B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5004, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li joħroġ il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) relatat mal-bus shelter li jinsab Ħal Far faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati ta' Malta, fil-viċinanzi tal-Laboratorju tal-Paċi?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi niċċara illi r-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 5004 kienet qiegħda tirreferi għall-applikazzjoni ta’ bus shelter biswit u mhux faċċata tal-entratura tal-Forzi Armati. Din l-applikazzjoni fil-fatt saret u ġiet approvata mill-MEPA. Fil-preżent, l-installazzjoni ta’ dan il-bus shelter qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni ta’ tender għax-xogħlijiet illi hemm bżonn fuq il-base work.
Fir-rigward tal-bus shelter l-ieħor, din id-darba faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati, ninsab infurmat illi Transport Malta ssottomettiet għall-approvazzjoni applikazzjoni mal-MEPA sabiex jiġi nstallat bus shelter f’dan is-sit. L-Onorevoli Interpellant, bħala perit, suppost li jaf li l-proċess tal-approvazzjoni għall-applikazzjoni irid jieħu iż-żmien tiegħu u li m’għandna ebda dritt li ninfurzaw fuq il-MEPA meta jinħareġ tali permess.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5005 u konsegwentement ir-risposta mogħtija, jista’ l-Ministru jgħid kif se jagħti l-kontribut tiegħu biex isir ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq Ħal Far, iż-Żurrieq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq Ħal Far fiż-Żurrieq hija triq rurali. Transport Malta hija nfurmata li din it-triq għandha bżonn manutenzjoni u għaldaqstant din it-triq tinsab fil-lista ta’ toroq li fuqhom ntalbet għajnuna mill-gvern ċentrali. Madankollu, kwalunkwe intervent isir skont il-prijoritajiet filwaqt li hekk kif imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 5005, inġibdet l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
Ministeru għal Għawdex — Millennium Development Goals
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Jista’ jgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabiltà tiegħi ma għandhom l-ebda involviment dirett dwar il-Millenium Development Goals.
Foundation for Medical Services — management accounts
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-Foundation for Medical Services għax-xahar ta’ Ottubru 2013?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-Management Accounts tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi joħorġu kull tlett xhur (quaterly), għaldaqstant L-Management Accounts sa l-aħħar ta’ Settembru diġa tqedu fuq il-Mejda tal-Kamra f’mistoqsija Parlamentari numru 5745.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm żgħażagħ għamlu użu miż-żewġ ċentri ta’ attività għaż-żgħażagħ f’Marsaxlokk u f’Villa Psaigon sena b’sena fl-aħħar ħames snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li Aġenzija Żgħażagħ bdiet tamministra ċ-ċentru ta’ Marsaxlokk fi Frar 2011. Fis-sena 2011 għamlu użu miċ-ċentru 816 żagħżugħ/a, fis-sena 2012 intuża minn 767 żagħżugħ/a, u fis-sena 2013 għamlu użu 1141 żagħżugħ/a.
Villa Psaigon reġgħet bdiet topera, din id-darba bħala Youth Activity Centre, f`Ġunju 2012. Sa Diċembru 2012 għamlu użu miċ-ċentru 239 żagħżugħ/a filwaqt li fis-sena 2013 għamlu użu minnu 1384 żagħżugħ/a.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ċentri li qed jintużaw minn Aġenzija Żgħażagħ bħala Youth Cafes, meta fetħu u xi pjan hemm biex jinfetħu aktar u f’liema lokalitajiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa Aġenzija Żgħażagħ għandha erba’ Youth Cafes li qegħdin fil-Kottonera, Msida, Qawra, u Valletta.
Il-Ministeru se jkun qed jilħaq iż-żgħażagħ fil-postijiet li jiffrekwentaw b’modi diversi, kif issemma’ fid-diskors tal-baġit.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm żgħażagħ applikaw għall-European Youth Card (Karta Żgħażagħ) sena b’sena minn meta din tnediet f’Malta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li fis-sena li ilha li tnediet il-Karta Żgħażagħ, kien hemm 3488 żagħżugħ/a li applikaw għaliha.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet it-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa l-Youth Policy Advisory Group qiegħed fl-aħħar fażi biex joħroġ l-ewwel draft tal-politika nazzjonali taż-żgħażagħ. Il-pjan huwa li dan il-grupp jippreżenta lis-Segretarju Parlamentari dan id-draft fl-aħħar ta` Jannar 2014 biex ikun jista` joħroġ għall-konsultazzjoni f`Marzu.
Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2008 ’l hawn kemm kienu investiti fi scholarships u kemm studenti/żgħażagħ sa 30sena ħadu l-boroż ta’ studju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-2008 ’l hawn kien hemm investiment totali ta’ €19,865,889.21 f’Boroż ta’ Studju amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. L-iskemi ta’ Boroż ta’ Studju huma:
1) Malta Government Scholarships Scheme for Postgraduate Courses, (MGSS – PG).
2) Malta Government Scholarships Scheme for Undergraduate Courses, (MGSS – UG).
3) Strategic Educational Pathways Scholarships Scheme, (STEPS).
4) Malta Arts Scholarships.
5) Malta Sports Scholarships.
6) Malta Science Awards.
7) Scholarships to Achieve Results, (S.T.A.R.).
8) “MASTER it!” Scholarship Scheme.
Fost in-nies li gawdew minn dawn il-Boroż ta’ Studju, kien hemm
1,924
student li m’ghandhomx aktar minn 30 sena. Din iċ-ċifra tinkludi 29 applikant taħt l-Iskema MGSS - UG 2013 li sat-30 ta’ Diċembru 2013 issottomettew id-dokumenti kollha mitluba skont ir-Regolamenti tas-Sejħa, iżda teskludi 132 applikant taħt l-istess Skema li għadhom ma tawx id-dokumenti kollha.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-ammonti investiti mill-2008 ’l hawn kif ukoll in-numru ta’ żgħażagħ taħt it-tletin sena li gawdew minn dawn il-Boroż ta’ Studju, imqassmin sena b’sena.
Rigward l-MCAST, mill-2008 'l hawn kienu 59 studenti/żgħażagħ sa 30 sena li ħadu Boroż ta' Studju. Il-boroż ta’ studju kollha li ngħataw ikopru korsijiet li bdew fis-sena akkademika 2011-2012.
Infurmat ukoll mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li filwaqt li bejn is-snin 2008 u 2011 ma kienx hemm investiment fi
scholarships,
fis-sena 2012 ġew investiti €1,092,868 fl-iskema tat-Training Subsidy Scheme Academic (TSSA). B’kollox ibbenefikaw 141 persuna li minnhom 110 kienu taħt it-tletin sena. Minn dawn il-110 persuna, 42 applikaw għal Diploma filwaqt li 68 applikaw għal Degree. Fis-sena 2013 infetħu applikazzjonijiet ġodda (TSSA) iżda l-investiment fuqhom se jsir fis-sena 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti tħarrġu permezz tal-Youth Inc. sena b’sena u x’inhu l-pjan tal-Gvern għal dan il-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-għadd ta' studenti li tħarrġu permezz tal-programm Youth.inc hu kif ġej:
L-ewwel grupp – Jannar 2011: 57 student
It-tieni grupp – Ottubru 2011: 52 student
It-tielet grupp - Ottubru 2012: 64 student
Ir-raba’ grupp – Ottubru 2013: 89 student
F’Jannar 2014 il-Youth.inc se jilqa’ grupp ta’ studenti bħala parti mill-Alternative Learning Programme. Il-Fondazzjoni qed tippjana li dan il-programm jibqa' jiżviluppa fis-servizzi tiegħu għall-akbar benefiċċju tal-istudenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal biex tinqala’ l-lapida kommemorattiva tal-Ftuħ tal-Foss tal-Imdina, liema proġett ġie inawgurat f'Marzu 2013 mill-Prim Ministru u l-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura? Jista’ jieħu passi biex din terġa’ titpoġġa fil-post oriġinali tagħha minnufih?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lapida kommemorattiva tal-ftuħ tal-Foss tal-Imdina kienet inqalgħet temporanjament għal xogħol ta’ manutenzjoni.Fil-preżent tinsab lura f’postha.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2961, jista’ l-Ministru jelabora fuq dawn il-ħsibijiet u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji dwar l-att identifikata u pjanti u dokumenti oħra?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qiegħed isir studju dwar liem art qrib is-sezzjoni tas-SATU, tista’ tkun l-iktar adegwata għall-iskop tal-binja l-ġdida tal-YOURS. Qegħdin jiġu mniegħda ukoll pjanti ġodda, iżda nirrisserva d-dritt li nesponi dan ix-xogħol qabel ma nkun ikkonsultajt mal-Awtoritajiet konċernati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss f’Ħal Luqa, li jinkludi wkoll, anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss fis-Siġġiewi li jinkludi wkoll, anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6773.
Tista’ l-Ministru tara li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi kkunsidrat kemm jista’ jkun malajr għas-servizz ta' social worker?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Sinjura kkonċernata kellha każ li kien magħluq fl-2004. Jekk hemm xi bzonnijiet oħra, is-Sinjura hija mħeġġa titkellem mal-Aġenzija.