Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista ta' direct orders
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7055 u tagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct ordersli ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – lista ta’ varjazzjonijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7057 u jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għad-Djalog Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — lista ta' direct orders
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7056 u tagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct ordersli ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7272, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet? Minn dawn l-applikazzjonijiet kemm ġew aċċettati u kemm ġew rifjutati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li sa issa, mill-Universita` ta’ Malta kien hemm 344 applikazzjoni li minnhom 191 ġew approvati filwaqt li 153 ma kienux approvati.
L-applikazzjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-iStudents Maintenance Grants Board baqgħu ġejjin sat-28 ta’ Jannar 2014.
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-mediċini/farmaċewtiċi li roħsu fil-prezzijiet mill-bidu ta’ Marzu 2013 sal-lum permezz tal-Ħidma tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tippubblika l-prezzijiet ta’ dawn il-mediċini/farmaċewtiċi li roħsu u b’kemm roħsu?
Response (DALLI, HELENA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija parlamentari 4822.
Is-Sannat – Triq is-Sannat – xogħol ta’ re-surfacing
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7140, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq Sannat, is-Sannat huwiex se jsir matul is-sena 2014 peress li fir-risposta naqas li jwieġeb għal dan?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-proċess relatat ma Triq Sannat, fis-Sannat diġà inbeda.
Victoria (Għawdex) – Triq Għajn Qatet — xogħlijiet
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7135, jista’ l-Ministru jgħid liema parti minn Triq Għajn Qatet se tiġi asfaltata? Jista’ jgħid kemm-il offerta ntefgħet u kemm kien il-valur ta’ kull offerta li ġiet sottomessa għal dan ix-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-parti li se tiġi asfaltata testendi mill-junction ma' Triq San Duminku sal-junction ma Triq it-8 ta’ Diċembru. Jiena nfurmat ukoll li kien hemm żewġ offerti b’valuri ta’ iżjed minn €100,000 kull waħda.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7118, jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħatat it-tender li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq xogħlijiet ta’ restawr ta’ faċċati ta’ bini fiċ-Ċittadella? Meta hu mistenni li jibda dan ix-xogħol u meta mistenni li jitlesta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li t-tender għal xogħlijiet ta’ restawr ta’ faċċati ta’ bini fiċ-Cittadella CT3086/2013 ġiet mogħtija lill-kumpanija Gaulos Conservation. Ix-xogħol mistenni jibda’ sal-aħħar ta’ Jannar 2014 u mistenni li jitlesta fi żmien sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport ġietx xolta jew inkella hiex fil-proċess li tiġi xolta? Kemm-il darba ltaqgħet din il-Kummissjoni u meta kienet id-data ta' meta ltaqgħet l-aħħar darba?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport ġiet xolta. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4295, filwaqt li nsemmi li l-aħħar laqgħa saret fid-19 ta' Settembru 2013.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk għall-attivitajiet li jsiru mill-Aġenzija Żgħażagħ ikunx l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport li japprova l-lista ta' dawk li jiġu mistiedna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport ma japprova l-ebda lista ta’ min jiġi mistieden.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Oppożizzjoni ma kenitx involuta fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ minkejja li kienet imwiegħda mis-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport li kienet se tkun involuta sa mill-bidu tat-tfassil tagħha, peress li taħt l-amministrazzjoni preċedenti l-partiti politiċi kienu jkunu mistiedna sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom sa mill-bidu nett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ tal-partiti politiċi ġew involuti mill-bidu nett tat-tfassil tal-imsemmija Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ billi ġew infurmati mill-KNZ biex jibgħatu r-rispons tagħhom. Irrid insemmi li kien hemm rispons iżda mhux mill-MZPN.
Jista' l-Ministru jgħid ma’ min saru l-konsultazzjonijiet sabiex l-iSkola tal-iSport tiġi trasferita mill-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop għall-iskola f'Pembroke? Jista' jgħid jekk hux lest jikkunsidra li jreġġa' lura d-deċiżjoni meħuda b'rabta ma' din l-iskola tal-isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni rigward it-trasferiment tal-iSkola tal-iSport sar mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-istess skola. Saret ukoll konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ġenituri li uliedhom jattendu din l-iskola.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7121, jista’ l-Ministru jgħid kif inhu mistenni li jintefqu aktar minn €14-il miljun fuq il-proġett għall-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Masterplan taċ-Ċittadella? Kemm tenders inħarġu biex jitwettaq dan il-proġett? Min xeħet l-offerta għal kull sejħa li saret? Kemm kien il-valur ta’ kull offerta u min ġie magħżul?
Response (REFALO, ANTON)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li rċieva li jrid iħallas xi kontijiet tal-VAT?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu kkonċernat ġie kkuntattjat mid-Dipartiment tal-Vat u ġie ggwidat fuq x’għandu jagħmel.
B'referenza għal dak li ġie rraportat fil-media dan l-aħħar, fejn kelliem għall-Ministeru għal Għawdex ġie kkwotat li qal li qed isir xogħol ta’ tindif madwar il-konfini tal-Heliport f'Għawdex, jista' l-Ministru jgħid liema dipartiment jew entità tal-Gvern qed twettaq dan ix-xogħol u n-numru ta' ħaddiema involuti f'dan ix-xogħol? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika s-sit li qed jiġi mnaddaf?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ tindif madwar il-konfini fil-Heliport f’Għawdex qiegħed isir mill-Forzi Armati ta’ Malta b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Minsiteru tat-Turiżmu u l-Ministeru ta’ l-Intern. Jiena nfurmat ukoll li bħalissa hemm tlett ħaddiem involuti f’dan ix-xogħol. Qiegħed ukoll inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika s-sit li qed jiġi mnaddaf.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla l-grawnd u jitlestew il-faċilitajiet sportivi li kienu qed jinbnew ġewwa Santa Venera u meta hemm il-ħsieb li jkunu lesti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li qed isiru t-taħditiet mal-Kunsill Malti għall-Isport fejn se jiġi konkluż il-pjan ta' ħidma.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi indirizzat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li kellu l-liċenzja biex issuq mutur iżda allegatament Transport Malta neħħewlu din il-liċenzja bi żball?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li dħalna fil-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament u li allegatament Transport Malta bi żball neħħietlu il-liċenzja biex isuq il-mutur.
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ma kellhiex dokumenti fir-rekords tagħha li juru li l-klijent in kwistjoni kellu l-kategorija tal-liċenzja biex isuq il-mutur. Bħalma tagħmel l-Awtorita’ f’każijiet simili, talbet lill-klijent sabiex jipprovdi l-affidavits konċernati, u wara dan hu ġie kkuntattjat sabiex jiltaqa’ ma’ uffiċċjal tal-Awtorita’ fil-jiem li ġejjin. Hekk kif il-klijent isirlu ittestjat permezz ta’ assessment għall-profiċenza fis-sewqan għal kategorija tal-mutur, l-Awtorita’ tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra li tagħhti l-klijent l-istess kategorija tas-sewqan.
Infurmat ukoll li l-imsemmi klijent għandu fil-pussess tiegħu wkoll liċenzja maħruġa mill-Awstralja. Hu kien ġie infurmat li skont il-liġi mhux permess li wieħed ikollu żewġ liċenzji tas-sewqan, u li sad-data tal-lum il-klijent għadu ma rritornax għand l-Awtorita’ waħda minn dawn il-liċenzji.
Ħal Qormi – Triq Valletta – xogħlijiet fuq tappiera
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq it-tappiera li tinsab fi Triq Valletta, f’Ħal Qormi ħdejn Zammit Nurseries peress li meta tagħmel ix-xita, qiegħed jiżbroffa d-drenaġġ barra t-triq? Jista’ jikkuntatja lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jindika fejn qiegħda l-problema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur – talbiet sottomessi
Question
Tista’ l-Ministru tagħti d-dettalji dwar kemm kienu n-numru ta’ talbiet li ġew sottomessi quddiem it-Tribunal dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur matul l-2010, l-2011, l-2012 u l-2013 separatament? Kemm minn dawn il-każijiet ġew deċiżi? Kemm minnhom ġew deċiżi favur il-konsumatur? Kemm hu n-numru ta’ każijiet pendenti li hemm bħalissa quddiem dan it-Tribunal?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba