Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dar tal-Anzjani – Dħul ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward dħul f’Dar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Trasport pubbliku b’xejn għall-persuni li jagħlqu t-18-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-iskema li ħareġ il-Gvern li kull min jagħlaq it-18-il sena matul l-2017 ikun jista’ juża t-trasport pubbliku b’xejn, tiġi estiża għal kull persuna li jkollha 18-il sena matul l-2017 biex tkun tista’ tuża t-trasport pubbliku b’xejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema mħabbra fil-Budget kienet speċifika li din kienet tapplika għal dawk il-persuni li jagħlqu t-tmintax-il sena fis-sena 2017.

Manutenzjoni fuq saqaf tal-bejt ta’ blokka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex meta saret il-manutenzjoni fuq is-saqaf tal-bejt tal-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, din il-manutenzjoni ma saritx fuq il-bejt kollu iżda fuq nofsu biss, bil-konsegwenza li xi residenti ta’ din il-blokka qegħdin isofru minn ħsarat minħabba dħul ta’ ilma fil-flat fejn joqogħdu huma?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-inkwilna li ressqet l-ilment għall-attenzjoni tal-Awtorità tad-Djar, diġà kienet infurmata dwar id-dettalji tal-każ tagħhom u x-xogħol li sar.
Leg 12 PQ #30137 Sitting 475 2017-01-30 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żurrieq — kmamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kmamar fejn il-miżbla ta’ Wied Fulija limiti taż-Żurrieq li qabel kienu jintużaw mill-watchman ta’ din il-miżbla, humiex proprjetà tal-Gvern jew le? F’idejn min qegħdin preżentament dawn il-kmamar? Jekk dawn il-kmamar preżentament qegħdin f’idejn terzi, kif għaddew għandhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Siġar taż-Żebbuġ – il-marda magħrufa bħala Xylella Fastidiosa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jieħu passi tanġibbli biex ma jħallix il-marda qerrieda li qed taħkem is-siġar taż-żebbuġ fl-Italja magħrufa bħala Xylella Fastidiosa tidħol f'Malta mas-siġar u l-pjanti li qed jiġu importati? U jekk qed jittieħdu dawn il-passi, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri li qed jittieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 24266 tat-3 ta’ Mejju, 2016. Id- Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qed jimxi mar-regoli maħruġa taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE “Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/789 UE tat-18 ta’ Mejju 2015 u l-ammendi tagħha, dwar miżuri biex jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid tal-batterju Xylella fastidiosa (Well u Raju) ġewwa l-pajjizi tal-UE. F’dan ir-rigward ġie mħejji Abbozz ta’ Avviż Legali “Kontroll tal-Xylella fastidiosa (Wells et al.) Regolamenti, 2016” li wara li saret konsultazzjoni pubblika għalih, dan l-abbozz issa qiegħed fi stadju finali qabel jiġi ppublikat. It-Taqsima tas-Sorvelljanza u l-Infurzar fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti tagħmel spezzjonijiet regolari fuq konsenji ta’ pjanti li ġejjin minn pajjiżi tal-UE fejn jinstab dan il-batterju, u jittieħdu kampjuni każwali ta’ pjanti li jidħlu Malta sabiex jiġu ttestjati għal dan l-organiżmu ta’ ħsara. Isiru wkoll spezzjonijiet fil-portijiet fejn jidħlu l-Catamaran u l-Grimaldi Ferries. Entitajiet u ndividwi li huma rreġistrati fil-Malta Official Register huma obligati li jiddikjaraw kull kummerċ tax-xtieli għat-taħwil li jsir fil-gżejjer Maltin skont l-Att ta’ Kwarantina tal-Pjanti, 2001 lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qabel ma jasal il-materjal, skont ir-Regolament 7 (2) tal-Leġizlazzjoni Sussidjarja 449.43. Ta’ min jgħid li dan ir-regolament jistipula li negozjant għandu jgħarraf lil dan l-imsemmi Direttorat dwar konsenji ta’ pjanti u li n-notifiki għandhom jingħataw lill-awtorita’ rilevanti 28 siegħa qabel ma’ l-konsenja tasal f’Malta jew qabel ma tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni. Permezz ta’ din in-notifika, id-Direttorat ikun f’ pożizzjoni li jispezzjona u jiġbor kampjuni qabel mal-materjal jidħol fis-suq. Apparti minn hekk, id-Direttorat embarka fuq kampajna ta’ tagħrif u edukazzjoni, propju mmirata għall-vjaġġaturi biex meta jivjaġġaw ma jgibux lura magħhom pjanti jew xi materjal ta’ pjanti. F’dan ir-rigward sar u għadu qed isir riklamar fid-Departures Lounge fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan id-Direttorat ipproduċa wkoll żewġ filmati li ntwerew fuq stazzjonijiet lokali ewlenin. Dawn il-filmati li ġew tradotti bl-Ingliż ntwerew ukoll fis-swali lokali taċ-ċinema. Sar ukoll riklamar fuq gazzetti online, billboards, fuq il-midja soċjali Facebook, ġew stampati fuljetti informattivi, u saret ukoll kitba ta’ artikli, saru preżentazzjonijiet waqt laqgħat u parteċipazzjoni fuq programm segwit tat-televizjoni.
Leg 12 PQ #30139 Sitting 475 2017-01-30 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — konsulenzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni u/jew kumpaniji/entitajiet legali li taw/qed jagħtu konsulenza legali lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll id-dipartimenti, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu sena b' sena mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm tħallsu/qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Transport Malta – Maintenance Department — executive

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25480, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-irwol ta’ Executive fil-Maintenance Department? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki kif ukoll l-esperjenza li għandha l-persuna li qegħdha fil-pożizzjoni ta' Executive fil-Maintenance Department?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabilità principali ta’ executive fil-Maintenance Department huwa li jiżgura li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni mitlubin mid-Direttorati li għandha l-Awtorità jitwettqu, kif ukoll li jsegwi l-progamm ta’ xogħlijiet ta’ dan id-Dipartiment. L-impjegat konċernat għandu l-kwalifiċi mitlubin fis-sejħa maħruġa għal din il-pożizzjoni li jinkludu: · Liċenzja Nawtika · Ħames snin esperjenza fil-manutenzjoni ġenerali fil-qasam Marittimu Rekwiziti oħra li ntalbu kienu: · Mgħallem f’dak li għandu x’jaqsam apparat marittimu; · Ikun jaf jgħum; · Kapaċi jaħdem fil-għoli.
Leg 12 PQ #30173 Sitting 475 2017-01-30 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – Għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16792 u 29469 jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-Għassa tal-Pulizija l-antika ta’ Wied il-Għajn baqgħet ma ġietx lura f’idejn id-Dipartiment tal-Artijiet peress li tinsab abbandunata?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li ninsab nfurmat li peress li għaddejjin proċeduri quddiem l-Awtorita ta’ l-Ippjanar biex tigi mibnija għassa ġdida f’Wied il-Għajn bil-ħtiġijiet moderni flok l-Għassa tal-Pulizija l-antika, sakemm johorġu il-permessi u susegwentament jibda u jitlesta ix-xoghol, il-hsieb preżenti hu li l-pussess ta’ l-għassa l-qadima tibqa f’idejn il-Pulizija.

Pensjoni taħt l-€500

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni taħt is-somma ta' €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Sussidju fuq il-kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mis-sussidju fuq il-kirjiet u kemm kienet l-ispiża sal-aħħar tas-sena 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li bbenefikaw minn sussidju tal-kera mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016 kien jammonta għal 1,586. L-ispiża fuq sussidju tal-kera għas-sena 2016 kienet dik ta’ €1,101,910, imqassma kif ġej. €125,960 Scheme R - Rent Subsidy (previous scheme) €975,950 Scheme RSS - rent subsidy (current scheme)

Ħal Tarxien – Triq San Franġisk – skart mixħut illegalment

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-iskart li ġie mixħut illegalment f’parti viċin Triq San Franġisk, Ħal Tarxien jitneħħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li fit-triq indikata m’hemmx skart mixħut. L-unika skart mixħut qiegħed f’sit privat li l-Kunsill ma jistax jidħol inaddaf. Intant il-Kunsill Lokali qiegħed f’komunikazzjoni ma’ Transport Malta peress li tħalla xi skart relatat max-xogħlijiet li saru riċentament f’din it-triq.

Pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni sal-aħħar tas-sena 2016 u jista’ jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rilokazzjoni ta’ rziezet tal-baqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi wara l-mistoqsija parlamentari 28618 dwar ir-rilokazzjoni tal-irziezet in kwistjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sussegwentament id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri), il-permess outlinereġa' mar quddiem it-Tribunal ta' Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għall-kunsiderazzjonijiet ulterjuri skont kif ġie ordnat mill-istess Qorti tal-Appell. Il-każ diġa' qed jinstema' quddiem l-imsemmi tribunal.

Tourism Police — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29534 u jgħid kemm kien hemm Pulizija li kienu qegħdin jaħdmu bħala Tourism Police fix-xahar ta’ Ġunju 2016, Lulju 2016, Awwissu 2016, Settembru 2016, Ottubru 2016, Novembru 2016 u Diċembru 2016? Jista’ jgħid xahar b’xahar kemm kienu l-ħlasijiet dovuti lil dawn il-Pulizija għax-xogħol li għamlu fl-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħlasijiet għadhom pendenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Ministeri konċernati ħadu l-azzjoni meħtieġa, il-ħlas dovut ser jitħallas mas-salarju li jmiss.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – safar uffiċjali – użu ta’ minibar f’lukandi

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29533, jista’ l-Ministru jikkonferma li meta jiġi kkunsmat ikel jew xorb minn minibar f'kamra ta’ lukanda okkupata minn uffiċjal tal-ministeru fuq żjara uffiċjali barra l pajjiż, huwa l-Ministeru li jħallas għal tali konsum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċedura għadha l-istess bħalma kienet taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

applikazzjoni għal ċittadinanza — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, rigward applikazzjoni għal ċittadinanza ġaladarba din il-persuna għandha tifel Malti u raġel Malti? Tista' tkun ikkunsidrata peress li għandha l-punti kollha neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni ghadha qed tingabar u ser tinghata f’seduta ohra.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Manucca Childcare Centre – Audited Financial Statements

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29893 u 29990 u jgħid jekk sarux l-Audited Financial Statements fuq il-Manucca Childcare Centre taż-Żejtun li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Audited Financial Statements? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-agreement iffirmat biex ikun jista’ jopera dan iċ-Childcare Centre?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-fethim mitlub. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li, skont informazzjoni li għaddielu s-Supervisory Board taċ-Childcare Centre, bhala stat ta’ fatt ma sarux audited financial statements tal-Manucca Child Day Care Centre.

Proposti fuq sentenzi Kostituzzjonali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27944 u 28400 u ċjoè: Wara l-mistoqsijiet parlamentari 11118 (fl-2014) u 13523 (f’Jannar tal-2015), jista’ l-Ministru jgħid: a) fiex wasal il-proċess ta’ konsiderazzjoni u konsultazzjoni interna (li hu semma’ fit-tweġiba għall-interpellanza 11118) dwar proposta t’abbozz ta’ liġi sabiex jindirizza l-problema ta’ dawk l-inkwilini li qed jispiċċaw żgumbrati minn djarhom minħabba li l-Qrati qed jiddikjaraw parti mill-Att 23 tal-1979 bħala li jikser id-drittijiet tat-tgawdija tal-proprjetà tas-sidien; u b) fiex waslet il-proposta ta’ liġi u s-social impact assessment li huwa semma’ fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13523, dwar l-istess suġġett? Jaf il-Ministru li fil-frattemp spiċċaw żgumbrati minn djarhom familji sħaħ, l-iktar koppji anzjani intortament (u bla ebda tort tas-sidien lanqas li qed jikkawtelaw id-drittijiet tagħhom) li kienu daħlu f’kuntratti in bona fede u skont il-liġi tal-1979, u hemm eluf oħra bil-mannara mdendla fuq rashom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ix-xogħol indikat fir-risposti msemmija f’din l-interpellanza għadu għaddej.
Leg 12 PQ #30223 Sitting 475 2017-01-30 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

DNA test – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward test ta’ DNA?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-Dipartiment tas-Saħħa t-test imsemmi minnu jsir fuq indikazzjoni medika.

Stairlift – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat il-każ tal-individwu li dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ fuq stairlift?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni tal-persuna li qed issir referenza għaliha ġiet ipproċessata. L-għotja tingħata lill-applikant meta l-istairlift jiġi installat. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li rigward il-problema li din il-persuna qed tiltaqa’ magħha ma’ sid il-kera, l-Awtorità tad-Djar ma tistax timponi fuq dan is-sid tal-kera sabiex jaċċetta li l-inkwilin iwaħħal l-istairlift fil-proprjetà privata tiegħu.