Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Arriva Malta, jew wara t-tluq tagħhom minn Malta, l-kumpanija l-ġdida li qed tmexxi t-trasport pubbliku f'Malta għamlitx rapporti dwar suspetti ta' serq li setgħa kien hemm minn fondi tal-Arriva jew tal-kumpanija l-ġdida? Jekk ma kienx hemm tali rapporti, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Pulizija għamlitx investigazzjoni dwar dan wara dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru dwar dan is-suġġett?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninsab infurmat illi l-pulizija ma żżomx statistka fil-format u dettal kif qed ikun mitlub. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti tagħrif aktar speċifiku dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi li allegatament saru dwar dan is-suġġett, inkun nista nitlob li ningħata dan it-tagħrif.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali jistgħux jingħataw direzzjoni mid-dipartiment konċernat sabiex jintużaw prattiċi li huma aktar favur l-ambjent bħal grass cutters u mhux erbiċidi fil-qtugħ tal-ħaxix ħażin f’żoni kontrollati minnhom??
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Gentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern relatati mal-bini ta’ Pixxina f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fis-sena 2011 il-Gvern Nazzjonalista kien ħabbar b’ħafna pompa li kellu jinvesti €6.2 miljun biex tinbena pixxina u baqa’ ma sar xejn minkejja li l-Ministru ta’ qabli Giovanna Debono kienet wiegħdet li tlesti l-proġett fi żmien 22 xahar, dan il-gvern beda jħares bis-serjetà lejn dan il-proġett u jara kif jista’ jitwettaq fiż-żmien li ġej għaliex nemmnu li f’Għawdex għandu jkollna pixxina ta’ livell għoli li tista’ tattira avvenimenti nazzjonali u internazzjonali. Għaldaqstant qed nagħmlu l-pjani tagħna bil-għaqal ħalli l-proġett ikun vijabbli u fl-aħjar interess ta’ kulħadd.
B’referenza għal ftehim li l-Gvern iffirma mal-GFA ftit tal-ġranet ilu, kif indikat fi stqarrija maħruġa mid-DOI (numru 140043), jista’ l-Ministru jgħid jekk is-somma ndikata tinkludix ukoll l-għajnuna li klabbs Għawdxin kien jieħdu mill-vot tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma huwiex il-Ministeru responsabbli mill-ftehim imsemmi.
National Anti Doping Organisation – fondi allokati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm tnaqqis fil-fondi allokati għan-NADO (National Anti Doping Organisation) meta mqabbel mas-snin preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-budget allokat għan-NADO mhux se jonqos meta mqabbel mas-sena preċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jonqsu t-testijiet tal-Anti Doping fuq l-atleti Maltin kemm fuq dawk out of competition kif ukoll dawk in competition?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mhux ser jonqsu l-ebda testijiet tal-Anti Doping fuq l-atleti Maltin.
Università — mature students - stipendju u smart cards
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-mature students tal-Università ta' Malta għadhom mingħajr risposta dwar jekk humiex se jingħataw stipendju u smart card hekk kif kważi għaddiet sena skolastika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet waslu għand il-Maintenance Grants Board fil-Milied, minkejja li s-sena skolastika kienet ilha li bdiet minn Ottubru. Kien l-SMG Board li ħa l-inkarigu jorganizza u jivvettja dawn l-applikazzjonijiet. Xogħol li suppost sar mill-uffiċjali inkarigati fl-uffiċċju tal-Istudents Maintenance Grants tal-Universita` ta’ Malta u tal-MCAST. Ħafna minn dawn l-applikazzjonijiet diġa ġew deċiżi u r-risposti ntbagħtu lill-Uffiċċju tal-Istipendji sew ġewwa l-Universita` kif ukoll ġewwa l-MCAST, biex jiġu trasmessi lill-istudenti.
Jidher li ma kienu jinżammu l-ebda rekords ta’ x’qed jintalab u x’qed jingħata, u lanqas ma kienet qed tingħata importanza tad-dokumenti meħtiega li suppost jakkumpanjaw l-applikazzjonijiet bit-talbiet rispettivi, li jkunu jistgħu jagħtu stampa ċara finanzjarja ta’ kull individwu, biex tgħin lill-Bord jasal għal deċizjoni ġusta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7014, jista' l-Prim Ministru jagħti d-data ta' meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta' kamra tan-nar fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid ukoll jekk din l-applikazzjoni tinsabx sospiża fid-dawl tal-policy tal-kmamar tan-nar li tinsab għall-konsultazzjoni pubblika? Jista’ jagħti kopja tas-site plan li turi l-art li fuqha qed jiġi propost l-iżvilupp?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
MCCAA – ċertifikazzjoni ta’ standard internazzjonali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ma komplietx biċ-ċertifikazzjoni ta’standard internazzjonali ISO 9001 li kien jiggarantixxi li l-Awtorità tiġi sottomessa għall-awditjar minn organizzazzjoni internazzjonali biex ikun garantit li l-Awtorità tħares l-ewwel u qabel kollox is-servizz li tagħti lill-konsumatur? Jista’ jkun li dan sar għaliex l-Awtorità qed tibża’ li ma tlaħħaqx mal-kriterji rikjesti minn dan l-istandard? Tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorità terġa’ tikkunsidra li tiġi sottomessa għall-awditjar ta’ servizzi li tipprovdi?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MCCAA dejjem kompliet u żammet iċ-ċertifikazzjoni ta' standard internazzjonali ISO 9001 mingħand Organizzazzjoni akkreditata
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Bord tal-Akkreditament ġiex iffurmat? Jekk iva, tista’ tgħid min hu ċ-Chairman u l-membri tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk il-membri humiex intitolati għal Onorarja u jekk iva, kemm hi din l-Onorarja?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord preżenti ta' l-Akkreditament għadu iffurmat mill-istess membri li ġew appuntati fl-2010. Il-Bord hu kompost kif ġej:
Ċermen : Ing. Ruben Curmi
Membri : Joseph Bartolo, Tristan Camilleri, Charles Brincat, Noel Micallef, Gertrude Gatt Lanzon u Matthew Tabone.
Iċ-Cermen hu intitolat għal 25.62 ewro kull tlett siegħat filwaqt li l-Membri intitolati għal 18.63 kull tliet sigħat.
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm hawn entitajiet akkreditati f’Malta mill-Bord tal-Akkreditament? Kemm kienet l-allokazzjoni fil-budgets tal-2012, l-2013 u l-2014?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' entitajiet akkreditati hu ta' tmintax.
L-allokazzjoni fil-
budgets
kien hekk :
2012 : 30,000 ewro (li tnaqqset għal 10,000 ewro matul is-sena)
2013: 30,000 ewro (li tnaqqset għal 20,000 ewro matul is-sena);
2014 : 20,000 ewro
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk sejħiet għall-ingaġġ ta' uffiċjali mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jinsabx magħluq għal żmien definit?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentament għaddejjin numru ta' processi għall-ingaġġar ta' uffiċċjali mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
(ara dokumenti nru PL 2186 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 113 tat-Tlieta, 28 ta’ Jannar 2014)
Ħaddiema tal-Cleansing Departiment – xogħol ta’ tindif
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ħaddiema tal-Cleansing Department li bejn Jannar u Frar 2013 tqabbdu mill-Partit Nazzjonalista sabiex inaddfu wara l-mass meetings organizzati mill-istess partit? Jista’ jgħid jekk dawn il-ħaddiema tħallsux l-overtime dovut lilhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi d-Direttorat għat-Tindif, kien ġie mqabbad mill-Partit Nazzjonalista sabiex isir tindif wara l-mass meetings tal-kampanja elettorali 2013. S'issa kull ma sar huwa pagament wieħed mill-istess partit, li jkopri l-ewwel mass meeting li kien sar fl-20 ta Jannar 2013. Il-pagament li sar ftit tal-ġranet ilu se jgħaddi għand il-ħaddiema fis-salarju li jmiss.
Id-Direttorat qiegħed isegwi l-proċeduri tal-
accounts
kull xahar, sabiex jinġabru l-ammonti dovuti.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — ingaġġ ta' konsulent
Question
Tista' l-Ministru tgħid f'liema taqsima tal-Ministeru tagħha ġie ingaġġat bħala konsulent l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Xi kwalifiki għandu l-individwu? Tista' tpoġġi s-CV tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Saret sejħa biex jiġi magħżul dan il-konsulent? Xi ħlas u kundizzjonijiet oħra hemm marbuta ma' din il-konsulenza? Dan il-konsulent jista' jkompli bix-xogħol privat tiegħu?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata ngħata kuntratt temporerju ta’ tlett xhur, mit-28 ta Marzu sa l-aħħar ta Ġunju biex jgħati konsulenza l-Ministeru marbuta ma servizzi notarjali. Il-persuna msemmija kwalifikata fid-Dottorat tal-Ligi. Il-ħlas marbut ma’ din il-konsulenza huwa ta mhux aktar minn 20 siegħa fil-gimgħa bi ħlas ta €23 kull siegħa (inkluż Vat) iżda ma jistax jaqbeż l-ammont ta €5,980 tul il-kuntratt kollu.Tajjeb jingħad ukoll li l-persuna ndikata ħadmet ferm aktar sigħat minn dak mitluba fil-kuntratt u għadha tagħti siegħat ta’ xogħol.
Jista’ l-Ministru jispjega xi proċedura ġiet adoperata biex ħames impjegati tad-detention services Għawdxin ġew impjegati mat-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex fl-aħħar ġranet?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hija skoretta.
Jista’ l-Ministru jispjega għala qed ikun hemm sitwazzjoni xejn feliċi tal-immaniġġar tat-traffiku fin-naħa ta' isfel ta' Malta partikolarment il-Marsa ħdejn iċ-ċimiterju u l-Istamperija tal-Gvern kull filgħodu peress li qed ikun hemm konġestjonijiet mhux normali fl-inħawi ukoll ta' Ħal Qormi u Ħal Luqa? Jaf il-Ministru li t-Tlieta 25 ta’ Ġunju 2013 numru ta' studenti u għalliema waslu tard fi żmien l-eżamijiet fl-iskola sekondarja tal-bniet tal-Ħandaq minħabba t-traffiku? Peress li bħalissa normalment it-traffiku jibda jnaqqas għax l-iskejjel, inkluż istituzzjonijiet oħra bħall-Università, l-ITS u l-MCAST, waslu biex jispiċċaw, x’inhi r-raġuni li s-sitwazzjoni hi bħal ma tkun f’Ottubru meta jkunu reġgħu bdew l-iskejjel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffiku ġewwa Malta kollha żdied b’ammont konsiderevoli minn Lulju tas-sena 2011 minn meta ġiet imnedija r-riforma fit-trasport pubbliku mill-gvern preċedenti, liema riforma naqset milli taqdi l-ħtiġijiet tal-poplu Malti.
Minn studju tat-traffiku li sar dan l-aħħar fl-inkroċju bejn Vjal Santa Luċija u Vjal Sir Paul Boffa jirriżulta li l-konġestjonijiet tat-traffiku naqsu b’madwar terz. Dan kien possibbli bix-xogħol li sar minn dan il-gvern billi nfetħet it-triq li tgħaddi mill-Baċir Numru 7 li tilqa’ għat-traffiku li joriġina mill-inħawi tal-Kottonera, Xgħajra, Kalkara u partijiet minn Ħaż-Żabbar, Żejtun u Fgura u wkoll minħabba xogħol li sar fuq il-ħinijiet tat-traffic lights ta’ dan l-inkroċju.
Il-konġestjonijet li qed jinħolqu ġewwa Ħal Qormi huma minħabba l-vetturi kbar tal-ex Arriva li jridu jgħaddu mir-roundabout tal-Erba’ Qaddisin sabiex jidħlu fil-Park and Ride ta’ Ħal Qormi hekk kif kien ġie ddisinjat u mibni mill-gvern preċedenti. Transport Malta ħejjiet proposta li ttejjeb kemm is-sigurta’ kif ukoll tnaqqas mill-konġestjoni fuq ir-roundabout tas-Serkin.
Jista’ l-Prim Ministru jispjega kif l-Gvern tiegħu jgħid li hu pro-business u fl-istess waqt il-Ministeru għall-Intern jitħalla jorganizza ikliet uffiċjali u flok outside caterers iqabbad il-kċina tal-Korp tal-Pulizija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern huwa kommess li jaħdem mas-settur privat kollu, u mhux parti minnu, fejn jagħti l-opportunita' wiesgħa lil kull min irid jipprovdi servizzi. Barra minn hekk, lesti naħdmu wkoll ma' dipartimenti u NGOs biex kulhadd ihossu inkluż.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx jaf li l-Ministru għall-Intern u l-Kap tas-Segretarjat tal-istess Ministru kienu qed ikunu preżenti għall-iscreening u jieħdu sehem fl-interviews tas-Servizz tas-Sigurtà?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-kwistjoni kollha ġiet diskussa f’ laqgħa tal-Kumitat tas-Sigurtà li saret fit-2 ta’ Lulju 2013, fit-termini tal-liġi.