Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #7771 Sitting 119 2014-02-12 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jinfroma lill-Kamra bil-lista dettaljata kemm il-Ministeru awtorizza li jinxtraw karozzi ġodda tul l-aħħar sena u kemmil-kuntratt ġdid għall-kirjiet ta' vetturi tul l-istess sena mill-Gvern u kemm kien hemm każijiet ta' xiri u kiri ta' vetturi li ma kienx awtorizzat?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Rapport — implimentazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk kemm-il darba xi partijiet mir-rapport li ġie minnu kommissjonat tul s-sena li għaddiet taħt t-tmexxija tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġewx implimentati u jekk iva liema?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar. Risposta tingħata f'seduta oħra.

adozzjoni ta' tfal

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum of understanding li għadu kif ġie ffirmat dwar l-adozzjonijiet tat-tfal mal-Islovakkja? Jista' jinforma lill-Kamra kemm-il ftehim hemm u ma' liema pajjiż dwar l-istess suġġett?

Response (VELLA, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — persuni li rriżenjaw jew ġew trasferiti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra kemm-il-persuna rriżenjat jew ġiet trasferita mill-Ministeru tul is-sena li għaddiet u l-bidu ta' din is-sena?

Response (VELLA, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi miġbura. Risposta tingħata f'seduta oħra.

Forum for Security Cooperation — chairmanship

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi preparazzjonijiet u x'programmi se jiġu segwiti minn pajjiżna issa li għandna ċ-chairmanship tal-Forum for Security Cooperation fl-OSCE tul d-dekorrenza taghha?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Kamra li Malta ħadet iċ-Chairmanship tal-Forum for Security Cooperation tal-OSCE nhar l-1 ta’ Jannar 2014 għal perjodu ta’ erba’ xhur. Is-sessjoniji uffiċjali tal-ftuħ saret fl-24 ta’ Jannar meta bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin indirizzajt dan il-Forum. Fl-indirizz tiegħi, jiena għamilt referenza għall-prijoritajiet ta’ Malta matul dan iċ-Chairmanship bil-prijorita’ prinċipali tkun dik dwar is-sigurta’ fir-reġjun tal-Mediterran. Taħt dan il-qafas, il-lenti ser tkun ukoll fuq l-hekk imsejjaħ Code of Conduct on Politico-Military Aspects of Security tal-OSCE kif ukoll fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi. Ser ikun hemm b’kollox tmien djalogi mmexxija minn Malta, fejn esperti internazzjonali minn diversi pajjiżi membri ta’ din l-Organizzazzjoni jippreżentaw qasam ta’ interess dwar temi li għandhom x’jaqsmu mas-sigurta’ internazzjonali, speċjalment dik Ewropea. Wieħed minn dawn id-djalogi li sar fid-29 ta’ Jannar li għadda kien propju ppreżentat minn żewġ kelliema Maltin, l-Onor. Chris Fearne MP u l-Prof. Stephen Calleya, u ttratta s-suġġett tal-Kontroll demokratiku u l-Iskrutinju Parlamentari tal-Forzi Armati u tas-Sigurta’ li jaqa’ taħt il-Code li rreferejt għalih qabel. Matul dan l-irwol ta’ Malta ser ikun hemm ukoll attenzjoni sabiex jitkompla x-xogħol taċ- Chair ta’ qabel, jiġifieri tal-Lussemburgu kif ukoll iż-żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-laqgħa Ministerjali tal-OSCE li saret f’Kiev f’ Diċembru li għadda. Diskussjonijiet oħra ser isiru fuq il-kontribuzzjoni li l-Forum jista’ jagħti lill-proċess Helsinki + 40 . Għandha ssir wkoll laqgħa konġunta bejn il-Forum u l-Kunsill Permanenti tal-OSCE li, bi ftehim bejn Malta u l-Isvizzera bħala Chair-in-Office tal-OSCE, ser titratta s-suġġett tal-isfidi għas-sigurta’ fil-Mediterran. Nixtieq insemmi wkoll li l-programm mfassal minn Malta għall-dan iċ- Chairmanship ġie milqugħ tajjeb ferm mill-pajjiżi l-oħra membri tal-OSCE kif ukoll mill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran ( Mediterranean Partners for Cooperation ). Tant hu hekk li bħal qatt qabel, il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran saru jkunu attivi u parteċipanti b’mod regolari fil- Forum for Security Cooperation taħt ic- Chairmanship ta’ Malta, u dan qed ikun innotat u apprezzat mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra tal-OSCE. Ninnota wkoll li fi stqarrija maħruga, l-Unjoni Ewropea wkoll wriet qbil mal-għanijiet u l-programm taċ- Chairmanship ta’ Malta.

Stitut tal-Ġustizzja — arranġamenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x’arranġamenti saru u x’ftehim ġie ffirmat mal-Istati Uniti tal-Amerika għat-twaqqif tal-Istitut tal-Ġustizzja f’pajjiżna?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħdidiet dwar it-twaqqif tal-iStitut tal-Ġustizzja u l-iStat tad-Dritt jinsabu fi stadju avvanzat ħafna bl-aħħar żvilupp ikun iż-żjara ta' uffiċċjal mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan f'dawn l-aħħar ġranet sabiex jiġu diskussi aspetti loġistiċi u amministrattivi tal-proġett. Dan wara li f'Novembru li għadda ltaqgħu f'Malta numru ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu diskussi fid-dettall, l-għanijiet tal-iStitut u l-kontributi ta' dawk kollha interessati. Bħalissa għaddej ukoll xogħol konġunt mal-imsieħba l-oħra f'dan il-proġett sabiex jiġi maqbul u ffinalizzat Host Country Agreement li jirregola l-preżenza ta' dan l-iStitut f'Malta kif tipprovdi l-liġi.
Leg 12 PQ #7789 Sitting 119 2014-02-12 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Communication Advisor

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7508 jista' l-Prim Ministru jgħid minn meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma baqax jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħu? Għaliex il-kelliem tal-Prim Ministru f'Ottubru li għaddha qal lill-ġurnal lokali li l-individwu kien qed jaħdem bħala communication advisor fis-Segretarjat Privat tiegħu? Jista' jgħid kemm dam fil-kariga? Meta u għaliex irriżenja, jekk irriżenja? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kellu l-individwu bħala communication advisor tal-Prim Ministru?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-persuna li qed jirreferi għaliha qatt ma kien jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħi, kif jipprovdi d-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — Kommemorazzjoni

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-prezenza tiegħu fil-kommemorazzjoni li saret ilbieraħ filgħodu fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex jitfakkru l-pulizija li laħqu għaddew għall-ħajja aħjar kienet tkun ferm aprezzata kieku avverat ruħha? Jaf li fl-aħħar 25 sena kull Ministru għall-Intern sedenti, sakemm ma kienx imsiefer barra minn Malta, dejjem kien preżenti għal din il-kommemorazzjoni li tfisser ħafna għall-Korp tal-Pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru jattendi dejjem għal kull kommemorazzjoni u attività tal-Korp tal-Pulizija. Dik il-ġurnata l-Ministru kien indispost xi ħaġa kif jaf l-Onorevoli Interpellant tista’ tiġri lil kulħadd.

Korp tal-Pulizija — Kommemorazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-kommemorazzjoni li saret il-Ħadd, 7 ta’ Lulju, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex jitfakkru l-pulizija li għaddew għall-ħajja aħjar, hu kien rappreżentat miċ-chief of staff tiegħu u mhux mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dakinhar, kif diġà għedt fil-Mistoqsija Parlamentari 3584 kont indispost fl-aħħar ħin u għalhekk iċ-Chief of Staff tiegħi, li jassistini f’kull attività u kommemorazzjoni bħala Kap tas-Segretarjat tiegħi, daħal biex jirrapreżentani fin-nuqqas tal-preżenza tiegħi.

Ħlas tal-Overtime lill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pulizija se jitħalsu tal-extra jew overtime li ħadmu tal-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-overtime li nħadem mill-Pulizija b’konnessjoni mal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013, tħallas.
Leg 12 PQ #3604 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gozo Channel Line – ħatra taċ-chairman

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 633 dwar jekk il-prinċipju tal-meritokrazija ġiex applikat fil-ħatra taċ-chairman il-ġdid tal-Gozo Channel Line u jekk iva, fiex jikkonsistu dawn il-merti tal-persuna magħżula u li allura ddistingwuh minn terzi, u b’referenza għat-tweġiba li ta l-Ministru fejn qal li “Huma l-istess merti li l-Onor. Membru m’hemmx dubju li kien jara huwa meta kien jagħmel deċiżjonijiet simili”, jista’ l-Prim Ministru jindika fejn jien qatt ħtart persuna li jew kienet kandidata tal-partit li jien nirrappreżenta jew uffiċjal tal-istess partit tiegħi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li nibqa’ nsostni dak li għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 633.
Leg 12 PQ #3776 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pariri u konsulenzi — Legali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pariri li ngħata l-Gvern mill-Avukati Ġenerali, mis-Sezzjoni legali tal-Pulizija, mis-Sezzjoni legali tal-Forzi Armati, mill-konsulenti legali tal-Air Malta u minn kull avukat espert fid-dritt internazzjonali, qabel ma l-Gvern Malti ddeċieda li jordna lura, jew jikkontempla serjament li jordna lura l-immigranti irregolari li daħlu Malta fil-jum tat-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013, tant li kien diġà ordna ajruplan tal-Air Malta li kellu jeħodhom lura l-Libja fis-satra tal-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Lulju 2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li dak li ddikjarajt jien kien li fid-dawl ta’ kif kienu qed jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali, il-Gvern kien qed jikkunsidra l-għażliet kollha biex iħares l-interess nazzjonali.
Leg 12 PQ #3777 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air Malta — Titjiriet lejn il-Libja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għala t-titjiriet bl-ajruplan tal-Air Malta li kellhom jieħdu lura l-immigranti li ġew Malta t-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013 lura l-Libja kienu se jsiru fis-satra tal-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Lulju 2013?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3776.
Leg 12 PQ #6542 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Raħal Ġdid – ċentru reġjonali għall-kura primarja

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5499, jista’ l-Ministru jagħti elenku dettaljat tax-xogħol li sar s’issa fuq dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li, kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għal mistoqsija parlamentari 5499, id-direzzjoni mogħtija lid-Dipartiment tal-Kura Primarja hija dik li jassiguraw li sakemm toħrog is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal proġett ko finanzjati mill-Unjoni Ewropea jkun sar il-xogħol kollu relatat inkluz l-Project Brief; il-Cost Benefit Analysis; id-disinji tal-Proġett; l-applikazzjoni lill-MEPA għall-permessi meħtiega kif ukoll jitlestew it-tenders li jinħargu wara li jiġu approvati l-fondi għal dan il-Proġett. Infurmat ukoll li bħalissa għadha għaddejja l-ħidma sabiex jitlesta l-Project Brief għal dan il-Proġett speċifiku.
Leg 12 PQ #6543 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Raħal Ġdid – ċentru reġjonali għall-kura primarja — baġit

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5499, jista’ l-Ministru jagħti breakdown dettaljat tal-baġit indikat fit-tweġiba tiegħu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħalissa għadha għaddejja l-ħidma meħtiega sabiex jitfassal proġett xieraq li għandu jwassal lid-Dipartiment tal-Kura Primarja biex japplika għall-fondi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea fiċ-ċiklu l-ġdid ta' fondi ewropej 2014 - 2020. Din il-ħidma tinkludi t-tlestija tal-Project Brief, fejn imbagħad skont il-Project Brief ikun jista jitfassal budget dettaljat ħafna għal dan il-proġett. Għalhekk il-figura ta' madwar 15-il miljun Ewro hija stima.
Leg 12 PQ #6544 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għas-Saħħa

Raħal Ġdid – ċentru reġjonali għall-kura primarja – project brief

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5499, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-project brief li saret referenza għalih fit-tweġiba?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Membru li, kif spjegajt fit-twegiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 5499, ninsab infurmat li d-direzzjoni mogħtija lid-Dipartiment tal-Kura Primarja hija dik li jassiguraw li sakemm toħrog is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal proġett ko finanzjati mill-Unjoni Ewropea jkun sar il-xogħol kollu relatat inkluz l-Project Brief; il-Cost Benefit Analysis; id-disinji tal-Proġett; l-applikazzjoni lill-MEPA għall-permessi meħtiega kif ukoll jitlestew it-tenders li jinħargu wara li jiġu approvati l-fondi għal dan il-Proġett. Infurmat ukoll li bħalissa għadha għaddejja l-ħidma sabiex jitlesta l-Project Brief għal dan il-Proġett speċifiku.