Tista’ l-Ministru tgħid meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament se tingħata risposta min-naħa tat-tribunal wara l-oġġezzjoni li għamlet fil-31 ta' Ottubru 2013 sabiex tieħu l-għajnuna għall-qgħad?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent is-smiegħ tal-każijiet huwa wieqaf, però kif appena jerġgħu jibdew jinstemgħu s-seduti hu maħsub li l-każ li għalih qed jagħmel referenza l-Onor. ħa jkun appuntat biex jinstema mill-Arbitru.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm spejjeż saru s-sena li għaddiet in konnessjoni ma’ vjaġġi mill-Ministeru? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba siefer u fejn u minn min kien akkumpanjat?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż fuq vjaġġi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin matul l-2013 ammontaw għal €399,945.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba dwar is-safar tal-Ministru.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm studenti f'din is-sena akkademika fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-total ta' studenti f'din is-sena akkademika fl-iskola Primarja ta' Wied il-Għajn huwa ta' 643 li minnhom 328 huma subien u 315 bniet.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra dwar kemm hemm studenti f'din is-sena akkademika fl-Iskola Primarja u sekondarja ż-Żejtun? Kemm huma bniet u kemm huma subien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f'din is-sena akkademika t-total ta' studenti fl-iskejjel primarji u s-sekondarja tal-bniet taż-Żejtun huwa kif ġej:-
Skola Primarja 'A':- 219 subien u 222 bniet - Total 441
Skola Primarja 'B':- 106 subien u 118 bniet - Total 224
Skola Sekondarja:- 697 bniet
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hemm studenti f'din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji tal-Fgura? Kemm huma bniet u kemm huma subien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Intepellant illi t-total ta' studenti f'din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji tal-Fgura huwa kif ġej:-
Skola Primarja 'A':- 271 subien u 228 bniet - Total 499
Skola Primarja 'B':- 162 subien u 146 bniet - Total 308
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm hawn persuni li qed jirċievu l-għajnuna soċjali f'Malta u f’Għawdex?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-għajnuna soċjali f’Malta u f’Ghawdex sat 18 ta’ Jannar 2014 kien ta 11,067 persuna.
Dawn huma mqassmin kif jidher hawn taħt:-
DAD Social Assistance (Drug Addicts) - 12
SA Social Assistance - 7595
SAF Social Assistance (Carers) - 284
SUP Social Assistance (Single unmarried parents) - 3176
Total 11,067
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7128 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u issa ġiet riferuta lilu u jagħti rendikont ta’ kemm kienet in-nefqa, sena b'sena mill-2004 sal-2012, f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’Dar Malta fi Brussell? Jista' jagħti break down ta’ x’kien dan ix-xogħol, sena b’sena? Jista' jagħti rendikont ta’ kemm kien id-dħul, sena b'sena mill-2004 sal-2012, li sar għall-pajjiż permezz ta’ kirjiet ta’ sulari, eċċ. minn Dar Malta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-inqas kera li l-gvern jirċievi mingħand l-inkwilini fuq postijiet tal-gvern? Jekk hemm min iħallas inqas minn dak li titlob il-liġi jiġifieri €196 fis-sena, dan għaliex? Hemm xi liġi li tippermetti dan? Tista’ tgħid kemm hemm minn dawn il-każijiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara li l-arloġġi li hemm fil-bus stops jiġu mħaddma biex juru l-ħin it-tajjeb u jekk huma weqfin issir il-manutenzjoni li hemm bżonn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kawża tal-maltemp li kellna riċentament kif ukoll minħabba fatturi tekniċi oħra, numru ta’ arloġġi li jinsabu f’diversi lokalitajiet madwar Malta għandhom bżonn ta’ xi manutenzjoni.
Infurmat ukoll li diġà beda eżerċizzju ta’ manutenzjoni fuq dawn l-arloġġi, u li dan ix-xogħol huwa mistenni li jkun komplut fil-jiem li ġejjin. Ta’ min isemmi wkoll li tlieta minn dawn l-arloġġi se jiġu mibdula minħabba li għandhom ħsara estensiva u m’humiex fi stat li jiġu irranġati.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapporti li saru f’dawn l-aħħar għaxar snin fuq il-qagħda tal-faqar fin-nofsinhar ta’ Malta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra l-pubblikazzjonijiet ta’ statistika maħruga mill-Awtorità Nazzjonali tal-Istatistika, ma jidhirx li l-Ministeri responsabbli mill-qasam tal-politika soċjali f'dawn l-aħħar għaxar snin, ippubblikaw xi rapport iffokati biss fuq il-qagħda tal-faqar fin-nofsinhar ta’ Malta.
Peress li f’mistoqsija parlamentari 2177 il-Ministru wieġeb li l-Gvern preżenti kien kommess li jkompli bl-iskema ta’ ingaġġ ta' persuni b'diżabilità mal-kunsilli lokali u anke kommess li l-istess skema tiġi estiża għall-għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi biex jinħolqu madwar 150 impjieg ieħor għal persuni b'diżabilità fil-komunità, 50 minnhom f'Għawdex , u peress li f’mistoqsija parlamentari 6590 il-Ministru kien qal li f'Għawdex kienu ġew ippustjati sitt persuni b'diżabilità taħt din l-iskema, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ppustjati l-44 l-oħra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li peress li l-politika dwar persuni b'diżabilità taqa' taħt il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min huma (mhux individwalment, jew permezz ta' ismijiet) il-persuni li huma intitolati li jagħmlu użu mill-parking area li hemm ħdejn l-uffiċċju tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar (MEPA) fejn jiltaqgħu l-EPC boards? X'irid jagħmel individwu biex ikun jista' jidħol f'dan il-parkeġġ? Billi sa ftit tal-ġimgħat ilu dawk responsabbli miż-żamma tal-ordni f'dan il-post dejjem kienu jsibu mod kif il-persuni li jattendu għall-bordijiet tal-EPC jipparkjaw fl-ispazji li hemm, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla partikulari biex jiġi limitat in-numru ta' persuni li jidħlu f’dan post? Jista' jara li f'dan il-post ikun hemm numru ta' parkeġġi li bihom jistgħu jinqdew il-periti u l-applikanti li jattendu għal-laqgħat f'dan il-post? Kemm hemm parkeġġi riservati fl-istess inħawi, u kemm hemm parkeġġi b'kollox fl-istess post?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awtorita tal-Ambjent u L-Ippjanar għandha fil-pre¿ent 57 (sebgħa u ħamsin) post tal-parkeġġ f’Hexagon House fejn jiltaqgħu il-Bordijiet ta' l-EPCs.
Dan il-Parkeġġ huwa maħsub biex jakkomoda l-membri tal-Bordijiet, membri tal-istess Awtorita, persuni bi b¿onnijiet speċjali, periti u membri tal-pubbliku li jigu sabiex jinqdew mit-taqsimiet differenti fid-dipartiment tal-Ambjent li jinsab fl-istess binja.
Il-persuni taż-żamma tal-ordni fl-Awtorità għandhom id-dmir li jzommu l-ordni fil-parkeġġ u meta l-ispazju tal-parkeġġ ikun mimli, minħabba ragunijiet ta’saħħa u sigurtà ma jistgħux jitħallew vetturi jimblukkaw xi aċċess fil-parkeġġ. L-Awtorità tikkomferma li ma sar l-ebda tibdil f’dan ir-rigward tal-parkeġġ mil-prattici ta’ qabel u l-postijiet assenjati. Dan il-parkeġġ hu wieħed fuq il-bażi ta' first come first served peress li hemm numru limitat ta postijiet riservati għal kull minn jagħmel użu minn dan il-lok.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġitx xi permessi biex isir xogħol fuq il-bini li hemm fil-heliport ta' Għawdex jew fl-art li hemm riċintata fl-istess inħawi matul l-aħħar xhur? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema kien ix-xogħol li ġie approvat fl-istess żmien?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fl-10 ta’ Dicembru 2013 il-MEPA ikkonfermat li l-iżvilupp ta’ tqiegħid ta’ materjal inert u, jew ħamrija huwa permess skont l-Avviz Legali 115/07 Klassi 8.2(i).
(ara dokumenti nru PL 2185 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 113 tat-Tlieta, 28 ta’ Jannar 2014)
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili ntalbux u tawx permessi biex ikun hemm estensjoni tal-heliport ta' Għawdex? Jekk iva, x'tip ta' estensjoni ntalbet? B'kemm hu mistenni li tittawwal l-istess landing area? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili Maltin għamlux studji partikulari dwar il-livell ta' sigurtà li hu meħtieġ għal-landing ta' ajruplani f'dan il-post?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li f’dan l-istadju ma hemmx talba għall-estensjoni tal-heliport lid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, qed isiru konsultazzjonijiet ma’ l-entitatjiet kollha konċernati.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk hemmx xi problema biex tgħaddi l-allokazzjoni finanzjarja dovuta lill-kunsilli lokali dan ix-xahar għax milli jihder ma saritx?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li kif isir is-soltu, diġa għadda l-allokazzjoni finanzjarja għat-tlett xhur li ġejjin (Jannar-Marzu 2014) lit-Teżor biex din tkun pproċessata u mdaħħla fil-kontijiet bankarji tal-Kunsilli Lokali rispettivi (permezz tal-Bank Ċentrali). L-Onor Interpellant japprezza illi dan il-proċess jieħu daqsxejn aktar fit-tul peress li qegħdin fil-bidu tas-sena finanzjarja. Infurmat ukoll illi din l-allokazzjoni ser tkun fil-kontijiet tal-Kunsilli Lokali fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara li titranġa s-sitwazzjoni attwali fejn cameras li jitwaħħlu fl-areas partikolari biex jimmonitterjaw parkeġġ illegali jitġaddmu b'mod manwali u minflokk jibdew jittħaddmu b'mod awtomatiku għax is-sistema kurrenti tagħha lok għall-abbuż mill-persuna li tkun qed tħaddem il-cameras? Aktar informazzjoni qed tingħata separatament.
Response (VELLA, KARMENU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-lokalitajiet fejn jinsabu l-cameras li qed jagħmel referenza għalihom.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex il-performance reviews (inkluż il-performance bonus) għas-sena l-oħra (2013) u l-performance planning għal din is-sena (2014) għadhom ma sarux għas-senior managers fiċ-Ċivil? Jista’ jgħid għaliex hemm dan id-dewmien meta, skont ma jien infurmat,is-soltu dawn kienu jkunu konklużi diġà?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7107, jista' l-Ministru jelenka kull laqgħa li hu kellu ma' kull prinċipal u kap tal-kulleġġi u f'liema minn dawn il-forahumakollha qalulu li jridu l-co-ed fil-kulleġġi tagħhom? Jista' jelenka ukoll il-laqgħat li kull prinċipal kellu mal-għalliema tiegħu/tagħha qabel wasal għal din id-deċiżjoni/rikjesta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Matul is-sena skolastika li għaddiet kif ukoll din is-sena kelli diversi laqgħat kemm mal-prinċipali u l-kapijiet kollha kif ukoll ma' prinċipali ndividwali li urew l-impenn li l-ko-edukazzjoni sekondarja tiddaħħal f'kull kulleġġ ta' Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li huma awtorizzati li joħorġu ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini? Meta sar l-aħħar kors biex ikunu jistgħu jiġu akkreditati tali persuni u meta hu mistenni li jsir kors ieħor għal dan l-istess għan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa n-numru t’assessuri reġistrati huwa ta’ 193. L-aħħar korsijiet li saru kienu fis-26/27 u 29/30 ta’ Novembru 2012. Fil-preżent l-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini qed jiddiskuti internament il-perjodu meta jkun jista’ isir kors ieħor għal dan il-għan liema deċizzjoni tkun magħmulha pubblika.