Transport Malta – vacancies għal Maintenance Manager, Executive Maintenance u Manager Traffic Management and Control
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13056, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk it-tliet impjegati li isimhom kien ingħata separatament bħala l-persuni indikati għall-vacancy ta’ Maintenance Manager, Executive Maintenance u Manager Traffic Management and Control fi ħdan Transport Malta, fil-fatt ingħatawx din il-promozzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Nikkonferma li l-persuni ndikati ngħataw il-pożizzjoni rispettiva tagħhom wara li nħarġet sejħa nterna għall-applikazzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-erba’ impjegati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament humiex il-persuni indikati għal upgrades fl-ICT Department fi ħdan Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li upgrades, li qed nifhmu li huma promotions, isiru skont proċeduri kif stipulat fil-collective agreement.
Transport Malta – Manager Traffic Managment & Control
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13056, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk wieħed mill-persuni indikati fil-mistoqsija parlamentari u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx ġie mogħti l-vacancy ta’ Manager Traffic Management & Control? Jista’ jgħid jekk din il-persuna għadhiex twettaq ix-xogħol li ngħatat permezz tal-grad li ħadet, u ċjoè ta’ Manager Traffic Management & Control? Jekk fin-negattiv, jista’ jgħid x'xogħol qed jagħmel preżentament u f'liema dipartiment/unit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għanda l-ebda mpjegat bit-titlu ta’ Manager Traffic Management & Control.
Transport Malta — Chairman u s-Senior Operating Officer – safra f’Bordeaux
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21720, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-iskop tal-waqfa f’Bordeaux li ċ-Chairman u s-Senior Operating Officer ta' Transport Malta kienu għamlu f’dan il-pajjiż? Jista’ jgħid kemm dawn il-persuni damu f'Bordeaux u kemm ġiet tiswa din is-safra lil Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret żjara ġewwa Bordeaux mis-Senior Operating Officer sabiex jattendi għall-ITS World Congress bejn is-6 u d-9 t’Ottubru 2015. Ninfurmah ukoll li c-Chairman ma attendiex Bordeaux. L-ispiża, li kienet tinkludi r-reġistrazzjoni għal dan il-kungress, titjiriet, akkomodazzjoni u allowances dovuti, saret skont proċeduri stipulati mill-MFIN.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għal xogħlijiet ta’ elettriku fi ħdan Transport Malta fejn jidħlu jew jiġu installati l-meters tad-dawl ġodda? Xi kwalifiki għandu, min qed jidħol responsabbli għal dawn ix-xogħlijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-meters jiġu stallati mill-Enemalta wara li tkun irċeviet applikazzjoni minn Transport Malta liema applikazzjoni tkun iffirmata minn persuni kwalifikati tal-kuntratturi rispettivi. Dan japplika fil-każ ta’ meters tad-dawl li jirrigwardaw stallazzjoni ta’ sinjali elettroniċi, pelican u belisha lights etc.
Fir-rigward ta’ meters li jsiru fuq mollijiet u siti oħra marittimi, dawn jiġu ċċertifikati mill-Maintenance Manager li għandu liċenzja tal-elettriku A u B u Diploma fl-Inġinerija Elettrika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma reġistrati li jgħixu Ħal Tarxien, kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni taħt is-somma ta’ €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuni li waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol mal-Korporazzjoni Jobsplus tul is-sena 2016? Kemm persuni gew maqtugħa fl-istess perjodu u kemm irtiraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni li waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol minn Jannar sa Diċembru 2016 kien ta’ 4,775 persuna (unique). Fl-istess perjodu kien hemm 865 persuna oħra li ġew maqtugħa (unique) filwaqt li 53 persuna irtiraw.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma reġistrati li jgħixu Raħal Ġdid, kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni taħt is-somma ta’ €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni ta’ sess femminili li bdew jaħdmu fis-sena 2016? Kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol? Kemm ġew impjegati full-time u kemm minnhom part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ nisa (persuna tingħadd darba biss) li bdew jaħdmu fis-sena 2016 kien ta’ 30,418. Minn dawn in-nisa kien hemm 8,467 li qatt ma ħadmu qabel, filwaqt li 6,757 irritornaw lura fid-dinja tax-xogħol (b’perjodu ta’ inattività tal-anqas ta’ sena).
It-tabella ta’ hawn taħt turi t-tip ta’ xogħol ta’ dawk in-nisa li qatt ma ħadmu u ta’ dawk li rritornaw lura fid-dinja tax-xogħol:
Nisa
Impjieg Full Time
Impjieg Part Time
Total
Nisa li qatt ma ħadmu qabel
4,883
3,584
8,467
Nisa li rritornaw lura fid-dinja tax-xogħol
(b’perjodu ta’ inattività tal-anqas ta’ sena)
2,893
3,864
6,757
Laqgħat tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea preseduta mill-Ministru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa se tiġi preseduta minnu tul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea? Kemm minnhom se jsiru f’pajjiżna u kemm barra? Jista’ jindika n-natura tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, huwa previst li:
Barra minn Malta, ser nippresjedi erba’ laqgħat Ministerjali:
- il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, li ser issir fis-17 ta’ Frar 2017, fi Brussel;
- is-sezzjonijiet tal-edukazzjoni, żgħażagħ u sport tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport, li ser issir fit-22 u 23 ta’ Mejju 2017, fi Brussel;
- il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, li ser issir fit-3 ta’ Marzu 2017, fi Brussel;
- il-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, li ser issir fil-15 ta’ Ġunju 2017, fil-Lussemburgu.
F’Malta, ser nippresjedi laqgħa waħda u konferenza Ministerjali:
- il-laqgħa Informali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur flimkien mal-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, li ser issir fit-3 u 4 t’April 2017, f’Malta.
- Konferenza Ministerjali dwar l-Edukazzjoni li mistennija li ssir fit-30 ta’ Mejju 2017.
Ministeru għas-Saħħa — person of trust u position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29925 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru hemm 4 full time equivalent f’position of trust u 15 bhala person of trust.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — person of trust u position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29926 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru tiegħi, hemm 2 persuni f’position of trust u 8 persuni bħala persons of trust.
Jista' l-Ministru jara li social worker tara l-każ ta' koppja li d-dettalji dwarhom qegħdin jingħataw separatament rigward dħul f'home tal-anzjani tal-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Għawdex – Victoria – Triq George Borg Olivier – proġett ta’ bini ta’ Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ bini ta’ qorti ġdida fi Triq George Borg Olivier, Victoria, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet kif ukoll saru l-istudji fuq is-sottoswol, din il-ġimgħa ser tiġi ppublikata s-sejħa għall-offerti għat-taħmil u bini ta' parkeġġ taħt l-art.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità tal-Qala minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li minn Marżu 2013 sal-lum ġewwa l-Qala ġew asfaltati Triq Mġarr, Triq il-Forn, Triq il-Vittorja u Triq Dun Ġuzepp Vella. Barra minn hekk twettaq il- progett ta’ tisbiħ tal-bajja ta’ Hondoq ir-Rummien - fejn irranġajna il-latrini, għamilna walkway ġdida u twaħħlu numru ta’ doxxi. Dan bil-ħsieb li minn Beach of Quality din tingħata l-istatus ta’ Blue Flag Beach.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità Ta’ Sannat minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi f’dan il-perjodu saru mill-ġdid Triq Gruwa, Triq ta’ Ċenċ, Triq it-Tempju ta’ l-Imramma, parti minn Triq Sannat, Triq Dun Luqa u Pjazza ta’ Ċenċ.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità tax-Xewkija minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi matul it-2016 ġiet restawrata binja fi Triq Santa Katerina, inbnew magħha kmamar għall-konvinjenza pubblika u lift u inħolqot u sar tisbiħ fi Pjazzetta l-Għammiedi, Xewkija, biex tkun tista’ tintuża mill-pubbliku. Waħda mill-kmamar qed tintuża bħala sala tal-wirjiet. Matul il-perjodu Marzu 2013 sal-lum saru ukoll dawn it-toroq, Triq San Bert, Pjazza San Gwann Battista, Triq San Zakkarija, Triq Torri Tingi, Triq San Andrija, Parti minn Triq Gruwa, Triq il-Mitħna, Triq it-Tessuti u parti minn Triq Taflija.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar it-toroq li biħsiebu jittakilja jew li qiegħed jittakilja fin-Nadur, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħarġet is-sejħa għal kisi ta’ Triq Għajn Qasab liema triq qatt ma kienet asfaltata. Għaddej ukoll xogħol biex tiġi asfaltata Triq it-Tiġrija.