Jikkonferma l-Ministru li s-Supretendent tal-Pulizija li kien stazzjonat Bormla sa din il-ġimgħa u li issa ġie trasferit lejn iż-Żejtun sofra dan it-transfer frott ordni li ħarġet mill-Ministeru għall-Intern minħabba pressjoni li għamel is-Sindku ta' Ħaż-Żabbar, peress li dan is-Supretendent kien ħa passi u għamel dmiru fil-festa tal-Grazzja ta' Ħaż-Żabbar f'Settembru 2012?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li għal darba oħra huwa żbaljat.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin – traffikar tad-droga
Question
Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il każ instab li kien hemm traffikar tad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin mid-9 ta' Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? F'kemm-il każ saret inkjesta maġisterjali?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li mid-9 ta Marzu 2013 sa llum kien hemm 19 il-każ ta Droga. F’dawn il-każijiet il-Magistrat ta l-għassa dejjem kien infurmat b’dawn is-sejbiet.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex numru ta' Pulizija, inkluż f'diversi għases, li kienu fil-jum "off" tagħhom fil-jiem tal-Ġimgħa, 28 ta' Ġunju u s-Sibt 29 ta' Ġunju 2013, ġew ordnati jidħlu għax-xogħol wara t-transfers li ġew ordnati fil-Korp fl-aħħar ġimgħat?
Response (MALLIA, EMANUEL)
L-allegazzjoni li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant fid-domanda hija għal kollox skoretta. Hadd ma ġie ordnat jidħol xogħol minħabba xi transfers.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għall-konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sa Novembru 2013? F’kull każ jista’ jgħid:
x’kien l-iskop tax-xogħol imqabbad;
meta tqabbad;
kemm sewa jew se jiswa;
kif intgħażel il-kuntrattur;
min għażel il-kuntrattur; u
meta tlesta jew se jitlesta x-xogħol?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għas-Saħħa – kodiċi ta’ etika tal-ħaddiema
Question
B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 4206 u 5341, jista’ l-Ministru jikkonferma li ma jeżistux kodiċi ta’ etika u/jew imġiba professjonali u/jew dokument intiż biex iservi għal dawn l-għanijiet li japplikaw għat-tobba, nurses u qwiebel?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija ngħatat f’mistoqsija parlamentari 5341.
Foundation for Medical Services — management accounts
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5745, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji għalxiex bejn din is-sena u s-sena l-oħra hemm qabża ta’ 30% fl-ispiża tal-pagi tal-Foundation for Medical Services?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li huwa żbaljat fil-kalkoli tiegħu. Bejn is-sena 2013 u s-sena 2012 effettivament kien hemm tnaqqis ta’ 0.7% fl-ispiża tal-pagi tal-Fondazzjoni għas-Sevizzi Mediċi.
Il-management accounts li ntbgħatu mall-PQ 5745 juru l-ispiża totali tal-pagi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi sa l-aħħar ta’ Settembru 2013 kienet ta’ € 838,208. Għall-istess perijodu sa Settembru 2012, l-ispiża kienet tammonta għal € 844,027 jiġifieri 0.7% iktar mill-ispiża tas-sena 2013.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ impjegati ġodda fil-Foundation for Medical Services u għal kull każ jagħti l-isem tal-persuna, il-grad li ġiet ingaġġata fih, ġietx ingaġġata minn barra s-settur pubbliku u x’paga u benefiċċji għandha?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Baġit 2014 — Vot Nru 0999 – Miscellaneous Receipts
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5921, minħabba li t-tweġiba mogħtija m’għandha x’taqsam xejn mal-mistoqsija, jista’ l-Ministru jagħti breakdown dettaljat ta’ fiex jikkonsisti l-Vot Nru 0999 bit-titlu Miscellaneous Receipts (Estimi 2014: paġna 316) u jagħtu elenku sħiħ ta’ kif inhu kompost l-ammont ta’ €1,800,000?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.
Baġit 2014 — Line Item Nru 30, Vot Nru 47 – Contractual Services
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5922, minħabba li t-tweġiba mogħtija m’għandha x’taqsam xejn mal-mistoqsija, jista’ l-Ministru jagħti breakdown dettaljat ta’ fiex jikkonsisti l-Line Item Nru 30 taħt Vot Nru 47 bit-titlu Contractual Services (Estimi 2014: paġna 317) u jagħtu elenku sħiħ ta’ kif inhu kompost l-ammont ta’ €26,000,000?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-elenku sħiħ ta’ kif inhu kompost l-ammont ta’ € 26,000,000.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux impjegat tal-Air Malta u jekk għadux b'leave bla ħlas kif kien meta kien jokkupa l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid min approva dan il-leave bla ħlas mil-2008 sal-lum u għal liema raġuni qed jiġi imġedded?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna in kwistjoni m’għadux impjegat tal-Air Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenjax mill-Air Malta, u jgħid jekk tali riżenja kinitx marbuta ma' xi skema ta' rtirar kmieni? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu ħax xi somma flus mill-Air Malta meta rriżenja u jekk fl-affermattiv, għal kemm kienet tammonta din is-somma?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li l-persuna inkwistjoni irriżenja minn ma’ l-Airmalta fil-15 ta’ Jannar 2009. Ir-riżenja kienet marbuta ma' l-iskema ta' “Voluntary Redundancy Scheme” offruta lill-impjegati eliġibbli dak iż-żmien. Hu ħa s-somma li kienet dovuta lilu skont it-termini tal-iskema.
B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6180 u 6181, jista’ l-Ministru jgħid għal liema Awtorità qed jirreferi l-Avviż Legali 368 tal-2004? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-approvazzjonijiet u oġġezzjonijiet li ħarġu minn Transport Malta fir-rigward tal-konsultazzjoni li saret magħha, kif qal l-istess Ministru fit-tweġiba parlamentari tal-mistoqsija parlamentari 6180?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-Avviż Legali 368 tal-2004 jirreferi għall-Awtorita dwar it-Trasport li, meta tiġi mitluba pożizzjoni dwar applikazzjoni għat-tqegħid ta’ billboard, l-Awtorita’ jew toġġezzjoni jew ma toġġezzjonax għas-sit li fuqu tkun qed tiġi proposta li titqiegħed il-billboard. Skont A.L. 171 tal-1993, il-permess għall-billboard, li hekk kif definit fil-liġi huwa għal skop ta’ riklamar, irid jinħareġ mill-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar. Hemm xi eċċezzjonijiet fil-liġi relatati ma’ billboards politiċi f’A.L. 368 tal-2004 u xi eċċezzjonijiet fil-liġi relatati ma’ billboards temporanji/mhux kummerċjali f’A.L. 171 tal-1993.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5624, jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jaqbilx ma’ policy li tgħid li persuna b’diżabilità li tkun applikat għal reserved parking għall-bżonnijiet personali tagħha quddiem jew viċin id-dar tagħha, għandha jkollha l-ispazju riservat għaliha personalizzat biex ma jintuża minn ħadd iktar peress li jekk jużah ħaddieħor ikun intilef l-iskop tal-applikazzjoni oriġinali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li wara analiżi u studju li sar m’għandux ikun li kaxxi tal-parkeġġ għal persuni b’diżabbilità jiġu personalizzati, dan minħabba li ma timmassimmizzax l-potenzjal tal-użu ta’ tali parkeġġi fit-toroq b’mod effiċjenti u għaldaqstant fi ftit snin oħra tali sistema ta’ parkeġġi riservati tista’ ma tibqax sostenibbli. L-iskop oriġinali għal tali kaxxi riservati kien li persuna b’diżabbiltà jkollha l-kumdita li jkun hemm tali kaxxa għall-parkeġġ ta’ persuni b’diżabbiltà quddiem il-bieb tar-residenza tagħha iżda qatt ma kien hemm polza li tali kaxxi jkunu personalizzati. Meta tali kaxxi tal-parkeġġi jintużaw minn nies oħrajn, dawn ikunu wkoll persuni b’diżabbilità.
Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4684 il-Ministru aċċenna li kien hemm “dewmien fl-esekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti,” jista’ l-Ministru jgħid jekk il-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadhiex responsabbiltà tal-istess persuna li kienet responsabbli minnu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, liema persuna ngħatat promozzjoni għal direttur taħt l-Amministrazzjoni preżenti wara l-elezzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadu taħt ir-responsabbiltà tal-istess persuna bħala Project Leader iżda bid-differenza li issa din il-persuna tista’ tieħu d-deċiżjonijiet tekniċi neċessarji u timxi skont il-proċeduri fil-libertà. Inżid ukoll li dan il-Gvern fehem l-importanza ta’ dan il-proġett u għalhekk inħarġu struzzjonijiet speċifiċi sabiex nies tekniċi oħra li jaħdmu fuq dan il-proġett jagħtuh prijorità assoluta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’proġetti ta' restawr se jsiru mill-Gvern Ċentrali f'diversi knejjes u kappelli madwar Malta u Għawdex mit-12 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġej jiswa u kif se jiġi ffinanzjat kull proġett? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa kull proġett? Hemm xi ministeri oħra involuti f'dawn il-proġetti ta' restawr?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu imsemmi id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu wettaq jew għadu għaddej b’xogħol ta’ restawr f’dawn il-knejjes/ kappelli:
· Il-Kappella ta’ San Martin fil-Baħrija
· Il-Knisja l-Qadima ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi
· Il-Kappella ta’ Santa Maria tar-Rokna f’ Ħal Tarxien
· Il-Kappella tad-Duluri f’ Birżebbuġa
· Il-Kappella tal-Kunċizzjoni fin-Naxxar.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi aġġornat is-sit uffiċjali tal-Gvern (www.gov.mt) bil-listi ta’:
a) Aġenziji tal-Gvern;
b) Awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern;
c) Il-bordijiet tal-Gvern;
d) Il-fondazzjonijiet mwaqqfa mill-Gvern;
e) Il-kummissjonijiet tal-Gvern;
f) Il-kunsilli mwaqqfa mill-Gvern; u
g) It-tribunali
u dan peress li sad-9 ta’ Jannar 2014, fuq dan is-sit kien hemm nota li dawn il-listi għadhom qed jiġu aġġornati (kif jindika d-dokument li qed jintbagħat separatament)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-maġġoranza tal-entitajiet uffiċjalment maħtura mill-Gvern diġà jinsabu fuq is-sit uffiċjali elettroniku tal-Gvern.
In-nota li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Membu saret minħabba l-fatt li l-lista tal-entitajiet uffiċjalment maħtura mill-Gverm qed tiġi regolarmentaġġornata speċjalment wara li ċerti entitajiet, wara li rreżenjaw il-membri tagħhom, għad iridu jinħatru b’membri ġodda.
Ladarba membri ta’ entità uffiċjali jiġu maħtura u isimhom jidher fuq il-Gazzetta tal-Gvern, dawn jiġu riprodotti fuq is-sit uffiċjali elettroniku tal-Gvern.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — direct orders
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li kif kien diġa indikat fir-risposta għal-mistoqsija parlamentari Numru 6903, ma ngħata l-ebda direct order skont Artiklu 20 (4) tal-Public Procurement Regulations fil-perjodu konċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-Agenzija li taqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħi ma tat l-ebda Direct Order mid-9 ta' Marzu 2013 sad-9 ta' Jannar 2014
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.