Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fi gradi maniġerjali (minn ekwivalenti f'paga ta' Grad 7 'l fuq) fis-Servizz Pubbliku u f'entitajiet tas-settur pubbliku bejn l-14 ta' Ottubru 2012 u l-11 ta' Marzu 2013? Jista’ jagħti break down tal-promozzjonijiet f'termini ta' dipartimenti individwali tas-Servizz Pubbliku u entitajiet individwali tas-settur pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x'assigurazzjonijiet ngħata pajjiżna fir-rigward tad-distruzzjoni tal-armi kimiċi Sirjani? Jista’ jinforma ukoll fejn se jintrema dan il-materjal u jekk kemm-il darba huwiex f'partijiet mis-search and rescue zone ta’ pajjiżna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ġewx konsultati esperti Maltin fuq dawn il-proċeduri, kemm mill-aspett kimiku kif ukoll minn dak legali, dwar l-effetti, l-implikazzjonijiet u l-kostituzzjoni ta’ preċedent?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pjan eżistenti hu li l-armi jiġu distrutti f’ibħra internazzjonali ġol-Mediterran. L-Organiżżazjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi (OPCW) qegħda tassigura li l-ogħla livelli ta’ sigurta’ u prekawzjoni kif ukoll miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji, ser jiġu osservati fit-trasportazzjoni u d-distruzzjoni tal-armi konċernati.
Rigward il-post ta’ fejn ser isir dan l-eżerċizzju, l-OPCW u l-Awtoritajiet Amerikani għadhom ma kkomunikawx il-punt preċiż fil-Mediterran fejn il-vapur Amerikan
MV Cape Ray
ser ikun qiegħed jiddistruġġi l-armi kimiċi Sirjani. Għaldaqstant, mhuwiex possibli f’dan il mument li nistabbilixxu jekk din l-attivita’ hijiex ser issir ġos-
Search and Rescue Area
ta’ Malta. Hemm ukoll il-possibilta’ li l-vapur
MV Cape Ray
li fuqu ser isiru l-attivitajiet ta’ distruzzjoni, jibqa' fil-port jew viċin il-port Taljan ta’
Gioia Tauro
. Il-pjan huwa li d-distruzzjoni ta’ dawn l-armi jitlesta sa mhux aktar tard minn nofs is-sena 2014. Il-materjal ser jiġi dispost ġo faċilitajiet kummerċjali u mhux fil-Mediterran.
Nassigura li konsultazzjoni ma esperti kimiċi Maltin seħħew u ingħatat konferma lill-Ministeru li l-proċess m’huwiex ta’ theddida lill-pajjiżi Mediterrani. Konsulti mal-istaff legali fi ħdan il-Ministeru indikaw li skond il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda fuq il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS), l-ibħra internazzjonali għandhom jiġu użati għal għanijiet paċifiċi filwaqt li Stati għandhom l-obbligu li jipproteġu u jippriservaw l-ambjent marittimu. Għaldaqstant l-attivita’ proposta mill-OPCW tidher li ma tmurx kontra il-proviżżjonijiet stipulati fil-Konvenzjoni fuq il-Liġi tal-Baħar u li t-tneħħija u l-qerda ta' sustanzi kimiċi Sirjani ser titmexxa b'konformità sħiħa mal-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti internazzjonali u il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, Ħażna u Użu ta' armi kimiċi u d-distruzzjoni tagħhom.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'xogħlijiet u xi spejjeż saru tul is-sena li għaddiet fl-Ambaxxata Maltija f'Pariġi?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena li għaddiet ma sarux spejjeż dwar xogħolijiet strutturali fl-Ambaxxata Maltija ġo Pariġi. Kull ma ntnefaq kien installar ta'
Air Conditioning unit
li sewa €3,152.54.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn inxtrat karozza ġdida għall-Ambaxxata Maltija f’Tunis u għalfejn din inxtrat mingħajr ma nħarġet ebda forma ta’ offerta iżda b'ordni diretta?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-karozza tal-Ambaxxata Maltija (l-karozza uffiċjali) ġewwa Tunis kellha tiġi mibdula minħabba l-mileage li kellha, u l-fatt li kienet antika. Din kienet teħtieġ tiswijiet estensivi fuq il-magna u b'hekk kienet teħtieġ spejjeż kbar sabiex din tkun fi stat tajjeb.
Dan il-Ministeru ġabar stimi, liema sejħa għall-offerti ma ġietx ippublikata. Wara li ġie ppreżentat rapport lill-Ministeru tal-Finanzi b'rakkomandazzjonijiet mingħand l-Ambaxxatur, il-Ministeru tal-Finanzi għażel dik li kienet l-irħas u teknikament kompetenti. Il-Ministeru tal-Finanzi ġie wkoll involut sabiex jagħti awtorita' finanzjarja minħabba l-fatt li din is-sejħa għall-offerti ma ġietx ippubblikata.
Jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħatat il-liċenzja tal-casino f’Għawdex? Kemm applikaw għal din il-liċenzja? Meta se jinfetaħ dan il-casino u kemm hu mistenni li jħaddem nies?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ġie nfurmat mill-Privatisation Unit li għal din il-koncessjoni kien hemm proponent wiehed. Dan il-proponent ma setax jikkwalifika għal din il-koncessjoni, billi m’ottemporax ruħu mar-‘Request for Proposals’. Il-Gvern, tramite l-Awtorita’ ghal-Lotteriji u Loghob (LGA), qed jistudja incentivi godda biex din l-industrija taqbad f’Ghawdex in linea mal-politika tal-Gvern sabiex Ghawdex tingħata spinta ekonomika.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7086, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li sar dwar il-Ggantija mill-Prof Alex Torpiano?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport.
Għawdex — Marsalforn - studji dwar protezzjoni tal-bajja
Question
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 6785 u 6689, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jippubblika r-rapport jew partijiet minnu dwar l-istudju li ġie kkummissjonat mill-Gvern preċedenti dwar l-effett tal-maltemp fil-bajja ta’ Marsalforn? Ma jaħsibx il-Ministru li b’dan in-nuqqas tiegħu qed imur totalment kontra l-wegħda espressa u ċara tal-Gvern li jifforma parti minnu hu li jkun Gvern trasparenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandix xi nżid mar-risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari 6785 u 6689.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għadux qed jippjana li jsir xi forma ta' cable car/funikular bejn il-Mellieħa u l-Għadira? Fiex waslu l-pjanijiet għal dan il-proġett?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li dan il-proġett ma jistax ikun iffinanzjat mill-Kunsill waħdu. Il-Kunsill Lokali madanakollu lest li jidħol f’xi forma ta’ private public partnership mas-settur privat li jista’ jkun interessat jinvesti. Fi kwalunkwe każ, l-ewwel jeħtieġ li jsiru l-istudji li jistabbilixxu l-vijabilità tal-proġett.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi bidla fil-mod ta’ kif jiġu mistiedna persuni pubbliċi għal dawk li huma prize days fl-iskejjel tal-Gvern, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji? Jista jagħti tagħrif dwar liema kienu l-iskejjel primarji/sekondarji, tal-Gvern fis-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali, li tagħhom saret il-prize day matul l-aħħar erba’ xhur u f’kull każ, min kien mistieden li jattendi dawn il-prize days, mingħajr m’għandu rabta diretta mal-edukazzjoni jew ma’ dik l-iskola partikolari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar – Skola Primarja — nazzjonalità tal-istudenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm studenti fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, fil-klassijiet kollha, sena b’sena, preżentement? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin, u kemm minnhom mhumiex Maltin? Ta’ liema nazzjonalità (nazzjonalità b’nazzjonalità) huma dawk l-istudenti li mhumiex Maltin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7014, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-Mellieħa għadx hemm talba għall-bini ta' kamra tan-nar li għadha pendenti u dan billi ma tidhirx fil-papers laid? Fiex wasal il-proċess ta' din l-applikazzjoni?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-talba għal-kamra tan-nar fil-Mellieħa qiegħda fl-istadju ta’appell u mhux fil-proċess quddiem il-MEPA.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru wasalx għal xi konklużjoni dwar l-evalwazzjoni tar-rapport għas-sejħiet ta' operazzjoni ta' casino f'Malta wara li l-istess sejħa għall-interess għalqet numru ta' xhur ilu?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Eżamijiet għall-promozzjonijiet fil-gradi ta’ messaġiera
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7035, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li għaddew mill-eżami msemmi f'kull kategorija ta' impjieg li hemm referenza għaliha fl-istess risposta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li twieġeb din il-Mistoqsija Parlamentari
Jista’ l-Ministru jara l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Wara li saret riċerka fir-rekords tal-aħħar tnax-il xahar tas-sezzjoni tal-karta tal-identita’, ma rrizultax li daħal rapport mingħand jew dwar din il-persuna. Iżda, wara li sar kuntatt magħha ‘llum (23/01/2014), ġie stabbilit xi ħtiega għandha, u qed tingħata s-servizz f’darha minnufih biex, fil-ġranet li ġejjin, din il-persuna jkollha karta tal-identita’ ġdida
Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm problema fuq il-bejt?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar, ma jirriżultax li hemm talba jew rapport pendenti mingħand l-inkwilin imsemmi. Madanakollu għandha ssir spezzjoni fuq il-post mill-uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar biex tiġi verifikata l-ħsara indikata u min hu responsabbli biex jagħmel it-tiswijiet jew manutenzjoni meħtieġa.
Tista’ l-Ministru tgħid meta se joħroġ ir-rendikont tal-pensjonanti li joħroġ kull sena biex l-anzjani jkollhom schedule ta’ kull meta se jirċievu l-pensjoni peress li kull sena kienu jirċievu din il-karta u din is-sena għadhom ma rċevew xejn? Tista’ tgħid jekk hux se tintbagħat u meta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rendikont tal-pensjoni li joħroġ kull sena mistenni li jkun intbagħat lill-pensjonanti sa l-aħħar ta’ Frar.