Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xemxija — irmiġġ fil-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx irmiġġi vojta fil-bajja tax-Xemxija? Jekk fl-affermattiv x'irid jagħmel individwu li jrid japplika għall-irmiġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni tal-irmiġġi f’kull lokalità differenti inkluż dik tax-Xemxija qiegħda tiġi evalwata. Individwi għandhom japplikaw ma’ Transport Malta u jagħtu d-dettalji kollha ħalli t-talba tagħhom tiġi kkunsidrata skont iċ-ċirkustanzi tal-lokalità.

Stipendji – każ ta’ individwu

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6802, jista' l-Ministru jispjega kif l-istudent fl-MCAST li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament tnaqqaslu l-istipendju b'€23?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-istudent indikat mill-Onor. Interpellant irċieva żewġ pagamenti kif ġej: Pagament ta’ €83.86 li sar fit-2/12/2013. Dan kien l-ewwel pagament ta’ erba’ ġimgħat li jinħareġ mingħajr tnaqqis lil kull student tal-MCAST. Pagament ta’ €62.89 li sar fil-31/12/2013. Dan kien it-tieni pagament li jkopri tlett ġimgħat sal-15/11/2013. Għaldaqstant dan l-istudent ma kellu l-ebda tnaqqis iżda rċieva dak kollu li kien dovut jiġifieri tħallas tal-ewwel seba’ ġimgħat li attenda peress illi attenda l-lezzjonijiet kollha. Minn issa 'l quddiem l-istudenti ser jirċievu pagament għal kull erba’ ġimgħat u jkollhom tnaqqis biss jekk ma jattendux għal xi lezzjonijiet.

Information kiosks

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il information kiosk infetħu sa issa, fejn tpoġġew u kemm hemm ppjanat li jinfetħu iżjed u fejn se jsiru? Tista’ tgħid jekk dawn humiex se jkunu miftuħin is-Sibt li definittivament hija l-aħjar ġurnata għall-konsumatur? Tista’ tgħid kemm se jqum dan il-proġett?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dan huwa proġett pilota fejn s’issa twaqqfu erba’ information kiosk f’żoni kummerċjali f’Raħal Ġdid, tas-Sliema, il-Hamrun u l-Belt Valletta. Mhux eskluż li aktar ‘il quddiem, dawn l-information kiosks jibdew jinfetħu nhar ta’ Sibt kif ukoll li jitwaqqfu kiosks f’ċentri kummerċjali oħra f’Malta u Għawdex. Għadu kmieni biex wieħed jgħid kemm ser iqum il-proġett qabel ma jiġi evalwat ir-riżultat tal-proġett pilota. Sa issa, fuq il-proġett pilota ntefqu elf,mitejn u disa’ u tletin ewro (€1,239).

MCCAA – ħlas ta’ overtime

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm tħallas f'overtime fl-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (MCCAA) fis-sena 2013, min kienu l-impjegati li bbenefikaw minn dan l-overtime u kemm kien l-ammont li tħallas u x’kienet ir-raġuni u l-bżonn ta' dan l-overtime?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ għall-Affarijiet tal-Konsumatur u Kompetizzjoni (MCCAA) matul l-2013 ħallset is-somma ta’ tnax-il elf, erba’ mija u sittax-il ewro (€12,416) bħala sahra lill-impjegati tagħha. Dan l-ammont kien maqsum bejn id-diversi kategoriji t’impjegati li jaħdmu mal-MCCAA minħabba xogħol li waqa’ lura, xogħol ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor.

Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur — ħatriet ġodda

Question

B’referenza għat-tliet ħatriet ġodda ta’ membri tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur skont kif diġà mħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern, tista’ l-Ministru tgħid fuq liema kriterji dawn il-membri ġew magħżula u x'esperjenza għandhom f'dawn l-oqsma?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ħatriet il-ġodda ta’ membri tat-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur saru skont il-kriterji stabbiliti u għandhom il-kompetenza li titlob il-liġi.

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjatha din il-persuna d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema fil-ħlas tal-pensjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħti iktar informazzjoni dwar l-individwu.

Transport Malta — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta tikkuntatjha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba ħsara li sofriet fil-karozza tagħha minħabba tappiera mkissra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li l-ewwel darba li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, tkellem ma’ Transport Malta kien nhar it-Tnejn 13 ta’ Jannar 2014. Transport Malta nfurmat lill-individwu li Triq is-Salina taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, filwaqt li ġie nfurmat ukoll li t-tappiera msemmija taqa’ taht ir-responsabbiltà tal-Korporazzjoni tal-Ilma. Għaldaqstant, il-klijent ġie nfurmat sabiex jagħmel kuntatt mal-Kunsill u mal-entità imsemmija.
Leg 12 PQ #7085 Sitting 109 2014-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – attivitajiet tal-festi nazzjonali — kumitat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kumitat fi ħdan il-Ministeru tiegħu huwa inkarigat mill-attivitajiet tal-festi nazzjonali f'Għawdex u minn min hu kompost dan il-kumitat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Kumitat inkarigat mill-attivitajiet tal-festi nazzjonali f’Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex hu l-Kumitat Ċelebrazzjonijet Nazzjonali u Reġjonali u huwa kompost minn dawn il-membri; Rev. Dr. Joe Gauci – Chairman Kevin Scibereas – D/Chariman Dr. Tonio Portughese – Membru Austin Camilleri – Membru Dr. Alfred Grech – Membru Joseph Haber – Membru Dr. Aaron Attard Hili – Membru Mary Gauci – Membru Frank Cassar – Membru Carmel Zammit – Membru Fabienne Grech – Membru Charlie Hili – Membru Clifford Galea – Membru Rachael Galea – Membru Josette Cremona – Segretarja.
Leg 12 PQ #7086 Sitting 109 2014-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – Tempji tal-Ġgantija — scaffolding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi studju biex ikun jista’ jitneħħa l-iscaffolding li qed iżomm partijiet mit-tempji li kienu se jċedu fit-tempji tal-Ġgantija f’ Għawdex? Jekk iva, min qed jagħmlu? Jekk le, hemm il-ħsieb li ssir xi ħaġa?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li parti mill-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li ġew allokati għall-proġett tat-Tempji tal-Ġgantija kienu propju sabiex isir l-imsemmi studju strutturali. Dan ġie sottomess mill-Prof. Alex Torpiano u jinkludi fih proposti sabiex issir evalwazzjoni ta’ jekk u kif jista’ jitneħħa l-iscaffolding preżenti, filwaqt li jiġi stallat tip ieħor ta’ support li ma jtellifx l-apprezzament tat-tempji. Preżentament, Heritage Malta flimkien mal-Kumitat Xjentifiku għat-Tempji Megalitiċi u l-UNESCO, qed tevalwa liema soluzzjoni/jiet ser timplimenta filwaqt li qed issib sorsi ta’ finanzjar għal dawn l-interventi.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex imur għandha l-perit tal-Awtorità tad-Djar għaliex allegatament qed issir ħsara strutturali fil-post tagħha minħabba attività ta’ terzi li joqogħdu f’appartament fuq tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta — każ ta' individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6957, jista' l-Ministru jgħid x'funzjoni għandha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħat separatament fi ħdan Transport Malti u kemm qed titħallas, jekk qed titħallas, għal din il-pożizzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Il-funzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament hija dik ta’ direttur fuq il-bord tad-diretturi ta’ Transport Malta. Minħabba l-esperjenza u l-kwalifiċi tiegħu, dan l-individwu huwa partikolarment attiv f’shadowing tad-direttorat tal-Avjazzjoni.

Korp tal-Pulizija — tranfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-54 transfer li ħarġu llum, 27 ta’ Ġunju 2013, fil-Korp tal-Pulizija humiex kollha minħabba esiġenza tas-servizz?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant, illi anke f’dan il-każ kien infurmat ħażin għax ma kien hemm l-ebda transfers fil-Korp tal-Pulizija fid-data msemmija mill-Onor. Interpellant.

Korp tal-Pulizija — tranfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-11 ta’ Marzu 2013 sal-lum ingħataw transfers fil-Korp tal-Pulizija, inklużi l-54 transfer li ħarġu fis-27 ta’ Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ l-aħħar parti tad-domanda, l-Onor. Interpellant reġa żbalja għax ingħata informazzjoni ħażina. Fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant 134 membru tal-Korp tal-Pulizija iċċaqlaqu minn xi distrett/taqsima għall-oħra tal-Korp tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija — transfers

Question

Jikkonferma l-Ministru li s-serjetà u l-għaqal kienu jitolbu li l-Gvern l-ewwel jagħmel il-liġi biex tippermetti li ssir il-union tal-Pulizija u wara jsiru t-transfers kollha (iktar minn mitejn) fil-Korp tal-Pulizija li saru minn Marzu sal-lum? Għaliex il-Gvern ordna li jsiru dawn it-transfers kollha fil-Korp tal-Pulizija, inkluż 54 li saru fis-27 ta’ Ġunju 2013 qabel ma jkun hemm il-union tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha li qed juża bħala premessa f’din id-domanda, hija kollha ħażina. Però jekk ser nitkellmu dwar għaqal u serjetà, fil-fehma tiegħi l-għaqal u s-serjetà kienu jitolbu li Gvern Nazzjonalista f’25 sena kien jirnexxielu idaħħal hu il-union tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija — Banda tal-Pulizija - membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija fil-Banda tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlamentari 2399, li ġejt mistoqsija mill-Onor. Interpellant stess, xahrejn biss ilu.

Forzi Armati ta’ Malta — Banda tal-Armata - membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi magħmula l-Banda tal-Armata?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta hija magħmula minn Direttur tal-Mużika u tmienja w erbgħin (48) membri oħra mqassmin fuq strumenti kif indikat: Role/Band instrument No. Remarks Director of Music 1 Bandmaster * Also Principal Cornet player Drum major 1 Asst Drum Major * * Also Asst Principal Cornet player Concert Flute -- -- Vacant Oboe -- -- Vacant Eb Clarinet 1 1st Bb Clarinet 3 2nd Bb Clarinet 2 3rd Bb Clarinet 3 Bb Bass Clarinet 1 1st Eb Alto Saxophone 1 2nd Eb Alto Saxophone 2 Bb Tenor Saxophone 2 Eb Baritone Saxophone 1 1st Horn in F 1 2nd Horn in F -- -- Vacant 3rd Horn in F -- -- Vacant 4th Horn in F -- -- Vacant 1st Bb Cornet 3 Incl Bandmaster and Asst Trumpet Major 2nd BbCornet 2 3rd Bb Cornet 2 Bb Trumpets 2 Flugelhorn 1 1st Tenor Trombone 1 2nd Tenor Trombone 1 3rd Tenor Trombone -- -- Vacant Bass Trombone 1 Bb Euphonium (TC) 2 Bb Euphonium (BC) 2 EEb Bass Tuba 5 One individual is proceeding with his terminal leave Bb Bas Tuba -- -- Vacant Bass Guitar -- -- Vacant Lead Drummer 1 Cymbals 1 Bass Drummer 1 Auxiliary Percussion 3 Infantry Drummers Timpani 1 Keyboards 1

L-Imġarr (Malta) – tiswija ta’ lanterni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5572, jista’ l-Ministru jikkonferma illi kull ħsara li tinqala’ lil-lanterni tad-dawl fit-triq li minn Wied il-Qlejja tagħti għall-Imġarr bejn ir-roundabout sal-lights ta' ħdejn l-Iskola San Andrea tiġi msewwija minn Transport Malta? Ħsara fil-lanterni tad-dawl li jinsabu f' din it-triq reċentement kienu ssewew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dawn id-dwal issewwew fil-25 ta’ Ottubru 2013, filwaqt li l-aħħar spezzjoni ta’ rutina saret fit-18 ta’ Diċembru 2013.

Il-Marsa – Addolorata Junction — Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

B'referenza għar-risposta tal -mistoqsija parlamentari 5002, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-junction tal-Marsa (Addolorata Junction)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-12 ta’ Diċembru li għadda saret konferenza stampa fejn ġie spjegat dan il-proġett u ġew ippubblikati il-pjanti relatati fil-mezzi tax-xandir. F’dan l-istadju ġiet sottomessa l-applikazzjoni għand il-MEPA u wara li jgħaddi il-proċess kollu, hemmhekk ikunu jistgħu jiġu ippubblikati il-pjanti finali ta’ dan il-proġett.

Bini mill-ġdid ta’ toroq — studji ta' kontinġenza għat-traffiku

Question

B'referenza għar-risposta tal- mistoqsija parlamentari 5002, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-istudji ta' kontinġenza għat-traffiku min-naħa ta' isfel ta' Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-triq temporanja mill-Baċir Numru 7 ma kinitx parti mill-immanniġġjar tat-traffiku li oriġinarjament kien imfassal għal matul ix-xogħlijiet fi Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro. Iżda, meta f’Marzu li għadda ġie rivedut l-immanniġġjar tat-traffiku relatat ma’ dawn il-proġetti rriżulta li kien hemm bżonn ta’ pjan ta’ kontinġenza għat-traffiku li ġej min-naħa t’isfel ta’ Malta. Infetħet it-triq temporanja li tgħaddi mill-Baċir Numru 7 bħala rotta ta’ kontinġenza u, wara li sar studju ta’ moniteraġġ tat-traffiku, irriżulta li din ir-rotta ta’ kontinġenza kienet strumentali sabiex tippermetti li tingħalaq karreġġjata minn kull direzzjoni tat-traffiku fi Triq Aldo Moro u li tingħalaq Triq Diċembru 13 f’direzzjoni waħda.