Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tat-trasport pubbliku

Question

Issa li tħabbru l-iskedi li fuqhom suppost jibda jopera s-servizz tat-trasport pubbliku f'Malta u f’Għawdex, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kif se jiżdiedu l-miljun kilometru ta' rotot li ssemma diversi drabi matul il-ġimgħat li għaddew, u li suppost se jkunu miżjuda mal-kilometraġġ li kien isir taħt l-iskedi l-qodma?

Response (MIZZI, JOE)

Tajjeb infakkar lill-Onor. Interpellant li sa mill-ewwel ġranet tat-tmexxija ta’ dan il-Gvern, ridna nagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni li writna biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-qasam tat-trasport pubbliku f’pajjiżna. Konferma ta’ dan huwa dak li ġet indikat fl-istess rapport tat-telfa tal- Partit Nazzjonalista, fejn intqal hekk “Ir-riforma fit-trasport pubbliku kienet meħtieġa. Madankollu, inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq, bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li ir-riforma ma kienetx suċċess. Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.” Għalhekk bdejna b’konsultazzjonijiet mal-pubbliku, fejn smajna is-suġġerimenti u kritika ta’ min juża s-servizz, min jaħdem fis-servizz u min jipprovdieh kif ukoll tajna każ ta’ dak li intqal fuq il- media lokali. Barra minn hekk, iltqajna anke mal-Kunsilli Lokali fejn stedinnihom iressqulna s-suġġerimenti tagħhom. Din kienet konsulenza li għaliha, ma ħriġna xejn mill-but, mhux kif għamel Gvern preċedenti li nefaq kważi 900,000 ewro f’konsulenzi. Wara li evalwajna s-suġġerimenti u l-ilmenti kollha, kien jidher ċar li l-poplu, wara sentejn mid-dħul tal-Arriva f’Malta, ma kienx moqdi. Għalhekk, beda proċess sħiħ biex jitfassal pjan dwar rotot li jilħqu l-ħtiġijiet u x-xewqat tal-pubbliku, ibbażat fuq l-ilmenti u s-suġġerimenti li waslulna. Għidna li se nlestu dan il-pjan sa’ Novembru 2013 iżda fil-fatt, lestejna qabel. Meta ir-rotot il-ġodda ġew issottomessi lill- Arriva, irriżulta li l-istess kumpanija kienet falluta u riedet tillikwida u għaldaqstant dawn ir-rotot ma setawx jiġu attwati. F’din is-sitwazzjoni ħdimna biex il-kumpanija ma tillikwidax għax konna ser nispiċċaw mingħajr trasport pubbliku u l-ħaddiema jispiċċaw mingħajr xogħol. Wara diskussjonijiet iebsin imma kordjali, intleħaq ftehim biex il-kumpanija jeħodha l-Gvern għal żmien tranżitorju sakemm jidħol operat ġdid. Issa li ħarġet l- Expression of Interest biex finalment jintgħażel operatur ġdid, din l- Expression of Interest torbot lil min jieħu l-operat tat-trasport pubbliku, li ir-rotot li kienu ġew sottomessi lill- Arriva f’Ottubru li għadda ikunu il-bażi illi l-operatur il-ġdid jopera fuqu. Fil-kuntest ta’ dan kollu ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda fil-kilometraġġ hija dovuta minħabba diversi fatturi fosthom: - Żieda fil-frekwenzi minn u lejn il-Belt f’ċertu ħinijiet ta’ filgħodu u wara nofsinhar (rush hours); - Introduzzjoni ta’ rotot ġodda biex jaqdu aħjar lil dawk il-lokalitajiet/akwati li jew s’issa m’għandhomx servizz inkella m’humiex moqdija sew; - Tibdil f’rotot eżistenti biex jagħtu servizz aħjar bħar-rotot tal-isptar; - Żieda fil-frekwenzi ta’ xi rotot meta domanda għalihom normalment tkun aktar għolja f’ċertu żminijiet tas-sena.

Benefiċċji soċjali — każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li għadu ma ħax il-benefiċċju soċjali li suppost kellu jieħu fl-4 ta' Jannar 2014?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet ikkuntatjata personalment bit-telefon mis-sezzjoni kkonċernata dwar il-każ tagħha.

Nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Proġett Gender Balance in Decision Making

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miri tal-proġett Gender Balance in Decision Making li qed tmexxi l-NCPE permezz tal-fondi mill-Unjoni Ewropea (ESF3.196)? Tista’ tgħid ukoll min rebaħ is-Service Tender for Research and Policy Recommendation Services marbut ma’ dan l-istess proġett?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miri tal-Proġett Gender Balance in Decision Making huma: - Li jiżdied in-numru ta’ nisa li jokkuppaw pożizzjonijiet li jirrikjedu teħid ta’ deċiżjonijiet - Li titrawwem fin-nisa l-konvinzjoni li jistgħu jidħlu għal pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet - Li tingħata l-għajnuna u l-pariri meħtieġa lill-policy makers dwar il-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Is-Service Tender for Research and Policy Recommendation Services għadu qed jiġi evalwat u għaldaqstant dan it-tender għadu ma ingħatax.

Marka tal-Ugwaljanza — kumpaniji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm kumpaniji f’Malta li ħadu l-Marka tal-Ugwaljanza? Tista’ tgħid sena b’sena kemm kien hemm kumpaniji li ħadu l-istess marka minn meta bdiet din l-iskema fl-2010 sal-lum?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Equality Mark kien ġie żviluppat fi ħdan il-proġett tal-Fond Soċjali Ewropew Unlocking the Female Potential li kien implementat bejn l-2008 u l-2012. Waqt dan il-perjodu l-NCPE kienet ingaġġat uffiċjal sabiex jieħu ħsieb il-promozzjoni tal-Equality Mark. Xogħolu kien intemm mat-tmiem tal-proġett. Is-sena l-oħra ġew iċċertifikati dawk il-kumpaniji li kienu lesti kif ukoll sar x-xogħol fuq il-proċess ta’ riċertifikazzjoni ta’ kumpaniji li diġa għandhom l-Equality Mark, liema proċess irid isir kull sentejn. Bħala totali kien hemm erba’ u ħamsin (54) kumpanija li ħadu l-Marka tal-Ugwaljanza mindu bdiet din l-iskema. Sena b’sena dawn kienu mqassma hekk: 2010 : 10 kumpaniji 2011 : 22 kumpanija 2012 : 19-il kumpanija 2013 : 3 kumpaniji

NCPE — Budget

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4484 u tgħid jekk il-budget tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza (NCPE) approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-prattiċi użati mill-gvern preċedenti il-Ministeru għall-Finanzi kien informa lil dan il-Ministeru li mill-Budget allokat għas-sena 2013 għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tnaqqset is-somma ta’ tletin elf ewro (30,000 ewro).
Leg 12 PQ #7319 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Barcoding tal-mediċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istokk ta’ mediċini, kemm meta jkun maħżun kif ukoll sakemm jasal għand il-pazjenti, hux jiġi kkalkulat permezz tal-użu tal-apparat tal-barcoding?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

L-Onorevoli interpellant għandu jkun infurmat illi l-kalkolu qed isir permezz ta’ inventarju u jasal għand il-pazjent skont li skema tal-intitolament. Infatti d-dipartiment tax-xiri ħareġ sejħa estiża għal sistema’ ta’ stock control system li tinkludi l-barcoding u bħalissa l-offerti qegħdin fil-proċess tal-evalwazzjoni.
Leg 12 PQ #7320 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Elezzjonijiet tal-kumitat amministrattiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-elezzjonijiet tas-sittax-il kumitat amministrattiv humiex se jsiru flimkien ma’ dawk tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi peress il-liġi ma tispeċifikax f’liema xahar għandhom isiru l-elezzjoniet tal-Kumitati Amministrattivi u jekk dawn jistgħux jitressqu ‘l quddiem jew lura (bħalma jsir fil-każ tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali), qed jintalab parir mill-Avukat Ġenerali jekk l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi jistgħux isiru ma’ dawk tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.
Leg 12 PQ #7321 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Elezzjonijiet tal-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta se tkun l-elezzjoni li jmiss biex jiġi elett il-kunsill lokali ta’ kull lokalità f’Malta u Għawdex?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmiss ser isiru f’Marzu 2015. Dawn ikopru 34 Kunsill. L-elezzjonijiet tal-bqija tal-Kunsilli Lokali isiru f’Marzu 2017. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Skeda ta’ kif ser isiru l-elezzjonijiet ta’ kull Kunsill Lokali bejn l-2015 u l-2023.
Leg 12 PQ #7322 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Żgħażagħ ta’ sittax-il sena – dritt għall-vot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma ġiex ippubblikat l-abbozz ta’ liġi li jagħti d-dritt lill-persuni ta’ sittax-il sena jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali? Dawn iż-żgħażagħ li għalqu s-sittax-il sena se jkollhom dritt jivvutaw f’Mejju li ġej fl-elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li tagħti d-dritt lill-persuni ta’ sittax-il sena jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ser tiġi ppubblikata din il-ġimgħa. L-emenda proposta ser tagħti d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mis-sena 2015.
Leg 12 PQ #7323 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iċ-Ċittadella — Riabilitazzjoni tas-swar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7120, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru għal Għawdex fir-restawr u riabilitazzjoni tas-swar taċ-Ċittadella?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-proġett ERDF 39 – restawr u riabilitazzjoni tal-fortifikazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex kien immexxi mid-Direttorat tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u llum taħt il-Ministeru tat-Turiżmu. Il-Ministeru għal Għawdex ipprovda għajnuna permezz ta’ servizzi ta’ technical officers u perit f’diversi fażijiet tal-proġett.

Forzi Armati ta’ Malta – użu ta’ helicopter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-passiġiera li kienu jakkumpanjaw lill-Prim Ministru kull darba li għamel użu minn helicopter tal-Forzi Armati ta’ Malta bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jagħti d-data ta’ kull safra u informazzjoni separata għal kull safra ? Jista’ jgħid, kull min kien ikun fuq kull safra, f’liema kapaċità kien ikun preżenti?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija 7326 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta kien ikun ibbukjat helicopter mill-Uffiċju tal-Prim Ministru qatt ma’ kienet tingħata raġuni għaliex ser jintuża l-helicopter. Ir-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar ħlas mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna kkonċernata bħalissa qed tircievi l-beneficcju tal-qagħad. Li mhux jirċievi huwa d-differenza fir-rata tal-qagħad minħabba li qed jagħmel xi xogħol bi skema ma’ l-E.T.C. Dan minħabba li kienu għaddejin xi investigazzjonijiet fuq il-każ li għandhom jiġu konklużi dalwaqt.
Leg 12 PQ #7329 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar: Xogħlijiet ta’ tindif u ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġie jiswa x-xogħol marbut mal-ġbir ta’ skart, knis, qtugħ ta’ ħaxix fil-kampanja u ġbir ta’ bulky refuse xahar b’xahar, separatament, għal kull wieħed minn dawn ix-xogħlijiet differenti għas-snin 2011, 2012 u 2013 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr u San Pawl il-Baħar rispettivament?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7330 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – rotot ġodda tat-trasport pubbliku

Question

Issa li ġew ippubblikati r-rotot li fuqhom suppost se jibda jaħdem it-trasport pubbliku meta jkun hemm l-operatur il-ġdid, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġerimenti li saru mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, li ġew aċċettati bħala parti mir-rotot il-ġodda? Liema kienu l-proposti minn dawn l-istess kunsilli li ma ġewx aċċettati?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rilevanti għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, hekk kif provduta mill-istess Kunsill. Intant infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr li ma ħassx il-bżonn li jagħti suġġerimenti fir-rigward tar-rotot ġodda. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li uffiċċjalment għadu qed jistenna d-dettalji fir-rigward tar-rotot ġodda.

Skedi tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti li saru mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar li ġew aċċettati biex jiġu nkorporati fl-iskedi tat-trasport pubbliku li fuqhom suppost se jkun qed jaħdem l-operatur il-ġdid tat-trasport meta jidħol fis-seħħ l-arranġament ma’ dan l-operatur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma ġew iffinalizzati dawn ir-rotot kien sar proċess ta’ konsultazzjoni estensiv mal-pubbliku inġenerali anke permess ta’ laqgħat mal-Kunsilli Lokali, kif ukoll tajna widen għall-ilmenti u suġġerimenti li l-pubbliku kien iressaq permezz tal-mezzi tal- media lokali kollha. Qabel ma’ dawn ir-rotot il-ġodda ġew mgħoddija lill-kumpanija Arriva Malta Ltd., reġa kien hemm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kollha u fejn kien hemm xi dubji dawn ġew ikkjarifikati. Nenfasizza ukoll li dawn l-istess rotot huma il-bażi li fuqha ser jibda jopera l-operatur il-ġdid u li huma ippubblikati fl-Expression of Interest li għadha kemm ħarġet. Il-proposti li saru kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar tista’ tgħid li kollha ġew milqugħa. Fost dawn is-suġġerimenti kien hemm: 1. It-tneħħija tar-Rotta 101 minn ġewwa t-toroq residenzjali fil-Mellieħa; 2. Żieda fil-frekwenza tar-Rotta 42 minn 60 għal 30 minuta; 3. Trasport pubbliku aħjar biex iservi l-akwati tal-Gillieru, Pijunieri u l-Qawra ġewwa San Pawl il-Baħar lejn il-Belt; 4. Servizz aħjar għar-residenti ta’ Triq Għajn Tuffieħa u l-akwata tal-Ballut; 5. Servizz ta’ trasport pubbliku għal Paradise Bay ġewwa ċ-Ċirkewwa.

Il-Biċċerija tal-Marsa — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ spezzjonijiet saru matul l-aħħar sentejn fil-biċċerija tal-Marsa? X’tip ta’ spezzjonijiet oħra hu mistenni li jsiru fil-biċċerija matul il-ġimgħat jew xhur li ġejjin? Minn min hu mistenni li jsiru dawn l-ispezzjonijiet fil-futur qrib?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li spezzjonijiet fil- biċċerija tal-Marsa jsiru fuq bażi regolari, skont il-ħtieġa u skont ir-regolamenti. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi spezzjonijiet partikolari huwa mitlub ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 12 PQ #164 Sitting 113 2014-01-28 Written · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Operazzjoni tal-Cartilage — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jistenna l-operazzjoni tal-cartilage?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li dan il-kaz qed jiġi segwid mill-Customer Care tal-Ministeru.

Residenza San Vinċenz de Paule – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed tistenna biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-pressuna inkwistjoni applikat biex tidħol f’residenza għall-anzjani tal-Gvern fit-30 ta’ Novembru 2011, iżda din ma kinitx approvata mill-Bord tal-Ammissjoni għad-Dħul fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern. Il-Bord reġa’ rreveda l-applikazzjoni fit-22 ta’ Marzu, 2012, fis-26 ta’ Lulju 2012 u fis-6 ta’ Diċembru 2012 fejn kienet approvata u klassifikata bħala prijorità għolja. B’hekk sar appuntament fid-29 ta’ Jannar 2014 biex il-klijenta terġa’ tiġi assessjata fl-Isptar ta’ Riabilitazzjoni Karin Grech u jiġi stabbilit eżatt il-prijorità tal-pazjent.

Korp tal-Pulizija – xogħol waqt okkażjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux korrett jingħad li fl-ikla tal-Palazz tal-Girgenti tal-Ħamis, 27 ta' Ġunju 2013 li fiha l-Pulizija sajru u kienu waiters, b'kollox kien hemm mal-100 membru tal-Korp, inkluż b'dawk li kienu fil-Banda tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li qed jistaqsi l-erbatax il-mistoqsija rigward l-ikla tal-Girgenti u għal darba oħra l-informazzjoni hija żbaljata.