Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien id-dħul tal-MCA matul l-2012 u l-2013? X'kienet in-nefqa tal-istess Awtorità matul l-istess perijodu ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-flus li għaddew mingħand il-Gvern lill-Awtorità matul dawn l-istess sentejn? Minn fejn oriġinaw il-flus li għaddew mingħand il-Gvern għal għand l-MCA? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien id-dħul u l-ħruġ li sar mill-MCA fis-sentejn indikati?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Billi f'risposta għal domanda parlamentrati preċedenti qed jingħad li suppost hemm biżżejjed kaxxi biex jinqdew il-bdiewa, meta fil-prattika hu magħruf li hemm diffikultajiet dwar dan is-suġġett li qed jiġu ffaċċjati bih il-bdiewa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru totali ta' kaxxi li suppost hemm fis-sistema? Kemm minn dawn il-kaxxi huma kbar u kemm huma żgħar? Kemm hu maħsub li jitkissru kaxxi miż-żewġ tipi kull sena, u kull sena x'qed isir biex fil-fatt jiġu evitati inkonvenjenzi lill-bdiewa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li huwa stmat li hemm biżżejjed kaxxi kemm kbar kif ukoll zgħar fiċ-ċirkulazzjoni. L-ammont ta’ kemm hemm kaxxi attwalment fis-sistema ma jistax jiġi determinat bi preċiżżjoni għar-raġunijiet elenkati fit-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 7336. Huwa wkoll ikalkulat li kull ġimgħa fil-Pitkalija jkun hemm ċirkulazzjoni ta’ madwar 150,000 kaxxa u dan in-numru normalment adekwat għal-ħtiġijiet ta’ kull ġimgħa. Għal rigward ta’ tkissir ta’ kaxxi jien ninsab infurmat li min sena għal sena jitkissru madwar 5,000 kaxxa żgħira u 13,000 kaxxa kbira. Filwaqt li kull sena jiġu mixtrija madwar 20,000 kaxxa kbira u 8,000 kaxxa żgħira li jitqisu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għal dawk il-kaxxi mkissra.
Dan jikkonferma li hemm numru sostanzjali ta’ kaxxi li abbużivament huma maħżuna minn bdiewa u xerreja, kif ukoll użati għal ħtiġijiet oħra mhux relatati mal-agrikoltura.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'konsultazzjoni saret sa issa ma' għaqdiet jew koperattivi tal-bdiewa, għal dak li jikkonċerna r-riforma li qed jingħad li se sseħħ fil-Pitkalija? X'kienu sa issa r-reazzjonijiet li kien hemm minn dawk l-għaqdiet li ġew ikkonsultati, jekk saret konsultazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 7661. Aktar dettalji jingħataw meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi spezzjonijiet saru fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa, matul l-2013 u l-2014 sal-lum? Minn min saru dawn l-ispezzjonijiet u x'miżuri ntalbu biex ikun jista' jsir titjib fl-istess biċċerija tal-Gvern?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema esperimenti qed isiru preżentement f'kull dipartiment li jaqa’ taħt il-ministeru, għal dak li jirrigwarda l-agrikoltura, għal dak li jikkonċerna prodotti agrikoli ġodda li possibilment jistgħu jibdew jitkabbru f'Malta,?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol ta’ esperimentar dwar tkabbir ta’ prodotti, varjetajiet, metodi ta’ kontrol fuq mard u insetti, metodi ta’ irrigazzjoni, tilqim u introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda huma part and parcel mix-xogħol ta’ kuljum tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi suġġett partikolari, nitolbu jindika fuq xiex jixtieq l-informazzjoni.
Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni qed ikun hemm bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru li tiegħu hu responsabbli għal dak li jirrigwarda tagħlim ta' suġġetti marbutin ma' agrikoltura? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li jkun hemm xi korsijiet ġodda dwar dan is-suġġett, b'riżultat ta' din il-kollaborazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għaddejjin diskussjonijiet preliminari bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u s-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi, sabiex is-sistema tat-tagħlim ta' suġġetti marbutin ma' agrikoltura tiġi mtejba u tkun waħda li verament tirrifletti s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-agrikoltura f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li għandu bżonn l-operazzjoni tal-katarretti u ilu fuq il-lista ta’ stennija għal dawn l-aħħar erba’ snin?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li dan il-każ qed jiġi segwid mid-Diprtiment tal-Customer Care fil-Ministeru.
Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja — spezzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja s-sena l-oħra? Liema servizzi ġew spezzjonati? X’konklużjonijiet/ rakkomandazzjonijiet ħarġu minn dawn l-ispezzjonijiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2013 saru total ta’ 116-il spezzjoni regolari fid-77 Ċentru ta’ matul il-jum għat-tfal li huma registrati (provisional jew temporary) mad-Dipartiment. Minn dawn l-ispezzjonijiet ħarġu b’kollox 757 rakomandazzjoni kif muri f’tabella numru 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uħud minn dawn ir-rakomandazzjonijiet jintalbu kull sena, filwaqt li oħrajn intalbu skond il-każ, jew għaliex kien għadhom ma ġewx indirizzati mis-sena ta’ qabel.
Saru ukoll 10 spezzjonijiet fuq ilmenti li l-pubbliku rreġistra mad-Dipartiment dwar Ċentri ta’ Matul il-Jum għat-Tfal.
Saru ukoll spezzjonijiet ta’ dokumenti ta’ 6
Aġenziji tal-Addozzjoni
sabiex dawn jiġu akkredidati. F’dawn il-każijiet ma saretx spezzjoni tal-uffiċini.
Id-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali għaddej ukoll bil-proċess tar-regolazzjoni tad-djar tat-tfal (Out of Home Care). Bħala parti minn dan il-proċess saru ukoll 18-il visita lid- djar tat-tfal. Minħabba li dawn id-djar qegħdin jaħdmu biex jilħqu l-istandards stabbiliti għalihom, dawn il-visiti ikunu aktar maħsuba biex jgħinu fl-iżvilupp tas-servizz, milli bħala spezzjonijiet.
L-ispezzjonijiet fis-settur tad-
Djar tat-Tfal
(
Out of Home
) jibdew la darba s-servizzi ikunu waslu biex jintlaħqu l-i
standards
stabbiliti.
Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali – Customer Care
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il każ kien hemm ta’ persuni li marru għand il-customer care tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u għand id-Dipartiment tal-Anzjani matul is-sena l-oħra? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti jew ingħataw soluzzjoni wara l-interventi li saru?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenziji Appoġġ, Sedqa u Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni Ghal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali m’għandhomx sistema fejn tinżamm statistika ta’ kemm-il persuna tiġi moqdija f’customer care. L-anqas ma tinżamm statistika ta x’tip ta’ problemi jkollhom il-klijenti li jiġu jew iċemplu customer care tal-aġenziji. Jekk klijent jiġi b’xi lment, dan/din jiġi riferut lil kap tas-servizz partikolari jew lill-maniġer tas-servizz, jiddependi mill-każ. F’każ li l-ilment ikun wieħed li jimmerita l-attenzjoni ta’ superjur ta’ maniġer, dan jiġi riferut lil Head Office tal-Fondazzjoni Għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.
Matul is-sena l-oħra ma kienx hemm każijiet li ġew riferuti lil Head Office tal-Fondazzjoni Għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — top management position
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7494, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeur għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — top management position
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7495, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — top management position
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7496, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7497, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-kuntratt tas- Segretarju Permanenti preċedenti ġie mwaqqaf u inghata hatra fi Skala 3. Il-Kuntratti tad-Director Tourism and Econmic Development u dak ta’ Director EU Affairs (li nbidel u sar Director Programme Implementation) ghalqu u harget sejha ghall-applikazzjonijiet. Irrizulta li fiz-zewg kazi gew mahtura persuni ohra u mhux dawk li kienu jokkupaw il-kariga taht il-kuntratt li ghalaq. Ma kien hemm l-ebda tibdil f’xi Top Management Positions fil-kumpanija Gozo Channel. Informazzjoni relatata mal-ingaġġ ta’ uffiċċjali f’Top Management Positions fil-Ministeru għal Għawdex mid-9 ta’ Marzu sal-preżent qed tingħata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — top management position
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7498, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mid-9 ta' Marzu s'issa, fid-dekasteru tiegħi ġew appuntati u twaqqfilhom jew ma ġiex imġedded il-kuntratt tagħhom wara li skada, il-persuni fil-pożizzjonijiet u fl-entitajiet li se nsemmi:-
Fil-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ġiet appuntata persuna f'pożizzjoni ta' Senior Executive. Ma kienx hemm kuntratti li twaqqfu jew ma ġewx imġedda wara d-data indikata fil-mistoqsija.
Fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija kien hemm żewġ persuni fuq skala maniġerjali li ma ġeddewx il-kuntratt filwaqt li mpjegat ieħor ġie mwaqqaf matul iż-żmien ta' prova. Fl-istess żmien ġew appuntati tliet persuni f'pożizzjoni maniġerjali.
Fl-MCAST ġew appuntati 11-il persuna b'salarju ekwivalenti għall-iskali msemmija fil-mistoqsija f'dawn il-pożizzjonijiet; Reġistratur, tliet Diretturi, erba' Deputati Direttur, Deputat Prinċipali u żewġ Managers. Matul l-istess perjodu, persuna li kellu kuntratt ta' Institute Director twaqqaf biex fl-istess waqt inħatar f'pożizzjoni maniġerjali. Persuna oħra f'kariga maniġerjali mhux se jkollu l-kuntratt tiegħu mġedded.
Fil-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, il-persuna li kien jokkupa l-kariga ta' Chief Executive Officer irriżenja u minfloku ġiet appuntata persuna oħra.
Il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada waslet fi ftehim reċiproku biex jintemm il-kuntratt ta' persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni ta' General Manager. Sussegwentement, il-Fondazzjoni appuntat persuna fil-pożizzjoni ta' Chief Operating Officer.
Infurmat ukoll li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, fil-Ministeru u d-Direttorati kien hemm żewġ Diretturi Ġenerali li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada. Fl-istess perjodu ġew appuntati Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali, erba' Diretturi, Chief Information Officer, tliet Prinċipali ta' Kulleġġ u Assistent Direttur.
Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — top management position
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7502, tista’ l-Ministru tgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Tista’ tipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum fl-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili li fl-iskali msemmija ma kien hemm l-ebda persuna li kellha l-kuntratt imwaqqaf, żewġ persuni kellhom il-kuntratt mhux imġedded u żewġ persuni nħatru bħala Chairpersons. Dawn tal-aħħar kienu s-Sur Marcel Pizzuto u Prof. Anthony Serracino Inglott li nħatru Chairpersons tal-MCCAA u Malta Medicines Authority rispettivament.
Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li għandu pjani biex ibiegħ lill-privat il-ġnien pubbliku magħruf bħala l-ġnien ta’ Ta’ Xbiex?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ġnien huwa devolut lill-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex. Id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda talba uffiċjali sabiex dan il-ġnien jinbiegħ lill-privat
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjani hemm sabiex kumpaniji bħal din il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li qegħdin jaffaċċjaw problemi finanzjarji u qegħdin jagħtu s-sensja lill-impjegati tagħhom, jiġu megħjuna sabiex jiġu salvati l-impjiegi? X’inizzjattivi qed jingħataw sabiex isalvaw l-operaw tagħhom?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux indikazzjoni dwar jekk hemmx fabbriki jew kumpaniji li qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji bħal kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk għandu indikazzjoni, jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ dawn il-kumpaniji u x’inhu n-numru ta’ impjegati li qegħdin fir-riskju li jispiċċaw bla xogħol?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.