Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #7853 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

V18 — budget

Question

Jista’ l-Ministru jispjega b’mod dettaljat x’inhu l-budget għall-V18 u jista’ l-Ministru jagħti lill-Kamra breakdown dettaljat tad-dħul u nfiq previsti fuq V18 għal din is-sena u l-erba’ snin li ġejjin?

Response (VELLA, KARMENU)

Il-budget maħsub mill-Gvern għaż-żamma ta’ Valletta 2018 ilaħħaq mat-€48 miljun fuq medda ta’ disa’ snin (2012-2020). Dan il-budget kien maqbul mal-Kummissjoni Ewropea u l-kumitat ta’ esperti mwaqqaf minnha. Hekk kif inhu elenkat fil-ktieb ta’ kandidatura sottomess f’Settembru 2012 mill-Fondazzjoni lill-Kumitat ta’ Selezzjoni, it-tqassim tal-ispejjeż tal-Fondazzjoni, u tal-entitajiet kulturali u governattivi li ser ikunu qed isostnu t-tħejjijiet flimkien mal-Fondazzjoni, qed isir bejn tliet oqsma primarji. Dawn huma dawk tal-amministrazzjoni, tal-programmar u tal-komunikazzjoni. Aktar minn nofs l-ispiża totali sejra fuq l-iprogrammar; madwar terz tmur fuq l-amministrazzjoni; filwaqt li bejn 10% u 15% tmur fuq il-komunikazzjoni.
Leg 12 PQ #7854 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Komunitajiet — artisti

Question

Fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet mill-Gvern li jrid jaħdem mal-komunità, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema artisti qed jintgħażlu u fuq liema kriterji, sabiex il-komunitajiet ikunu jistgħu jinkoraġixxu lill- artisti li jaħdmu magħhom jaspiraw għall-ogħla livelli artistiċi possibbli?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma għal attività, parteċipazzjoni u għarfien kulturali mal-komunita’ bi sħab mas-setturi kulturali u kreattivi huma prijorita’ fil-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern. Il-fondi pubbliċi eżistenti li permezz tagħhom qed iseħhu għadd ta’ proġetti f’dan il-qasam għandhom linji gwida u kriterji ppubblikati fuq siti elettroniċi. Skont dawn il-kriterji jintgħażlu l-benefiċjarji minn evalwaturi esperti u indipendenti.
Leg 12 PQ #7855 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

V18 – direttur artistiku

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jinħatar direttur artistiku għall-V18? Se jkun hemm sejħa pubblika għal din il-kariga u meta?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Direttur Artistiku għal Valletta 2018 se jinħatar fiż-żmien opportun. Kif ser issir l-għażla u meta se jinħatar direttur artistiku , jiġu deċiżi mill-Fondazzjoni Valletta 2018.
Leg 12 PQ #7856 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti – ħatra ta’ CEO

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jinħatar CEO ġdid għall-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti (MCCA), jekk hux se jkun hemm sejħa pubblika ta’ applikazzjonijiet u meta?

Response (VELLA, KARMENU)

Permezz tal-Kapitlu 444 tal-liġijiet ta’ Malta nħoloq il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura. Minn eżami ta’ l-istess att jirriżulta li d-direzzjoni eżekuttiva mhix vestita f’CEO imma f’Direttur Eżekuttiv. Il-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv ser titħabbar fil-jiem li ġejjin flimkien ma’ direzzjoni ġdida u strateġika għall-istess kunsill. Strateġija intiża sabiex l-istess Kunsill jimplimenta kif imiss il-funzjoni lilu mogħtija mill-istess att.
Leg 12 PQ #7857 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti – ħlasijiet liċ-ċermen

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ħlasijiet hux qed isiru fuq bażi annwali liċ-ċermen tal-MCCA?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċermen tal-MCCA jitħallas kull erba’ ġimgħat bħal bqija tal-istaff tal-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti.
Leg 12 PQ #7858 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MCCA – ingaġġ ta’ nies ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew ingaġġati nies ġodda mal-MCCA, x’kariga jew funzjoni ingħataw u x’inhu l-ħlas li qed isir lil kull wieħed jew waħda minnhom?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ngaġġa żewġ (2) impjegati ġodda. Persuna (1) ġie mpjegat bħala ‘Project Manager’ u huwa intitolat għal salarju massimu fi Skala 7, kif ukoll għandu allowance ta’ karozza ta’ 2,320 Ewro fis-sena. Il-kariga l-oħra hija ta’ xufier għaċ-ċermen u għandu salarju massimu fi Skala 18.

MCCAA – permess għal xogħol part-time

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm uffiċjali tal-MCCAA li f'Jannar 2014 ingħataw permess biex jaħdmu xogħol ieħor wara l-ħin? Jekk iva, minn min u meta nħareġ dan il-permess?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda uffiċċjali tal-MCCAA li f'Jannar 2014 ingħataw permess biex jaħdmu xogħol ieħor wara l-ħin.

Arbitri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni bħalissa sabiex iservu ta' arbitri għall-finijiet tal-Artikolu 107 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali? Tista’ tgħid min huma dawn l-arbitri? Tista’ tgħid meta nħatru dawn l-arbitri u tgħid ukoll kif intgħażlu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li disa’ Arbitri ġew maħtura sabiex iservu ta’ arbitri għall-finijiet tal-Artikolu 107 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u dan b’effett mit-3 ta’ Frar 2014. Dawn huma: L-Imħallef Franco Depasquale Dr Noel Camilleri Dr Joe Mifsud Dr Edward Gatt Dr Andy Ellul Dr Shaheryar Ghaznavi Dr Adrian Camilleri Dr Reno Borg Dr Vince Micallef
Leg 12 PQ #7904 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Artijiet – fidi ta’ ċnus

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jikkonċerna l-ħlasijiet ta' ċnus li dwarhom ir-residenti li joqogħdu bejn Triq il-Mosta u Triq l-Arznell San Pawl il-Baħar, kellhom diffikultajiet wara li skont id-Dipartiment tal-Artijiet/ Joint Office kien hemm ħlasijiet li jridu jitħallsu minn dawk li huma s-sidien tal-proprjetajiet f'dawn l-inħawi, u dan wara li skont id-dipartiment kienu trasferiti artijiet mill-privat, meta dawn l-artijiet kien għad għandhom piżijiet mal-Gvern, wara li l-istess artijiet għaddew għand il-Gvern mingħand il-Knisja, jew xi Ordni reliġjuża oħra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir aktar stħarriġ u ġbir ta’ dokumenti biex id-deċiżjoni finali tkun tista’ tittieħed dwar din il-kwistjoni.

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7661, billi fir-risposta qed jingħad li l-konsultazzjonjiet saru ma’ kulmin wera interess fuq din ir-riforma, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet is-sejħa għall-espressjoni ta' interess dwar dan is-suġġett? Meta għalqet l-istess espressjoni ta' interess? Minbarra hekk min kienu dawk l-individwi li wrew interess wara tali sejħa? Jekk ma kienx hemm sejħa pubblika għal dan il-għan, kif seta’ bniedem jew għaqda juri interess fis-suġġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’din il-leġiżlatura s’issa ma nħarġet l-ebda sejħa ta’ interess iżda bħal f’kull ħaġa oħra, qed isiru diskussjonijiet ma’ kull min juri xi interess fuq kif jistgħu jitjiebu sistemi eżiżtenti.

San Pawl il-Baħar – Tal-Veccia – trasport pubbliku

Question

Billi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7684 jingħad li Transport Malta għamlet l-arranġamenti neċessarji għat-trasport pubbliku fl-inħawi, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'arranġamenti saru, ma’ min saru u kif saru? Minbarra hekk kemm ġew jiswew dawn l-arranġamenti u min ħallas għalihom?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan prinċipali tagħna huwa dak li naraw li l-pubbliku jkun moqqdi bl-aħjar mod possibli u li nnaqqsu kemm jista’ jkun kull inkonvenjent li jinħoloq. Wara li inqalgħu xi xogħlijiet urġenti li kien hemm bżonn isiru mill-Water Services Corporation fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar (ħdejn il-Veċċja) il-karozzi tal-linja ma setgħux iservu ċ-ċentru ta’ din il-lokalita’. Għaldaqstant l-Operatur tat-trasport pubbliku ħa ħsieb biex jipprovdi shuttle service. Dan kien provdut minn żewġ mini buses, li operaw minn Triq San Pawl (ħdejn il-Mecca) sa Burmarrad u lura. Is-servizz tħaddem bejn il-05:10 ta’ filgħodu u 22:55 ta’ fil-għaxija bi frekwenza ta’ kull għaxar minuti, bejn l-Erbgħa 29 ta’ Jannar sal-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2014. Minħabba l-urġenza ta’ dan ix-xogħol ma’ kienx hemm żmien biżżejjed sabiex toħroġ Call for Quotation u għaldaqstant intuża l-istess arranġament li hemm fis-seħħ tal-Park and Ride tal-Floriana. Jiġifieri l-Mini Bus Coop Services ġew mitluba sabiex jagħtu dan is-servizz bl-istess rati. L-ispiża ta’ dan is-servizz ammontat għal €5,400. Din l-ispiża ser tiġi mħallsa mill-Operatur.

Proġett ta’ użu ta’ tablets

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm se jkun in-numru ta’ skejjel li se jieħdu sehem fil-proġett pilota dwar l-użu ta’ tablets? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-iskejjel se jkunu mis-settur statali, tal-knisja u indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

In-numru ta' skejjel li se jieħdu sehem fil-Proġett Pilota tat-Tablets għad irid jiġi determinat wara li jkunu evalwati s-sottomissjonijiet mis-suppliers skont is-sejħa pubblika li għalqet fil-5 ta' Frar 2014. L-għażla tal-iskejjel tiddependi wkoll mill-għalliema voluntiera li se japplikaw biex jieħdu sehem bil-klassi tagħhom fil-proġett pilota minn Ottubru li ġej. Is-sejħa għal dawn l-għalliema, li ħarġet wara konsultazzjoni mal-Malta Union of Teachers, tagħlaq fil-21 ta' Frar 2014. L-għażla tal-għalliema, skont l-applikazzjonijiet sottomessi, se ssir mid-Dipartiment tal-eLearning fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalitá u Standards fl-Edukazzjoni, li qed imexxi l-proġett tat-tablets. L-intenzjoni tad-Dipartiment tal-eLearning hija li jkun hemm skejjel tal-Knisja u Indipendenti inklużi fil-proġett pilota.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7688, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din is-sena l-applikazzjonijiet għal stipendju supplimentari kienu rifjutati lill-istudenti li kienu jeħduhom is-sena li għaddiet meta ċ-ċirkostanzi tad-dħul fil-familja ta’ dawn l-istudenti ma nbidlux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda applikazzjoni għall-Maintenance Grant ma ġiet rifjutata, u kull applikazzjoni li waslet lill-Bord ġiet ikkunsidrata bir-reqqa, abbażi tad-dokumenti li ġew ippreżentati mal-applikazzjoni, u ċ-ċirkostanzi li ġew elenkati mill-applikant stess. Tajjeb li wieħed jinnota illi kull min kellu risposta negattiva u talab reviżjoni dan sar u għadu ukoll fiż-żmien li jista’ isir. Tajjeb li wieħed ukoll jirrimarka li din is-sena l-applikazzjonijiet li waslu għand il-Bord barra li waslu lejn l-aħħar ta’ Dicembru, 2013, kellhom ukoll nuqqas konsiderevoli ta’ dokumenti relatati ma’ kull talba, u l-Bord seta’ biss jiddeċiedi fuq dawk id-dokumenti li kellu quddiemu.

Università – Mature Students – applikazzjonijiet għall-istipendju u smart cards

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7687, il-Ministru jaf li kien hemm mature students li rċievew risposta li l-applikazzjoni tagħhom għall-istipendju kienet rifjutata abbażi tal-Avviż Legali tal-2005?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ebda applikazzjoni minn mature students ma kienet rifjutata mill-Bord. Kull applikazzjoni li waslet għand il-Bord kienet ikkunsidrata bir-reqqa abbażi tad-dokumenti annessi mal-applikazzjoni u maċ-ċirkostanzi elenkati mill-istess applikant u annessi wkoll mal-applikazzjoni. Fil-fatt ħafna kienu il- mature students li talbu għal reviżjoni, u wara li ssottomettew id-dokumenti relevanti li kellhom nieqsa kellhom risposta pożittiva. Il-possibilta` li ssir talba lill-Bord għal reviżjoni tibqa’ miftuħa matul is-sena akkademika u fil-każ li ċ-ċirkostanzi tal-individwu jinbidlu dan dejjem jista’ javviċina lill-Bord. Sfortunatament ħafna kienu l-applikazzjonijiet li kellhom dokumenti neqsin meta waslu għand il-Bord anke jekk ħadu xhur sħaħ biex waslu mingħand l-istituzzjoni rispettiva għal għand il-Bord.

Avviż Legali dwar l-Istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Avviż Legali tal-2005 dwar l-istipendji kien emendat b’Avviż Legali tal-2012 li permezz tiegħu l-applikazzjonijiet għall-istipendju minn mature students ma baqgħux ikunu deċiżi abbażi tad-dħul tal-istudent imma fuq kriterji differenti li jekk ikunu applikati sew, ħafna aktar mature students jikkwalifikaw għall-istipendju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nikkonferma li l-Avviż Legali ġie emendat diversi drabi fosthom bl-Avviż Legali Numru 347 u 431 tal- 2012. L-applikazzjonijiet għall-istipendju minn mature students qed ikunu deċiżi abbażi tad-dispożizzjonijiet kollha proċeduri stabbiliti fir-rigward ta’ dan kollu u inkluż ukoll dak li kien stabbilixxa l-Bord dawn l-aħħar snin.

Bidliet fil-liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida

Question

Wara li ħareġ dokument ġeneriku li permezz tiegħu l-Ministru talab konsultazzjoni dwar bidliet fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jista’ l-Ministru jindika jekk hux beħsiebu joħroġ xi dokument sostanzjali bħala bażi għal diskussjoni pubblika kif ukoll mal-istituzzjonijiet konċernati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Hija konsultazzjoni miftuħa fejn fl-ewwel stadju qed nistennew proposti minn kull min irid iressaqhom 'il quddiem.

Liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-proposti ta’ tibdil min-naħa tal-amministrazzjoni preżenti għal Liġi dwar l-Edukazzjoni ġdida? Saret konsultazzjoni interna dwar dawn il-proposti ta’ tibdiliet ma’ uffiċjali fid-Direttorati, Prinċipali ta’ Kulleġġi, Kapijiet ta’ Skejjel, l-MUT, il-ġenituri, kif ukoll il-mexxejja tal-Iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kull min hu nteressat li jressaq proposti dwar kull aspett tal-liġi tal-edukazzjoni għandu kull opportuniutà jagħmel dan.
Leg 12 PQ #7914 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex – cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7550 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il cruise liner daħal f'Għawdex matul is-sena 2013 u kemm-il passiġġier kien hemm fuq dawn il-cruise liners? Jista' jgħid kemm hemm cruise liners konfermati li se jagħmlu waqfa f'Għawdex matul is-sena 2014?

Response (VELLA, KARMENU)

Skont informazzjoni ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika in-numru ta’ passiġġiera fuq cruise liners li żaru l-gżira ta’ Għawdex matul is-sena 2013 jammonta għal 2,482. Statistika dwar in-numru ta’ cruise liners li jidħlu f’Għawdex ma tinġabarx. Pero’ minn informazzjoni li tinġabar mingħand operaturi jidher li fl-2013 daħlu (13) tlettax-il cruise liner u din is-sena huma maħsuba li jidħlu (17) sbatax.
Leg 12 PQ #7915 Sitting 121 2014-02-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jżommx statistika ta' cruise liners li jidħlu f'Għawdex u jekk le għaliex? Jista' jgħid x'involviment ikollu l-Ministeru tiegħu kull darba li jidħol cruise liner f'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex jiġbor u jaġġorna din l-istatistika minn informazzjoni li jirċievi mingħand Transport Malta. Kull darba li jidħol cruise liners il-Ministeru jikkoordina mal-imsieħba kollha kkonċernati biex il-passiġġieri ta’ kull vapur ikunu milqugħa b’mod xieraq u s-servizzi kollha jkunu ikkordinati.

Ħlas għall-użu ta’ slip ways

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jintroduċi xi forma ta' ħlas għas-sajjieda, jew persuni oħra li jiġbdu jew ivaraw l-opri tal-baħar tagħhom mis-slip ways awtorizzati għal dan il-għan? Jista' jgħid li jekk se jiġi introdott tali ħlas - fil-fatt hux se jiġi introdott madwar Malta u Għawdex kollu, jew le? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk is-sidien ta' dawn l-opri tal-bahar hux se jintalbu li jħallsu wkoll taż-żmien li l-opra tkun fuq l-art, jekk kemm-il darba l-istess opra ddum iktar minn 10 t'ijiem fuq l-art?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent m’hemmx pjanijiet bħal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.