preparamenti u jekk iva, fejn waslu, biex titwettaq il-wegħda elettorali tal-Gvern li jkollna border patrol squad?
Response (MALLIA, EMANUEL)
F’dawn l-għaxar xhur, il-Gvern irriorganizza, il-korpi dixxiplinati biex ikunu aktar effettivi, wara li kien hemm sens ta dimoralizzazjoni u nuqqas ta ħeġġa mifruxa f’kull livell f’dawn il-korp. Taħditiet inizjali diġa bdew biex ikun hemm mil-Border Patrol Squad u fiż-żmien li ġej dawn it-taħditiet ser isiru aktar konkreti permezz ta pjan speċifiku. Ta min jgħid li il-pulizija u l-Armata diġa bbenifikaw minn Border Patrol Funds u nxtara apparat li qed jiġi użat għal dan il-għan. Ġie deċiż ukoll li darba fis-sena jsir taħriġ speċifiku bejn il-Pulizija , l-Armata u ic-CPD biex isir aktar kordinament speċjalment fejn tidħol l-immigrazzjoni rrgolari u jiġi massimizzat l-użu li diġa nxtara mill-Forzi Amati ta’ Malta u l-Pulizija.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – każ ta’ individwu
Question
Tista’ l-Ministru tispjega jekk tfajla single li tirrisjedi ma’ ommha (u ommha hi legalment separata) u liema xebba kienet tirċievi l-unemployment benefit, għala d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Ġunju 2013 infurmaha li se jkollha tirrifondi l-għajnuna għal disimpjieg peress li “mhijiex il-Kap tal-Familja”? Huwa korrett li jingħad li t-terminu “kap tal-familja” hu applikabbli biss meta tittratta ta’ koppja miżżewġa u mhux ta’ tfajla li tirrisjedi ma’ ommha?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xebba li tgħix m’ommha ma tistax tiġi meqjusa li hi l-kap tal-familja. Hija l-omm li hi meqjusa l-Kap tal-familja.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex soddisfatt bir-riżultati miksuba mill-Uffiċċju tal-Ombusdman?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Gvern jirrispetta u jagħti każ tal-ħidma u tal-fehmiet li minn żmien għal żmien l-Uffiċċju tal-Ombudsman iressaq ‘il quddiem. Dan b’differenza mill-amministrazzjonijiet preċedenti li f’iktar minn okkażjoni waħda attakkaw fil-pubbliku lill-Uffiċċju tal-Ombudsman wara li dan kien kritiku ta’ aspetti varji tat-tmexxija tal-Gvern.
Il-Furjana — St Francis Ravelin – problema ta’ parkeġġ
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'qed isir biex tissolva l-problema ta' parkeġġ li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-bini ta' din l-Awtorità f' St Francis Ravelin, il-Furjana?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-Awtorità hija konxja ta’ dan il-punt, li ilu jeżisti għal dawn l-aħħar 15-il sena, u qed tevalwa kif għandu jkun indirizzat.
Il-Furjana — St Francis Ravelin – assenjazzjoni ta’ parkeġġ
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'proċedura qed tintuża biex jiġu assenjati l-postijiet ta' parkeġġ li għandha l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fil-bini ta' din l-Awtorità f' St Francis Ravelin, il-Furjana?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6246.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll mad-diversi awtoritajiet, korporazzjonijiet u dipartimenti li jaqgħu taħt il-kappa ta' dan il-Ministeru mit-13 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Dawn il-persuni ġew impjegati wara ħruġ ta' call for applications, tender, quotation jew inkella bħala position of trust? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kif wkoll ir-remunerazzjoni involuta għal kull persuna hawn fuq imsemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ impjegati ġodda mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u awtoritajiet, entitajiet, korporazzjonijiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi mit-13 ta' Marzu 2013 ‘l hawn huwa ta’ 40. Dan in-numru jinkludi ukoll l-istaff li jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħi, kif ukoll l-impjegati kollha li ġew ingaġġati fuq kuntratt definit.
Mhux il-prassi li jitqiegħdu kopji ta’ kuntratti ta’ impjegati fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-miżura li ġiet imħabbra fil-Baġit li għadda dwar rifużjoni tal-VAT ta' karozzi mixtrija bejn l-2004 u l-2008, jista’ l-Ministru jgħid kif se jistabbilixxi min se jibda jieħu r-rifużjoni l-ewwel peress illi din ir-rifużjoni se tingħata fuq perijodu ta' seba’ snin?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji dwar din l-iskema se jitħabbru dalwaqt.
B'referenza għall-miżura li ġiet imħabbra fil-Baġit li għadda dwar rifużjoni tal-VAT ta' karozzi mixtrija bejn l-2004 u l-2008, jista’ l-Ministru jgħid min se jieħu din ir-rifużjoni f'każ li karozza ġiet mixtrija ħames snin ilu però issa biegħha lil terzi, min kien xtara l-karozza oriġinarjament jew fuq min qiegħda l-karozza llum?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dettalji dwar din l-iskema se jitħabbru fi żmien li ġej.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5589, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol li suppost għamlet il-Korporazzjoni Enemalta fi Triq l-Inkurunazzjoni, Ħaż-Żabbar?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li x-xogħlijiet imsemmija jikkonċernaw proġett ta’ bini ta’ substation. Dawn ix-xogħlijiet kienu mwaqqfa diversi drabi mill-Cultural Heritage minħabba li nstabu xi fdalijiet arkeoliġiċi. Il-proġett mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin wara li x-xogħolijiet kellhom jiefqu għal diversi drabi minħabba s-sejba ta’ dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi.
Operazzjonijiet ta’ knee u hip replacements — lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-lista ta’ stennija għal knee replacements u hip replacements sat-30 ta’ Settembru tas-snin 2007-2013, sena b’sena?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ pazjenti fuq il-lista ta’ stennija għal knee replacements u hip replacements fis-snin u x-xhur indikati kien bħal ma jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
F’ nofs is-sena 2009 sar eżerċizzju biex il-
waiting lists
tal-ortopedija, li qabel kienu jinġabru manwalment, jiġu iċċentralizzati fuq sistema tal-kompjuter.
Ta’ min jinnota li l-informazzjoni għas-sena 2007 inġabret skond il-Bupa category u mhux it-tip ta’ operazzjoni u għalhekk ma ġietx inkluża f’din it-tabella.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru knee u hip replacements kull sena mis-sena 2008 sal-2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura mis-Surgical Operations Register, MDH in-numru ta’ episodji ta’ operazzjonijiet irregistrati li saru fl-Isptar Mater Dei għall-operazzjonijiet msemmija jidhru fi-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-complement tal-istaff, grad b’grad, fl-isptarijiet tal-Gvern fit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena mis-sena 2008 sal-2013? Kemm kienet l-ispiża totali f’termini ta’ paga u allowances fl-istess snin f’kull kategorija?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Sptarijiet tal-Gvern – nefqa fuq makkinarju ġdid/u maintenance
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont totali li nefaq il-Gvern f’termini ta’ makkinarju ġdid/u maintenance fl-isptarijiet governattivi (f’Malta u f’Għawdex), sptar bi sptar, kull sena mis-sena 2004 sal-lum? Kemm minn dan l-ammont tħallas mill-Unjoni Ewropea?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata ta’:
· mediċini (f’kull forma u/jew doża);
· prodotti farmaċewtiċi (f’kull forma u/jew doża);
· apparat mediku; u
· disposables jew consumables
li huma out-of-stock f’kull entità tas-saħħa fid-dekasteru tiegħu kif ukoll fl-ispiżeriji tal-Ispiżerija tal-GħażlaTiegħek (POYC)? X’inhi r-raġuni li huma out-of-stock, kemm ilhom out-of-stock u meta se jerġgħu jkunu għad-dispożizzjoni tas-servizz tas-saħħa u tal-pazjenti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għas-Saħħa — kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u ingaġġi
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mill-1 ta’ Settembru 2013 sal-lum? Għal kull każ jista’ jagħti:
a. id-data meta’ ngħata;
b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri;
c. il-valur tiegħu;
d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet;
e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntużat; u
f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-bidliet li se jseħħu fil-villaġġ tas-snajja’ f’Ta’ Qali matul iż-żmien li ġej?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bidliet ikunu magħrufa ġaladarba jintemmu d-diskussjonijiet mat-tentants tal-Villaġġ u wara d-diskussjonijiet mal-MEPA.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin, liema kienu l-każijiet fejn min appella minn sentenza tal-Qorti Ċivili ġie mmultat skont il-paragrafu 10 (1) ta’ Skeda “A” mehmuża mal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili – Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li sad-data li fiha saret din il-mistoqsija, kien hemm disa’ każijiet fejn il-Qorti tal-Appell ikkundannat penali (spejjeż addizzjonali) ai termini tal-Iskeda A, Tariffa A, paragrafu 10(1) tal-Kap 12
Appelli minn sentenzi tal-Qorti Ċivili Prim Awla:- 2
Ċitazzjoni numru 43/07 deċiża 28/06/2013 - €600
Ċitazzjoni numru 1300/07 deċiża 25/10/2013 - €1000
Appelli minn sentenza tal-Qorti Ċivili Prim Awla (Sede Kostituzzjonali):- 4
Rikors numru 49/10 deċiża 22/02/2013 - €600
Rikors numru 23/06 deċiża 22/02/2013 - €700
Rikors numru 7/11 deċiża 25/02/2013 - €700
Rikors numru 17/11 deċiża 26/04/2013 - €585
Talba ta’ ritrattazzjoni wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell Ċivili:- 3
Ċitazzjoni numru 1150/96 deċiża 21/10/2010 - €700
Ċitazzjoni numru 930/92 deċiża 09/11/2012 - €700
Ċitazzjoni numru 1655/01 deċiża 31/05/2013 - €600
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ex membri tas-servizzi (Pulizija, Forzi Armati, Protezzjoni Ċivili u Gwardjani tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin) li għandhom bejn 45 u 61 sena li jieħdu bonus mit-Teżor?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2013 kien hemm 545 ex membri tas-servizzi (Pulizija, Forzi Armati, Protezzjoni Ċivili u Gwardjani tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin) li għandhom bejn 45 u 61 sena u li kienu intitolati biex jieħdu bonus mit-Teżor.
Sptar Mater Dei – approvazzjoni ta’ xogħol mid-Dipartiment tal-Kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ xogħol li ġie invoiced mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2012 lill-Isptar Mater Dei u kemm minn dan l-ammont ġie approvat mid-Dipartiment tal-Kuntratti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ xogħol li ġie invoiced mill-kumpanija msemmija fl-2012 lill-Isptar Mater Dei kien ta’ € 5,807,601 u l-ammont li ġie approvat mid-Dipartiment tal-Kuntratti kien ta’ € 5,987,800.