Tista’ l-Ministru titlob lid-dipartiment ikkonċernat sabiex jassigura li t-tnaqqis tal-pensjoni tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwa ġustifikat u bbażat fuq workings tajba?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tnaqqis li qiegħed iseħħ mill-pensjoni kontributorja għall-Irtirar tal-persuna msemmija minnu hu ġustifikat u bbażat fuq workings tajbin.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tneħħi jew iċċaqlaq arblu tad-dawl li jkun qiegħed jostakola bankina pubblika? Jista' jikkonferma li f'każ li l-arblu tal-Korporazzjoni Enemalta jkun qed jostakola bankina pubblika, l-ispiża sabiex l-arblu jitneħħa jew jiċċaqlaq titħallas mill-Korporazzjoni Enemalta u mhux mill-kunsill lokali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex jitneħħa arblu jew jiġi mċaqlaq minn postu, trid issir talba bil-miktub lill-Korporazzjoni Enemalta. Din it-talba tiġi analiżżata u jekk jinstab li l-arblu jkun qed jostakola xi bankina, dan jiġi mċaqlaq bil-Korporazzjoni Enemalta tassorbi l-ispejjeż involuti. Jekk jirriżulta li l-arblu se jkollu jiċċaqlaq minħabba li jkun ser isir xi żvilupp, il-klijent ikollu jissottometti Applikazzjoni għal Devjazzjoni flimkien mal-ħlas dovut lill-Korporazzjoni Enemalta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fejn dak li huwa magħruf bħala Dock 7 il-Marsa hemmx xi restrizzjonijiet ta’ aċċess fuq il-moll għall-pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aċċess għall-pubbliku huwa ristrett għall-ħinijiet ta’ bejn is-6 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija kuljum bejn it-Tnejn u l-Ħadd. Il-pubbliku huwa obbligat isegwi s-sinjali li juru r-rotta tad-dħul u l-ħruġ mill-moll.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy li juża meta jkunu se jinqalgħu siġar mit-toroq f'Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux normali li siġar tal-palm jitħallew jinqalgħu bla ebda restrizzjoni mit-toroq? Billi jidher li m'għadux iktar possibbli li siġar tal-palm li jinqalgħu minn post partikolari jerġgħu jitħawlu xi mkien ieħor, kif qed jiġi assigurat li dawn l-istess siġar jinqerdu, u kif?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-qlugħ ta’ siġar mit-toroq ma jaqax taħt il-mandat ta’ dan il-Ministeru, ħlief fejn jirrigwarda siġar tal-palm. Għal dak li jirrigwarda palm, jien infurmat li skont l-Avviż Legali 42 tal-2009 u l-emendi tiegħu, palm infettat jiġi spezzjonat mill-uffiċjali tas-Sorveljanza u Spettorat fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti u skont linji gwida maħruġa taħt l-istess Att jittieħdu l-passi neċċessarji biex dawn is-siġar jinqerdu u l-qerda ssir taħt is-superviżjoni tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet mistennija li jinbdew matul din is-sena fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jinbdew dawn l-istess xogħlijiet, min se jagħmilhom u kemm hu mistenni li jiswew dawn l-istess xogħlijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4803 fejn kienu elenkati x-xogħlijiet kollha li ser isiru fiż-żona magħrufa bħala tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar. Ninsab infurmat ukoll li dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jsiru din is-sena u bħalissa qegħdin jiġu preparati it-tenders relatati ma' dawn ix-xogħlijiet. F’dan l-istadju ma jkunx għaqli li tingħata informazzjoni dwar l-istimi li saru għal dawn ix-xogħlijiet minħabba li l-proċess tat-tenders għadu mhux magħluq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' pjanti u siġar li ma tħallewx jidħlu f'Malta matul l-2013, minkejja li dawn kienu waslu fil-portijiet jew l-ajruport tagħna? X'kienu r-raġunijiet li għalihom ma tħallewx jidħlu Malta dawn l-istess pjanti/siġar? Xi rwol għandu l-Ministeru biex jassigura li tali affarijiet ma jitħallewx jidħlu f'Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2013 kien hemm każ wieħed biss ta’ pjanti li ma tħallewx jidħlu f’ Malta li kien minħabba raġunijiet fitosanitarji. Dawn kienu pjanti akkwatiċi (aquatic plants) u r-raġuni kienet għaliex dawn ma ġewx bil-prerekwiżiti skont l-Avviż Legali 97 tal-2007 u l-emendi, kif ukoll skont id-Direttiva 2000/29/EU u l-emendi.
Ninsab infurmat ukoll li r-rwol tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti hu limitat li jara li l-pjanti u s-siġar li huma rregolati minħabba riskju fitosanitarju ma jiġux rilaxxati qabel isiru l-ispezzjonijiet neċessarji mill-ispetturi tad- Direttorat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop li għalih ġie pubblikata l-Avviż Legali 453/2013? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan l-Avviż Legali hux se jkollu effett ta' xi bidliet oħra fuq l-agrikultura Maltija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskop li għalih qed jagħmel referenza huwa elenkat fl-istess Avviż Legali u mhux mistenni li jkollu xi effett fuq l-agrikultura Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq it-toroq segwenti u dan stantè li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5948 kien indika li x-xogħol fuq dawn it-toroq kien ippjanat li jitlesta fl-aħħar tas-sena 2013: Triq San Lawrenz, San Lawrenz; Triq Sdieri, l-Għarb; Triq Għar Ilma, Santa Luċija; Parti minn Triq Għajn Qatet, Victoria; Parti minn Triq it-Tiġirja, in-Nadur; Triq Daħlet Qorrot, in-Nadur; parti minn triq Bullara, ix-Xagħra; Triq is-Salini, Marsalforn; Triq it-Tempju tal-Imramma, is-Sannat; Triq ta’ Ġorf, ix-Xagħra; Triq l-Ispiera, ix-Xagħra; Triq ta’ Bardan, is-Sannat; u junction fi Triq Għajn Qatet u Triq Għajn Qatet, Victoria?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li ix-xogħlijiet imsemmija waslu fl-istadju kif jidhru hawn taħt:
Triq San Lawrenz – San Lawrenz – Xogħol sospiż għaż-żmien tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena u ser jitkompla fil-ġranet li ġejjin.
Triq Sdieri – Għarb – Xogħol tlesta.
Triq Għar Ilma – Santa Luċija – Xogħol tlesta.
Parti minn Triq Għajn Qatet – Victoria – Inħarġet offerta għax-xogħol u qiegħda tiġi evalwata.
Parti minn Triq it-Tiġrija – Nadur – Xogħol ser isir wara li l-kumpannija GO tibdel il-cables tagħha.
Triq Daħlet Qorrot – Nadur – Xogħol qed isir.
Parti minn Triq Bullara – Xagħra – Xogħol qed isir.
Triq is-Salini – Marsalforn – Xogħol qed isir.
Triq Tempju tal-Imramma – Sannat – Xogħol tlesta.
Triq ta’ Gorf – Xagħra – Bini ta’ kanal għall-ilma tax-xita – Xogħol qed isir.
Triq l-Ispiera – Xagħra - Bini ta’ kanal għall-ilma tax-xita – Inħarġu l-offerta għax-xiri ta’ katusi u l-kuntrattur ser jibda fil-ġranet li ġejjin.
Triq Bardan – Sannat – Xogħol qed isir.
Junction fi Triq Għajn Qatet u Triq Għajn Qatet – Victoria – Inħarġet offerta għax-xogħlijiet u qiegħda tiġi evalwata.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq il-kont tad-dawl u l-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS Ltd infurmat lill-klijent li l-każ tiegħu jaqa' taħt id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema dwar housing?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar ikkuntattjat lill-din il-persuna u fil-ġranet li ġejjin ser issir spezzjoni minn Tekniku sabiex isir rapport tal-ħsarat irrappurtati mill-individwu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-attivitajiet kollha li ġew organizzati fit-Teatru Rjal (fit-Teatru nnifsu) matul l-2013? X'tip ta' attivitajiet kienu u kemm-il darba sar użu mit-Teatru matul l-istess perijodu? Kemm kien in-numru ta' persuni li attendew (b'mod globali) għal dawn l-attivitajiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li sa issa għadhom ma bdewx jagħmlu live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? X'inhuma r-raġunijiet li għalihom xi wħud mill-kunsilli għadhom ma bdewx jagħmlu tali live streaming?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4907 u 5883.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm applikazzjoni tal-Planning Control biex tiġi alterata l-linja fuq l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk ma kienx hemm, b’liema awtorizzazzjoni tbiddlet il-linja?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-linja tal-permess bl-applikazzjoni numru PA 843/13 ma ġietx alterata u għaldaqstant ma kienx hemm applikazzjoni tal-Planning Control. Il-binja li hemm fuq in-naħa tal-grigal tas-sit tal-applikazzjoni riferuta hawn fuq għandha parti rtirata ‘l ġewwa mil-linja.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda opri ta’ arti mixtrija jew mikrija fi ħdan il-Ministeru, dipartimenti, entitajiet jew aġenziji.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xiri jew kiri ta' Opri tal-Arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma nxtraw jew inkrew l-ebda opri ta’ arti mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħti wara d-9 ta’ Marzu 2013.
Ministeru għal Għawdex — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li mid-9 ta' Marzu 2013 'il hawn inxtrat skultura u ġiet mislufa pittura mill-Mużew Nazzjonali tal-Arti għal perijodu ta' tletin ġurnata.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li wara d-9 ta' Marzu 2013 ma nxtrawx u lanqas inkrew opri ta' arti mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Finanzi — xiri jew kiri ta’ opri ta’ arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninsab infurmat illi ma nxtraw u anqas inkrew opri t’arti mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji kif mitlub.
Tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li jidher li hemm żball fil-pensjoni li jirċievi?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.