Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #7851 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MCCA – pjan strateġiku

Question

B’referenza għall-intervista li ċ-ċermen tal-MCCA ta lil ‘The Times’ fejn qal li qed jipprepara dokument importanti ħafna – il-pjan strateġiku għall-2014 - imma fl-istess intervista jgħid ukoll li l-MCCA qed jibdel l-istruttura tiegħu iżda mhux ċert it-tibdil x’se jkun, jista’ l- Ministru jispjega preċiżament fiex jikkonsisti d-dokument li qiegħed jipprepara dan iċ-ċermen?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjan ta’ tibdil fl-istruttura tal-entità se jitħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Kultura fil-ġranet li ġejjin. Il-pjan strateġiku msemmi miċ-ċermen huwa marbut ma’ din it-tħabbira u se isegwi fuq din id-direttiva.
Leg 12 PQ #7852 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

V18 – tneħħija ta’ diretturi artistiċi

Question

Wara li tneħħew id-diretturi artistiċi ta’ V18 fuq il-bażi li l-pożizzjoni tagħhom ma kenitx baqgħet tenibbli, jista’ l-Ministru jispjega x’irid ifisser meta jgħid li dik il-pożizzjoni ma baqgħetx tenibbli? Jista’ jinforma lill-Kamra x’qed isir minflok, min hemm illum assoċjat mal-miri ta’ V18, jekk sarux laqgħat mad-diretturi artistiċi qabel tneħħew biex wieħed jara kif dak li kien proġettat se jitkompla wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, x’kordinazzjoni hemm illum fuq l-istess miri ta’ V18, u x’qed ikun ippjanat bħala legat kulturali mill-istess proċess tal-V18?

Response (VELLA, KARMENU)

Id-deċiżjoni li ma jiġġeddux il-kuntratti tad-diretturi artistiċi (APDs) li servew mal-Fondazzjoni Valletta 2018 matul l-2013 ittieħdet unanimament mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata primarjament fuq l-esperjenza tal-Fondazzjoni ta’ kif ħadmu matul il-perjodi tal-kuntratt tagħhom. Instab li l-mekkaniżmu ta’ direzzjoni artistika li kien qed jiġi addottat mill-Fondazzjoni ma kienx tenibbli mil-lat finanzjarju. Dan għax l-ispiża għad-diretturi artistiċi kienet sinifikanti tant li ftit kien għad baqa’ riżorsi finanzjarji biex jaħdmu. F’dan ir-rigward saru numru ta’ laqgħat mad-diretturi artistiċi fejn ħareg b’mod ċar ukoll li minkejja l-isforzi ta’ wħud minnhom, kien hemm nuqqas ta’ direzzjoni u koordinazzjoni. Fiż-żmien li ġej, il-Fondazzjoni ser tkun qed tħabbar id-direzzjoni li ser tkun qed tieħu dwar l-għażla u x’tip ta’ Direttur Artistiku għandu jkollha b’rabta ma’ dak li hu mistenni mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 hija dik li tara riġenerazzjoni tal-Belt Valletta kollha kemm hi mill-aspett ekonomiku, soċjali u kummerċjali kif ukoll programm kulturali apposta li jwassal għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.

Notifikazzjonjiet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il notifikazzjoni għamlet Malta matul is-sena 2013? Tista’ tagħti assikurazzjoni li ma kienx hemm regolamenti ġodda matul is-sena 2013 li kellhom jiġu notifikati u fil-fatt ma ġewx notifikati? Tista’ tinforma lill-Kamra dwar il-konsegwenzi li Malta tista’ tiffaċċja jekk il-Kummissjoni Ewropea jirriżultalha li kien hemm regolamenti li ma ġewx innotifikati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'xi seduta oħra.

MCCAA – telework

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm huma l-ħaddiema mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Awtorità tal-Mediċini li ngħataw telework f'Jannar 2014?

Response (DALLI, HELENA)

Matul Jannar 2014, fl-Awtorita’ Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ingħata kuntratt ta’ telework lil żewġ uffiċċjali u telework ad hoc għal numru limitat ta’ ġranet lil tlett uffiċċjali oħra fuq biċċa xogħol speċifika. Min-naħa tal-Awtorita’ tal-Mediċini matul Jannar 2014 ma kienx hemm ħaddiema li ngħataw t- telework .

MCCAA – talbiet pendenti għal telework

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx talbiet pendenti għal telework mill-impjegati tal-MCCAA li saru fis-sena 2013? Jekk iva, tista’ tgħid kemm hemm każijiet pendenti? Tista’ tgħid jekk kienx hemm talbiet għal telework fis-sena 2013 li ġew irrifjutati? Kemm kienu u għaliex ma ngħatawx?

Response (DALLI, HELENA)

Jiena nfurmata li m’hemm l-ebda talba pendenti għal xogħol bit-telework fl-MCCAA.

Awtorità tal-Mediċini — talbiet pendenti għal telework

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx talbiet pendenti għal telework mill-impjegati tal-Awtorità tal-Mediċini liema talbiet saru fis-sena 2013? Jekk iva, tista’ tgħid kemm hemm każijiet pendenti? Tista’ tgħid jekk kienx hemm talbiet għal telework fis-sena 2013 li ġew irrifjutati? Kemm kienu u għaliex ma ngħatawx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2013 fl-Awtorità tal-Mediċini kien hemm sitt (6) talbiet għal teleworking li ġew aċċettati skont il-bżonnijiet tal-impjegat u l-policy u l-prijoritatiet tal-Awtorità. Tlieta (3) talbiet ġew rifjutati minħabba li fil-fehma tal-Awtorità r-raġunijiet li nagħtaw mill-impjegati biex jagħmlu teleworking ma kienux ġustifikati. Hemm applikazzjoni waħda li qiegħda tiġi pproċessta.

MCCAA — numru ta’ impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta’ impjegati mal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur preżentement?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għandha preżentement mija u sitta u tletin (136) impjegat inklużi l-part-timers.

Mellieħa – disposal ta’ skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata l-lokalità tal-Mellieħa bħala post alternattiv sabiex fil-konfini ta' din il-lokalità jsir sit għad-disposal tal-iskart?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f'dan l-istadju ma hemm l-ebda lokalità li qiegħda tiġi kkunsidrata bħala sit alternattiv għad-disposal tal-iskart.

Garanzija taż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-Gvern bagħatx il-pjan tiegħu relatat mal-garanzija taż-żgħażagħ lill-Kummissjoni Ewropea? Jekk dan il-pjan intbagħat jista' l-Ministru jpoġġi d-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7131.

Skola Nazzjonali tal-Isport — coaches

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-coaches li jaħdmu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kenux konsultati dwar iċ-ċaqliq tal-iskola msemmija mill-Kumpless ta’ Ħal Kirkop għall-post fil-limiti ta' Pembroke?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li, iva, rappreżentanti tal-kowċis li jaħdmu mal-istudenti fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kienu mgħarrfa u konsultati dwar iċ-ċaqliq tal-iskola mill-faċilitajiet temporanji tagħha f'Ħal Kirkop għall-faċilitajiet permanenti fl-iskola li se tilqa' l-istudenti f'Pembroke.

Skola Nazzjonali tal-Isport – Sit ġdid

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti tal-proġett il-ġdid relatat mas-sit il-ġdid fejn se timxi l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u li ġew esebiti waqt laqgħa li saret reċentement għal dawk il-ġenituri interessati sabiex uliedhom japplikaw għas-sena skolastika li jmiss b'rabta dejjem mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti mitluba mill-Onor. Interpellant.

Trasport pubbiliku – rotot ġodda

Question

Jista' l-Ministru jelenka t-tibdil li sar fir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku għal-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar meta mqabbel mas-servizz li kien jingħata qabel Marzu 2013? Jista’ jikkonferma jekk hux ippjanat aktar tibdil fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru is-servizz li kien jingħata sa Marzu 2013 lill-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar mas-servizz tar-rotot ġodda li għadhom kif ġew imħabbra. Dawn ir-rotot li ġew sottomessi lill-Arriva f’Ottubru li għadda, huma il-bażi li torbot lil min jieħu l-operat tat-trasport pubbliku skont kif iddikjarat fl- Expression of Interest.

Kuntratti ffirmati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7535, jista’ l-Ministru jgħid għal-liema raġuni qiegħed iqis il-kuntratt ta’ Henley and Partners bħala wieħed ta’ natura kunfidenzjali?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija 7879 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat qabel.

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-kont tal-individwu li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jiġi rivedut peress li jidher li hemm żball?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijenta fejn din ġiet infurmata li l-każ tagħha qed jiġi investigat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, permezz ta’ spezzjoni li se ssir fuq il-post sabiex jiġi determinat jekk il-meter tal-ilma huwiex jiffunzjona kif suppost u jekk il-qari li qed jinħareġ minnu huwiex korrett. Sussegwentament wara li tkun saret l-ispezzjoni, jekk ikun hemm bżonn ta’ xi reviżjoni, din ser issir hekk kif ikun meħtieġ minn dak li jkun irriżulta.

Screening ta’ head lice

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-servizz tal-iscreening ta' head lice minn żewġ impjegati tal-gvern ingħata b'direct order lill-kumpanija privata? Jekk dan hu minnu x'kienet ir-raġuni? Jista’ jiċċekja jekk hux minnu li dan l-istess individwu li ngħata direct order fil-fatt qed iġiegħel lill-ġenituri jixtru prodotti mill-istess ħanut tiegħu meta t-tfal tagħhom jinstabu pożittivi għall-head lice?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizz tal-iscreening għall-head lice fl-iskejjel ingħata lil kumpanija privata, bl-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi, wara sejħa pubblika għall-offerti li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Settembru, 2013. Il-kumpanija privata li rebħet it- tend er ma ġietx mitluba li tbiegħ il-prodotti lill-ġenituri.

ETC — konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu s-servizzi li kienet tagħti l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala konsulent tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, kemm dam jagħtiha din il-konsulenza, kemm tħallas sena b'sena u abbażi ta' liema dokumentazzjoni kien jitħallas u jekk tali dokumentazzjoni kenitx skont il-kuntratt li kellu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-servizzi li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant kien jagħti lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kienu jirrigwardjaw konsulenza dwar l-impjiegi u l-Community Work Scheme. Din il-konsulenza bdiet tingħata mill-11 ta’ Ġunju 2012 u ntemmet fl-10 ta’ April, 2013. Il-ħlas sena b’sena kien:- 2012: €5,980.00; 2013: €3,120.00 Il-ħlas kien isir abbażi ta’ work record u invoice approvati mill-Kap Eżekuttiv skont il-kuntratt li kellu.

reserved parking — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raguni għala l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għal reserved parking ma ġietx aċċettata?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-Bord għall-Parkeġġ Riservat għall-Persuni b’Diżabbiltà ma kienx approva din l-applikazzjoni għal parkeġġ riservat minħabba li, skont ir-rapport tat-tabib tal-applikant u ukoll skont ir-rapport tat-tabib tal-Awtorità tat-Trasport, id-diżabiltà mhix sostanzjali li tikkawża diffikultà severa fil-mobiltà. Sussegwentament l-applikant appella d-deċiżjoni tal-Bord għall-Parkeġġ Riservat għall-Persuni b’Diżabiltà għand ir-Review Panel tal- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà. Ir-Review Panel ukoll ma approvax din l-applikazzjoni minħabba li d-diżabiltà mhix sostanzjali li tikkawża diffikultà severa fil-mobiltà.

Enemalta — ħlas għal konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 966 u jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Wasla ta’ immigranti illegali – Depot tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-immigranti li waslu Malta t-Tlieta, 9 ta’ Lulju 2013 ma tteħdux l-open centres kif dejjem sar iżda ttieħdu d-Depot tal-Pulizija fil-Furjana eżatt kif waslu?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li il-proċedura meta jaslu immigranti irregolari hi li l-immigranti mal-wasla tagħhom kienu jittieħdu d-depot tal-Floriana u issa l-Garaxxtal-Pulizija u wara jittieħdu fil-‘closed centres’. Għalhekk id-domanda magħmula mill-Onorevoli Interpellant għandha l-premessi kollha ħżiena.