Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kuntratturi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi li għamlu xogħol għad-diversi dipartimenti/awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għadhom ma tħallsux tax-xogħol li għamlu għall-istess Ministeru? Kemm huma l-ammonti dovuti? Meta se jsir il-ħlas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-kuntratturi li għamlu u lestew ix-xogħol għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, tħallsu jew qegħdin fil-fażi li jitħallsu fiż-żmien raġonevoli. Barra minn hekk, hemm każi fejn għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-kuntratturi konċernati dwar il-final accounts tax-xogħol imwettaq minnhom u oħrajn fejn ix-xogħol tagħhom ma kienx għas-sodisfazzjon sħiħ tad-Dipartiment , u minħabba li għad hemm xi kontestazzjonijiet pendenti f’dawn il-każi, il-ħlas għadu ma sarx. L-istess jista’ jingħad għall-entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 12 PQ #7586 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Kuntratturi – ammont dovut lid-Dipartiment tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibli li kuntratturi li jkunu taw servizz lill-Gvern, u huma jkollhom ammonti dovut lid-Dipartiment tal-VAT u/jew tat-Taxxa, dawn l-ammonti jkunu jistgħux jinqatgħu mill-ammonti dovuti mill-Gvern lil dawn il-kuntratturi?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma l-Onorevoli Nterpellant li fir-rigward tat-taxxa tal-VAT u l-Income Tax, fil-preżent ma hemm ebda’ mekkaniżmu li permezz tiegħu ammonti dovuti minn kuntrattuti lid-Dipartiment tal-VAT jinqatgħu minn ammonti dovuti lilhom mill-Gvern.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B'referenza għar-risposta -ta’ mistoqsija parlamentari 6638, peress li din il-mistoqsija parlamentari saret fil-21 ta' Diċembru 2013, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta l-Gvern ħabbar li r-regolatur u l-operatur tat-trasport pubbliku kien se jkun il-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari numru 6638 li qed jirreferi għaliha, saret fid-9 ta’ Diċembru 2013 u mhux kif qed jgħid hu fil-21 ta’ Diċembru 2013 ninfurmah li m’għandi xejn iktar x’inżid ma’ dak li ġie mwieġeb fl-istess Mistoqsija Parlamentari.
Leg 12 PQ #7644 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għall-Finanzi

Servizz postali — tariffi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġew reveduti t-tariffi tas-servizz postali bejn 2008 u s-sena 2013, kemm dawk lokali kif ukoll dawk internazzjonali?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tariffi postali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' kumpanija privata, u għaldaqstant il-Ministeru għall-Finanzi mhuwiex f’posizzjoni biex ikun jista’ jirrispondi għal din il-mistoqsija.

Park and ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix statistika ta’ kemm vetturi għamlu użu mill-park and ride dawn l-aħħar tliet snin? X’tibdil kien hemm fit-tariffi? Jeżisti VIP private parking bay fil-park and ride? Jekk iva kemm hemm vetturi li jagħmlu użu minnu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, in-numru ta’ vetturi li ħallsu biex ipparkjaw fis-sit tal-Floriana Park and Ride kull sena huwa hekk kif ġej: Medja kuljum minn 750 spazju ta’ parkeġġ disponibbli Bejn Settembru u Diċembru 2011 138 Bejn Jannar u Diċembru 2012 175 Bejn Jannar u Diċcembru 2013: 213 Jannar 2014: 192 Fir-rigward ta’ tariffi, minn Settembru tal-2011 sal-20 ta’ Mejju 2012, it-tariffi tal-Floriana Park and Ride kienu hekk kif ġej: · €10.00 għal sebat ijiem li jinkludi il-parkeġġ, vjaġġ bir-ritorn għax-xufier u passiġġier wieħed u € 0.50 għal kull passiġġier addizzjonali; · € 2.50 bejn 07:00 u 19:00 li jinkludi vjaġġ bir-ritorn għax-xufier biss u € 0.50 għal kull passiġġier addizzjonali; · € 3.75 bejn 07:00 u 19:00 parkeġġ biss; · € 4.00 bejn 19:00 u 07:00 li jinkludi vjaġġ bir-ritorn għax-xufier biss u € 0.50 għal kull passiġġier addizzjonali. Mill-21 ta’ Mejju 2012 sal-aħħar ta’ Jannar 2014, dawn inbidlu hekk kif ġej: · € 7.50 għall-sebat ijiem inkluż vjaġġ bir-ritorn għax-xufier u passiġġier wieħed biss u €0.50 għal kull passiġġier addizzjonali; · € 1.50 ta’ għal ġurnata vjaġġ bir-ritorn għax-xufier biss u €0.50 għal kull passiġġier addizzjonali;. Wieħed irrid jinnota illi il-prezzijiet imsemmijja kienu l-għola prezzijjiet illi l-operatur seta’ jitlob għal dan is-servizz. Għaldaqstant l-operatur kellu l-fakulta’ li jitlob prezz orħos minn dak ikkwotat. L-iskema tal-VIP private parking bay daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2014 mat-tibdil tan-nollijiet.

Arms Ltd – ċentri ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċentru ta’ customer care hawn tal-ARMS? Hemm xi pjanijiet sabiex dawn jiġu estiżi f’lokalitajiet ċentrali kemm fin-naħa ta’ fuq, kif ukoll fin-naħa t`isfel ta’ Malta sabiex il-pubbliku jinqeda aħjar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti l-uffiċini li l-ARMS Ltd diġà għandha ġewwa Blata l-Bajda u Għawdex, qed tikkonsidra ukoll li topera minn fergħat oħra f’lokalitajiet differenti.

Servizz tat-Telecare

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn anzjani reġistrati u abbonati mas-servizz Telecare u Telecare Plus? Kemm-il sejħa għall-għajnuna kien hemm fuq dan is-servizz dawn l-aħħar tliet snin, inkluż Telecare Plus imniedi s-sena li għaddiet?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ abbonati tat-Telecare bħalissa huwa ta’ 8745 waqt li l-għadd ta’ abbonati tat-Telecareplus jammontaw għal 163. L-uffiċċju tat-Telecareplus ma jżommx statistika ta’ min iċempel u għal-liema raġuni qed iċempel.
Leg 12 PQ #7648 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern – servizzi online

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm isir użu mill-online forms f’entitajiet u dipartimenti tal-Gvern? X`kien l-ammont ta’ online forms li ntbagħtu mill-pubbliku online biex japplikaw jew għall-bżonn ta’ servizz bejn 2009 u l-2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #7649 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: DEO DEBATTISTA To: Ministeru għas-Saħħa

HGT sticks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm HGT sticks huma ntitolati kull xahar tfal taħt is-16-il sena li huma dijabetiċi fuq l-insulina?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Kif ġie stabbilit mid-Direttorat tas-Servizzi Farmaċewtici, it-tfal taħt is-16-il sena huma ntitulati għal pakkett wieħed (ta’ 50) HGT sticks fix-xahar.
Leg 12 PQ #7657 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċina Zometa – out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-pilloli Zometa, użati fil-kura tal-kanċer se jerġgħu jkunu għad-dispożizzjoni tal-Gvern? Jista’ jieħu azzjoni minnufih biex dan ikun malajr kemm jista’ jkun?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li z-Zolendronic acid m’hijiex pillola imma Vjala, u din tinsab fl-isptarijiet fejn tingħata lill-pazjenti.

L-Imtarfa – xogħlijiet fuq bandli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn kien hemm il-ħtieġa li jerġa’ jinqala’ x-xogħol li kien lest ġewwa l-bandli tal-Imtarfa? Kemm se jiswa x-xogħol u meta hu maħsub li din iż-żona tkun lesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ġewwa l-bandli tal-Imtarfa tlesta wara li dan ix-xogħol kellu jerġa jinqala’ minħabba l-fatt li d-Dipartiment ma aċċettax xogħol inferjuri. Dan kollu sar a spejjeż tal-kuntrattur. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li ġara fi Triq Melita ġewwa l’ Belt Valletta minħabba nuqqasijiet tal-Gvern preċedenti. Ta’ min ifakkar li din it-triq kellha tinqala’ mill-ġdid mill-Gvern preżenti wara inqas minn sena li kien tlesta ix-xogħol fuqha mill-amministrazzjoni preċedenti. Peress li kien leħaq skada il-perjodu li matulu il-kuntrattur seta’ jinżamm responsabbli għax-xogħol li għamel, l-ispiża li qabbżet il-€100,000 biex isir dan ix-xogħol mill-ġdid kellhom jitħallsu minn Transport Malta. Il-Ministeru tiegħi ried jiżgura li x-xogħol jitlesta fi żmien aċċettabli u fil-fatt dan tlesta ġimgħatejn qabel ippjanat.

Home Help – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema bl-applikazzjoni għall-home help?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-każ mhux eliġibbli għas-servizz tal-HomeHelp. Dan ġie deċiż fil- bord tal-HomeHelp unaninament fid-dawl ta’ parametri cari kif jinghata s-servizz.

Park and ride — mini buses

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm se jkunu l-mini buses li se jkunu qed jipprovdu servizz ta' trasport bejn il-park and ride u l-Belt Valletta fuq iż-żewġ rotot li se jkunu qed jagħtu dan is-servizz? X'tip ta' ħlas se jkunu qed jingħataw l-operaturi ta' dan is-servizz u għal kemm żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li b’kollox hemm seba’ mini-buses li qegħdin jipprovdu servizz ta’ trasport bejn il-Park & Ride u l-Belt Valletta, speċjalment waqt il-ħinijiet peak tal-ġurnata. Il-kuntratt li ġie ffirmat huwa għal sena u tas-servizz provdut, il-kuntrattur se jitħallas tlieta u għoxrin elf ewro (€23,000) fix-xahar.

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7335, filwaqt li nikkonferma li t-talba kellha tkun dwar l-2014 mhux għall-2013, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'taħdidiet saru sa issa dwar ir-riforma tal-Pitkalija u wkoll ma' min saru? Meta hu mistenni li jiġu konklużi t-taħdidiet dwar ir-riforma fil-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li konsultazzjonijiet saru ma’ kull min wera’ interess fuq din ir-riforma. F’dan l-istadju, fejn it-taħdidiet għadhom għaddejjin, mhux fl-interess kummerċjali li jingħataw aktar dettalji.

Transport Malta – xogħlijiet fi Triq iż-Żebbuġ, Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex isiru x-xogħlijiet urġenti li hemm bżonn fi Triq iż-Żebbuġ, it-triq li mit-telgħa tar-Rabat tagħti għal Ħaż-Żebbuġ? Jista’ jikkonferma li t-triq taqa’ fir-responsabilità ta’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq iż-Żebbuġ, f’Ħaż-Żebbuġ hija triq residenzjali li taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Triq Ħaż-Żebbuġ fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ stess, f’dan il-każ din it-triq hija waħda rurali barra mill-iskema tal-bini u għalhekk din ukoll ma taqax taħt ir-responsabilta’ ta’ Transport Malta. Madanakollu għajnuna tingħata skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Leg 12 PQ #7663 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Applikazzjoni għall-Karta s-Safra – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ilu li applika għall-karta s-safra tal-mediċina (Schedule 5) iktar minn xahrejn u għadu bla risposta?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li dan il-każ qed jiġi segwid mid-Dipartiment tal-Customer Care fi ħdan il-Ministeru.

Problema dwar bolol – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li titmexxa l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq bolol?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet ikkuntatjata personalment bit-telefon mis-sezzjoni kkonċernata dwar il-każ tagħha.

Ħruġ tar-relief – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed tistenna li joħroġ ir-relief?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu applikat għal għajnuna soċjali f’isimha fil 21 ta’ Jannar 2014 u l-każ tagħha qiegħed jinħadem.
Leg 12 PQ #7666 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Saħħa

Karta s-Safra – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li applika għall-karta s-safra u għadu bla risposta?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li dan il-każ qed jiġi segwid mid-Dipartiment tal-Customer Care fi ħdan il-Ministeru.
Leg 12 PQ #7682 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Qawra – Triq Annetto Caruana — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa jew se jieħu l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex il-ħsarat li hemm fi Triq Annetto Caruana, il-Qawra u f'toroq oħra jiġu msewwija? B'mod partikulari għal dak li jirrigwarda Triq Annetto Caruana, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu sabiex wara li sar ix-xogħol fl-istess triq, ma jibqgħux je¿istu l-ħofor li hemm u li huma ta' periklu għas-sewwieqa?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn spezzjoni li saret fit-triq imsemmija jirriżultaw xi ħsarat konsegwenza ta’ xogħlijiet f’sit ġdid ta’ kostruzzjoni fl-inħawi. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa.