B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn se jkunu reklutati l-għalliema? Min se jkollu l-opportunità jintgħażel biex jifforma parti mill-fakultà? Jekk se jkunu barranin kif se jkollhom aċċess għall-pazjenti li huma taħt il-kura tal-konsulenti li jaħdmu fis-sistema tas-saħħa pubblika?
Skola Sekondarja Subien Ħandaq – assenteiżmu ta’ għalliema
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-assenteiżmu ta’għalliema fil-Kulleġġ San Injazju Skola Sekondarja Subien, tal-Ħandaq? Kemm kienu, f’liema suġġetti kienu u x’rimedji ttieħdu sabiex dak li ntilef jiġi rkuprat qabel l-eżami ta’ nofs is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li meta l-klassi jkollha l-għalliema tagħha bis-sick leave, l-istess għalliema tieħu l-klassi meta jkollha replacement mal-istess klassi sabiex tikkompensa għall-lezzjonijiet li jkunu tilfu.
Il-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tinforma fiex tinsab l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista’ tgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħata separatament huwiex battal u jekk hux disponnibli għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni m’għandhiex applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. L-Awtorita’ tad-Djar m’għandhiex iċ-ċwievet tal-fond indikat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-qagħda finanzjarja li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara kellu sal-31 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan l-istess kunsill sad-data msemmija kellux xi djun ma’ kumpaniji bħal WasteServ, ARMS Ltd u oħrajn? Jekk iva, jista’ jelenka din il-lista u jgħid kemm jammontaw f’termini assoluti u f’termini ta’ persentaġġ tal-allokazzjoni tal-istess kunsill?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Tista’ l-Ministru tindika meta se jiġi stallat il-lift fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għal lift ġo Blokk S, Triq Katerina Vitale, Santa Lucija, ġiet approvata u qegħda nkluża mal-lista ta’ xogħlijiet pendenti għall-liftijiet. Is-sit in kwistjoni ġie mkejjel u saru l-pjanti meħtieġa. Il-proposta issa trid tiġi sottomessa għas-skrutinju tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilitá biex wara ssir applikazzjoni għal permess mill-MEPA. Wara dan l-istadju u skont prioritajiet applikabbli, jigi ppreparat tender document biex tinħareġ sejha ghall-offerti għax-xoghlijiet mehtiega.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi mard fost il-ħaddiema li jaħdmu fuq il-linja (fil-Biċċerija) tal-Marsa, li rriżulta minħabba xogħol li qed jagħmlu l-istess ħaddiema? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ persuni nvoluti? X’miżuri ttieħdu biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm problemi la għall-ħaddiema u lanqas għall-konsumaturi? Billi hu normali li meta jiġru ċirkostanzi simili jkun hemm diffikultajiet li jiġu ffaċċjati mill-produtturi, x’passi qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li ma jkunx hemm danni għall-istess produtturi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għalkemm kien hemm xi ħaddiema li jaħdmu fuq il-linja fil-Biċċerija li kellhom infezzjoni ta’ hżież f’idejhom, minn imkien ma jirriżulta b’xi ċertezza li din l-infezzjoni ttieħdet minn ġol-Biċċerija. Ta’ min jgħid li din it-tip ta’ infezzjoni, għalkemm faċilment tittieħed f’każ ta’ kuntatt dirett ma’ xi annimal infettat, mhux waħda meqjusa bħala perikoluża u fil-fatt tista’ tkun ikkurata u mfejqa fi ftit jiem. Jien infurmat ukoll li din it-tip ta’ infezzjoni mhux rari fuq l-annimali – kemm domestiċi kif ukoll dawk mrobbija għall-laħam - u ma taffetwax il-kwalita’ tal-prodott. Huwa diffiċli li din tittieħed mill-ħaddiema li jaħdmu fuq il-linja fil-Biċċerija kemm il-darba dawn jimxu mal-prattiċi stabbiliti u jilbsu l-ilbies protettiv li huwa pprovdut.
Ta’ min wieħed jgħid li ma kien hemm l-ebda rapport mill-produtturi li huma iffaċċjaw xi diffikultajiet b’riżultat ta’ dan il-każ. Ta’ min wieħed jafferma li l-aħjar metodu biex ma ssirx ħsara hi li ma jkunx hemm min joħloq alarm fuq kwistjoni bħal din li ma tikkostitwixxi l-ebda periklu għal ħadd. Nispera li ma jkunx hemm minn jipprova jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni sabiex jagħmel ħsara.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm flus ivvutati għall-attività Ġieħ l-Isport Malti li se tiġi mtellgħa mis-Segretarjat responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport fil-ġimgħat li ġejjin? Min huma l-membri li jiffurmaw il-Kumitat organizzattiv? Jista’ jgħid jekk hemmx ħlasijiet għall-ħidma tal-membri li jiffurmaw il-kumitat organizzattiv?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li flus ivvutati għal Ġieħ l-Isport Malti hemm €25,000 għall-2014 kontra infieq ta' iktar minn €100,000 fl-2012, 2013.
Il-Kumitat Organizzattiv hu magħmul minn Paul Stoner bħala Chairman, u Paul Debattista u Mark Cutajar bħala membri. Ħlasijiet ma hemmx.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq l-iskola l-ġdida tal-Isport? Meta mistenni jitlesta x-xogħol fuq l-istess proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada għamlet applikazzjoni l-MEPA għal dan il-proġett. Għalhekk f'dan l-istadju ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.
Wara li l-Gvern ma kkonfermax l-iskema li kienet immirata b’risq dawk id-dilettanti taċ-ċikliżmu u li kienet imnedija mill-amministrazzjoni preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jniedi xi skemi simili sabiex tkompli tinħoloq aktar kultura tal-użu tar-roti f’pajjiżna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Jien informat li din l-iskema ma kienitx ġiet ikkonfermata mill-Gvern preċedenti fis-sena 2011.
Jista’ l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema rigward il-kont tad-dawl u l-ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ARMS għamlet kuntatt mal-klijent u spjegat il-kont b’mod dettaljat, u l-klijent fehem li ma kien hemm l-ebda problema fil-mod kif inħareġ il-kont.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7410, jista' l-Ministru jgħid x'time frames jeżistu biex titlesta l-evalwazzjoni fuq id-diversi proġetti li ssemmew fl-istess risposta fosthom il-proġett taż-żona tal-bajja tal-Għadira?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7410, għadha tapplika.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7037, tista' l-Ministru tara li jsir kuntatt ma' din l-omm li mhux trid post imma bdil ta' post minħabba mard ħalli kif jitbattal post hija tieħu dak battal u tagħti tagħha lill-Gvern
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija ssibha fil-mistoqsija parlamentari 7037.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7719, billi hemm referenza għall-obbligu li jinżamm bilanċ pożittiv ta' 10%, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli li waqgħu taħt il-livell ta' 10% bilanċ pożittiv? Liema kienu l-kunsilli lokali li fil-fatt ingħataw eżenzjoni biex ma jimxux ma' din ir-regola?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi li juru (a) dawk il-Kunsilli Lokali li kienu ingħataw eżenzjoni biex ma jżommux il-bilanċ ta’ għaxra fil-mija u (b) dawk il-Kunsilli Lokali li ma żammewx il-bilanċ ta’ 10% bilanċ posittiv skont l-aħħar rapporti tal-udituri għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2012.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7906, billi qed jingħad li r-rati mħallsa kienu l-istess li hemm fil-każ tal-park and ride, jista' l-Ministru jgħid kif wieħed jispjega li żewġ mini buses għal tlett ijiem ġew jiswew €5400 filwaqt li seba' mini buses fil-park and ride jiswew inqas minn €1500 kuljum u dan skont risposta mogħtija mill-istess Ministeru? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar min hu l-operatur imsemmi fl-aħħar parti tal-mistoqsija?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda sabiex nikkorreġi l-figura li ġiet ikkwotata għar-risposta li ngħatat f’mistoqsija parlamentari numru 7906 fejn l-ispiża għas-servizz li ngħata ġewwa San Pawl il-Baħar kien ta’ €2,700 u mhux €5,400 kif ġie ikkwotat.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wieħed irid jikkunsidra li s-servizz li ngħata ġewwa San Pawl il-Baħar kien itwal bi kważi tlett sigħat kuljum minn dak illi jingħata ġewwa il-Park and Ride. Ta’ min jinnota wkoll li minħabba li l-frekwenza tas-servizz li jingħata ġewwa il-Park and Ride hija anqas frekwenti fil-ħinijiet ikkunsidrati bħala Off Peak, is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi, in-numru ta’ vetturi li jintużaw ivarja f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Fil-fatt l-ammont ivarja sa massimu ta’ 7 mini buses kuljum
Is-servizz ta’ Shuttle li jingħata fil-Park and Ride kif ukoll is-servizz li kien ingħata f’San Pawl il-Baħar ġie pprovdut mill-Mini Bus Coop Services Ltd.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7946, jista' l-Ministru jgħid kemm hu r-readership (l-ammont ta’ qarreja li jaqraw l-ġurnali) tal-gazzetti lokali skont il-Ministeru tiegħu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-surveys li jsiru fuq bażi kummerċjali u l-istħarriġ ta’ l-Awtorita tax-Xandir.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-suppliers li l-Kunsill Lokali preċedenti ta’ Birkirkara taħt sindku Nazzjonalista ħalla dejn magħhom?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 966 u jgħid il-Korporazzoni Enemalta kemm ħallset jew se tkun mitluba tħallas għall-konsulenzi legali u pariri legali mogħtija mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum? Min hija jew huma d-ditti legali li qed jipprovdu tali servizzi legali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.