Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tat-Telecare – każ ta’ individwu

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha s-servizz tat-Telecare bil-ħsara?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsara li kellha l-persuna msemmija ġiet imsewwija u s-servizz ġie lura għan-normal.

Residenza San Vinċenz de Paule – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara x’jista’ jsir biex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jingħata prijorità u jintbagħat fir-Residenza San Vinċenz de Paule peress li jiddependi minn ħaddieħor?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija sarilha assessment f’Ġunju 2013 fejn kien ikkonsidrat li għandu dipendenza baxxa (Low Dependency). La darba s-sitwazzjoni medika tiegħu nbidlet, huwa jeħtieġlu assessjar mill-ġdid biex ikun stabbilit x’inhi l-qagħda preżenti tiegħu.

Eżami – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għamlet l-eżami taċ-childcare u tixtieq aktar informazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata.

Kumpanija li tinvesti f’co-productions ta’ films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqfitx il-kumpanija b’investiment ta’ miljun Ewro kif ġie mħabbar fil-Budget, bl-iskop li tinvesti f’co-productions ta’ films? Jekk twaqqfet din il-kumpanija, jista’ jgħid min huma d-diretturi? Jista’ jgħid kif se jintefqu l-flus u jekk hux se ssir sejħa pubblika għal dan il-għan?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li kif wiegħed dan il-Gvern fil-budget, it-twaqqif ta’ kumpanija bl-iskop li tinvesti f’co-productions ta’ films inbeda.

Użu ta’ Helicopter tal-Forzi Armati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu d-drabi li l-Prim Ministru għamel użu minn helicopter tal-Forzi Armati ta’ Malta bejn Jannar 2012 u Marzu 2013? Jista’ jgħid x’kienu l-okkażjonijiet? Jista’ jagħti d-dati? Jista’ jgħid liema helicopter intuża? Jista’ jgħid kemm dam fl-ajru? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża għal kull titjira?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

NGOs u Għaqdiet mis-Soċjetà Ċivili – laqgħat mal-Ministru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-NGOs, Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet mis-Soċjetà Ċivili li ltaqgħet magħhom il-Ministru bħala parti mill-ħidma tagħha fil-qasam tad-Djalogu Soċjali mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba.

Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-Tribunal tal-Appelli tal-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data (Information and Data Protection Appeals Tribunal) ġiex imwaqqaf? Jekk iva, meta ġie mwaqqaf u min huma l-membri? Jekk le, x’inhi r-raġuni li ma ġiex imwaqqaf u meta se jitwaqqaf?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Tribunal tal-Appelli tal-Inofrmazzjoni u Protezzjoni tad-Data (Information and Data Protection Appeals Tribunal) għadu ma twaqqafx. Il-proċess biex dan jitwaqqaf għadu għaddej.

Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data – rapporti annwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux ir-rapporti annwali tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data għas-snin 2012 u 2013? Jekk iva, għalfejn ma ġewx ippubblikati fuq is-sit tal-Kummissarju?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ rapporti msemmija għadhom ma ġewx finaliżati. Rigward ir-rapport tal-2012 dan ittardja peress li kien hemm dewmien biex jitlestew l-Audited Accounts li jagħmlu parti ntegrali mir-rapport annwali. Dwar ir-rapport tal-2013 ovvjament għadu ma tlestiex għax lanqas għadu għadda xahar mill-għeluq tas-sena.

Organizzazzjonijiet Volontarji — Regoli tal-accounts

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7028 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u ċioè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6641 tal-11-il Leġiżlatura, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-regoli dettaljati dwar il-kontenut tal-accounts li jridu jinżammu mill-Organizzazzjonijiet Volontarji? Kemm-il audited account saru mill-Kummissjoni minn mindu twaqqfet u liema għaqdiet ġew audited?

Response (DALLI, HELENA)

L-Organiżżazzjonijiet Volontarji li huma rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji huma mitluba li jżommu u jissottomettu l-accounts tagħhom hekk kif indikat fl-Att Legali 379 tal-2012 – Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap 492) – Regolamenti tal 2012 dwar Prospetti Annwali u Kontijiet Annwali ta’ Organiżżazzjonijiet Volontarji. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organiżżazzjonijiet Volontarji ma jagħmilx audited accounts lill-organiżżazzjonijiet volontarji rreġistrati għaliex dawn huma regolati u jridu jimxu skont il-provizzjonijiet tal-imsemmi Att Legali 379 tal-2012.

Rumeni u Bulgari — Impjieg f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’tip ta’ impjiegi għandhom f’Malta u Għawdex l-1496 persuna li ġejjin mir-Rumanija u l-Bulgarija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta` Awwissu 2013 (skont l-aħħar informazzjoni li ġiet ippublikata mill-ETC), in-numru ta` persuni li ġew mir-Rumanija u l-Bulgarija u li qed jaħdmu f’Malta u f’Għawdex huwa ta` 1405. It-tabella t'hawn taħt turi x’tip ta` mpjieg għandhom. 1 Managers 68 2 Professionals 332 3 Technicians and associate professionals 120 4 Clerks and support workers 58 5 Services and sales workers 186 6 Skilled agricultural, fishery and forestry workers 2 7 Craft and related trade workers 208 8 Plant and machine operator and assemblers 38 9 Elementary Occupations 393 Total 1405 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-total ta` 1405 huwa numru ta` persuni full time kif ukoll part time u mhux numru ta’ mpjiegi. Kull persuna ġiet inkluża darba biss.

Aġenzija Appoġġ – Foster care

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1634, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-istandards relatati mal-proċess ta’ leaving care u after care humiex qed jiġu approvati u osservati bħal l-istandards l-oħra tal-foster care?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #7316 Sitting 113 2014-01-28 Oral · Interim From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – Żoni Turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema żoni huma kklassifikati bħala żoni turistiċi f’pajjiżna? X’għajnuniet irċevew is-sena l-oħra l-kunsilli lokali ta’ dawn iż-żoni mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Uffiċini tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – persuni responsabbli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli għal kull wieħed minn dawn l--Uffiċini tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ta’ Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura u ż-Żejtun? Tista’ tagħti l-email address fejn dawn jistgħu jiġu kkuntattjati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-managers tad-Distretti tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali responsabbli għad-distretti msemmija huwa kif ġej: Id-distrett ta’ Bormla – Mr Michael Pulis Id-distrett ta’ Zabbar – Ms Daniela Xuereb Id-distrett tal-Fgura – Ms Sarah Cuschieri (Regional coordinator), Id-distrett taz-Zejtun – Ms Joanne Cassar
Leg 12 PQ #7318 Sitting 113 2014-01-28 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Operazzjonijiet tal-katarretti u total knee replacement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet mill-Gvern (anke dawk imħallsin mill-Gvern li saru f’sptarijiet privati) tal-katarretti u tat-total knee replacement fis-sena 2012 u fis-sena 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni miġbura mis-Surgical Operations Register in-numru ta’ operazzjonijiet tat-total knee replacement u katarretti rreġistrati li saru fis-sena 2012 u 2013 fl-Isptar Mater Dei jidher fit-tabella hawn taħt. Filwaqt li n-numru ta’ operazzjonijiet ta’ Katarretti li saru f’sptarijiet privati mħallsa mill-Gvern ammontaw għal 1628 u 448 għas-snin 2012 u 2013 rispettivament. Ma kienx hemm operazzjonijiet ta’ Total Knee Replacement li saru fl-isptarijiet privati mħallsa mill-Gvern f’dawn is- snin.

Korp tal-Pulizija – xogħol ta’ waiters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema għases jew taqsimiet ittieħdu l-Pulizija li kienu mġiegħla jaħdmu ta' waiters fl-ikla fil-Palazz tal-Girgenti l-Ħamis, 27 ta' Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Għal darba oħra l-Onorevoli Interpellant kien infurmat ħażin fuq l-avveniment li seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2013. Spjegajtlu kemm –il darba li l-Pulizija ma’ kinux imġiegħla jaħdmu din l-attivita, tant li kif spegajt f’diversi mistoqsijiet parlamentari kien hemm min irrifjuta. Minkejja li l-Onorevoli Interpellant s’issa, għamel ħdax il-Mistoqsijiet Parlamentari fuq l-istess tema, dejjem nipprova nirrepeti biex ngħati l-informazzjoni. Il-Pulizija ma’ tiħdux minn għasses jew taqsimiet imma għamlu dan bħala extra duty.

Korp tal-Pulizija – riċevimenti — tisjir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija hux ħa jaċċetta offerti biex isajjar f'riċevimenti jew okkażjonijiet soċjali tal-pubbliku jew għaqdiet soċjali, u x'se jkun il-ħlas?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi, m’hemm l-ebda ħsieb li jsir dak li qed jimplika u jekk ikun hemm dan il-ħsieb, zgur li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf u jagħmel kif inhu d-dritt tiegħu, serje ta’ mistoqsijiet oħra.